Qari tal-Quddies tal-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri (TO)


Stampa t-test tal-qari …

15 ta’ Settembru
Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri
Tifkira (O)

QARI I
Lhud 5:7-9

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt.

U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 30, 2-6; 15-16.20

R/. Fit-tjieba tiegħek, Mulej, salvani.

Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani,
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija,
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni. R/.

Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;
f’ġieħ ismek mexxini u wassalni.
Oħroġni mix-xibka li ħbew għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
F’idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. R/.

Imma jien fik nittama,
Mulej; jien ngħidlek: “Alla tiegħi int!”
F’idejk hi xortija,
eħlisni minn id l-għedewwa,
minn id dawk li jeħduha kontrija. R/.

Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,
li inti rfajt għal min jibża’ minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik,
quddiem il-bnedmin kollha! R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Ġw 11:25a.26

Hallelujah. Hallelujah.
Il-Verġni mqaddsa Marija
Sultana tas-sema u Sidt id-dinja,
kienet wieqfa imbikkija ħdejn s-salib ta’ Sidna Ġesù.
Hallelujah.

EVANĠELJU
Ġw 19:25-27 jew Lq 2:33-35

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.