Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda.
1 Kor 10, 14-22

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Għeżież tiegħi, aħarbu l-allat foloz. Lil nies għaqlin qiegħed inkellem; għarblu intom kulma ngħid.

Il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka mhuwiex għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu mhuwiex għaqda mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża waħda. Ħarsu lejn Iżrael skont il-ġisem. Dawk li jieklu l-vittmi mhumiex f’għaqda mal-altar? X’irrid ngħid? Li l-ikel mogħti lill-allat foloz jiswa xi ħaġa? Jew li l-idoli huma xi ħaġa? Ngħid li s-sagrifiċċji li joffru l-pagani, lid-demonji joffruhom u mhux lil Alla. Jien ma rridx li intom tidħlu f’għaqda mad-demonji. Ma tistgħux tixorbu x-xorb tal-Mulej u x-xorb tad-demonji; ma tistgħux taqsmu fil-Mejda tal-Mulej u fil-mejda tad-demonji. Jew se nqajmu l-għira tal-Mulej? Jaqaw aħna aqwa minnu?

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 115 (116), 12-13.17-18

R/. (17a): Lilek Mulej noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr

Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.
Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għaliex issejħuli: “Mulej Mulej!” u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?
Lq 6, 43-49

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm. Għaliex issejħuli: “Mulej, Mulej!” u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien? Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah. Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Imbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżżiżha, għax kienet mibnija tajjeb. Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu