Il-Ħamsa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
QARI I
Tagħlim qaddis.
Prov 21, 1-6.10-13
Qari mill-Ktieb tal-Proverbi
Qalb is-sultan nixxiegħa ilma f’id il-Mulej;
hu jmexxiha kull fejn jogħġbu.
Kulma jagħmel il-bniedem hu safi f’għajnejh,
imma l-Mulej jiżinlu qalbu.
Li tagħmel il-ħaqq u s-sewwa
jogħġob lill-Mulej aktar mis-sagrifiċċju.
Għajnejn merfugħa u qalb imkabbra;
dan hu s-sinjal tal-ħżiena, u hu dnub.
Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu;
imma min jgħaġġel jiġi fil-bżonn.
Min jaħżen il-ġid bil-qerq ta’ lsienu
bħal duħħan li jgħib u bħal xibka tal-mewt.
Qalb il-ħażin tixtieq id-deni;
m’għandux ħniena lanqas minn ħbiebu.
Bit-twiddib tal-vjolenti jitgħallem iċ-ċkejken;
u l-għaref bit-tagħlim ikattar għerfu.
Alla l-ġust iħares lejn dar il-ħażin;
il-ħżiena jitfagħhom fil-ħsara.
Min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir,
ħadd ma jwieġbu meta jgħajjat hu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 1.27.30.34.35.44
R/. (35a): Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek
Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Fehemni t-triq tal-preċetti tiegħek,
biex naħseb fuq għeġubijietek. R/.
Jiena għażilt it-triq tas-sewwa;
ħtart għalija d-digrieti tiegħek.
Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.
Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
Inħares il-liġi tiegħek għal dejjem,
u għal dejjem ta’ dejjem. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 11, 28
Hallelujah. R/. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla
u jħarsuha.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu.
Lq 8, 19-21
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ġew għal Ġesù ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. Xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk”. Iżda hu weġibhom: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu