It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta
QARI I
Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox.
1 Kor 2, 10b-16
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla. Min qatt għaraf dak li hemm moħbi fil-bniedem jekk mhux l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih?
Hekk ukoll ħadd ma jagħraf dak li hemm f’Alla ħlief l-Ispirtu ta’ Alla. Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta’ din id-dinja, imma l-Ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina. Dawn il-ħwejjeġ ħabbarnihomlkom bi kliem li ma tgħallimniehx mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-Ispirtu, u fissirna ħwejjeġ spiritwali lil nies spiritwali. Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jista’ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 144 (145), 8-9.10-11.12-13ab.13ċd-14
R/. (17a): Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel. R/.
Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;
iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.
Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,
u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.
Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,
minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej ‘il kull min se jaqa’,
iqajjem ‘il kull min hu mitluq. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7, 16
Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!
Lq 4, 31-37
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa.
U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli: “Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”. Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara.
U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu”. U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu