Qari tal-Quddies tas-Sibt tal-XXV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek, qabel ma t-trab jerġa’ jmur fl-art mnejn ġie, u n-nifs tal-ħajja jitlaq lejn Alla.
Koħ 11, 9 – 12, 8

Qari mill-Ktieb ta’ Koħèlet

Thenna, o żagħżugħ, fir-rebbiegħa ta’ ħajtek,
u ħa tkun ferħana qalbek f’jiem żgħożitek.
Imxi wara t-taħbit ta’ qalbek,
u wara l-għaxqa ta’ għajnejk.
Iżda kun af li ta’ dan kollu jitolbok kont Alla fil-ħaqq tiegħu.
Ħarrab ukoll minn moħħok it-tħassib,
u żomm il-ħsara ’l bogħod minn ġismek;
għax it-tfulija u ż-żgħożija buffura riħ.
Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek
qabel ma jaslu jiem in-niket,
u joqorbu s-snin li tgħid għalihom:
“Xejn ma jogħġbuni”;
qabel ma jiddallmu x-xemx u d-dawl,
u l-qamar u l-kwiekeb,
u s-sħab jerġa’ jidher wara x-xita;
meta dawk li jgħassu d-dar jibdew jitriegħdu,
meta l-qalbenin jitgħawġu,
u jieqfu dawk li jitħnu, għax jonqsu fl-għadd,
u jiddallmu dawk li jħarsu ’l barra mit-tieqa;
meta l-bibien jingħalqu fuq it-triq,
u l-ħoss tal-mitħna jonqos,
u l-għana tal-għasfur jintefa,
u kull għana jieqaf;
meta kull telgħa tbażża’,
u t-triq issir tkexkix,
meta s-siġra tal-lewż tarmi ż-żahar,
u l-ġrad jitqal fil-mixi;
u l-kappara titlef gostha,
għax il-bniedem imur id-dar tiegħu ta’ dejjem,
u l-bekkejja jiġġerrew mat-toroq;
qabel ma l-ħajta tal-fidda tinqata’,
u l-musbieħ tad-deheb jitfarrak;
qabel ma l-ġarra fuq l-għajn tinkiser,
u t-tarjola fuq il-bir tinqasam;
u t-trab jerġa’ jmur fl-art mnejn ġie,
u n-nifs tal-ħajja jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie.
O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħèlet,
kollox frugħa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 89 (90), 3-4.5-6.12-13.14 u 17

R/. (1): Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,
u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”
Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda,
jew bħal sahra tal-lejl. R/.

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.
Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;
filgħodu jwarrad u jħaddar,
filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

Imliena kmieni bit-tieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin. Huma beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.
Lq 9, 43b-45

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, waqt li kulħadd kien imnixxef bil-għaġeb quddiem il-kobor liema bħalu ta’ Alla, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu