26. Il-Magħmudija: Id-Dħul fil-Ħajja tal-Grazzja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 25/03/1992.

1. Naqraw fil-kostituzzjoni Lumen gentium tal-Konċilju Vatikan II: “Il-karattru sagru tal-komunità saċerdotali jiġi attwat permezz tas-sagramenti u tal-virtujiet” (LG 11).

Dan ifisser li l-eżerċizzju tas-saċerdozju universali huwa marbut mas-sagramenti, li bla dubju ta’ xejn jiżvolġu rwol fundamentali fil-ħajja nisranija. Imma l-Konċilju jassoċċja “sagramenti” u “virtujiet”. Din l-assoċjazzjoni sinifikattiva tindika, minn banda, li l-ħajja sagramentali ma tistax tkun ridotta għal ġabra ta’ kliem u ta’ ġesti ritwali: is-sagramenti huma espressjoni ta’ fidi, ta’ tama u ta’ karità. Mill-banda l-oħra din tenfasizza li l-iżvilupp ta’ dawn il-virtujiet u tal-oħrajn kollha fil-ħajja nisranija huwa mqanqal mis-sagramenti. Nistgħu mela ngħidu li, skont il-kunċett kattoliku, il-kult sagramentali isib it-titwil naturali tiegħu fil-fjoritura tal-ħajja nisranija. Il-Konċilju jagħmel riferenza qabel kollox għall-Magħmudija, sagrament li, waqt li jikkostitwixxi l-persuna umana bħala membru tal-Knisja, jintroduċiha fil-komunità saċerdotali. Naqraw: “Il-fidili nkorporati fil-Knisja bil-Magħmudija, huma ddestinati għall-kult tar-reliġjon nisranija mill-karattru, u billi jiġu rriġenerati bħala wlied Alla huma miżmuma li jipprofessaw b’mod pubbliku l-fidi rċevuta minn Alla permezz tal-Knisja” (Ivi). Dan huwa test mimli duttrina ħierġa’ mit-Testment il-Ġdid u żviluppata mit-tradizzjoni tas-Santi Padri u tad-Dutturi tal-Knisja. Fil-katekeżi preżenti irtridu niġbru l-punti essenzjali.

2. Il-Konċilju jibda billi jfakkar li l-Magħmudija ddaħħal fil-Knisja, Ġisem ta’ Kristu. Dan huwa diwi ta’ San Pawl, li kien kiteb: “Aħna lkoll ġejna mgħammda fi Spirtu wieħed biex niffurmaw Ġisem wieħed” (1 Kor 12, 13). Huwa mportanti li nenfasizzaw ir-rwol u l-valur tal-Magħmudija għad-dħul fil-komunità ekkleżjali. Ma jonqosx ukoll illum min ma jagħrafx dan ir-rwol, billi jittraskura u jittardja l-Magħmudija, b’mod partikolari għat-tfal. Imma skont t-tradizzjoni stabbilita tal-Knisja, il-ħajja nisranija tiġi inawgurata mhux sempliċement b’dispożizzjonijiet umani, imma b’sagrament imżejjen b’effikaċja divina. Il-Magħmudija, bħala sagrament, jew aħjar bħala sinjal viżibbli tal-grazzja inviżibbli, hija l-bieb li permezz tiegħu Alla jaġixxi fir-ruħ – ukoll f’dik ta’ mwieled ġdid – biex jgħaqqadha miegħu fi Kristu u fil-Knisja. Jagħmilha parteċipi tal-Fidwa. Jgħaddasha fil-“ħajja l-ġdida. Idaħhalha fix-xirka tal-Qaddisin. Jiftħilha l-aċċess għas-sagramenti l-oħra kollha, li għandhom il-funzjoni li jwasslu għall-iżvilupp sħiħ il-ħajja nisranija. Għal dan kollu l-Magħmudija hija bħal twelid mill-ġdid li permezz tiegħu wild il-bniedem isir bin Alla! 

3. Il-Konċilju, infatti, jgħid dwar l-Imgħammdin: “Irriġenerati bħala wlied Alla”. Inħossu hawn l-eku tal-kliem tal-Appostlu Pietru li jbierek lil Alla Missier, għaliex “fil-ħniena kbira tiegħu hu rriġenerana” (1 Pt 1, 3) u nsibu mill-ġdid it-tagħlim ta’ Ġesù nnifsu, irrappurtat minn San Ġwann, fir-rakkont tad-djalogu ma’ Nikodemu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlek, jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u mill-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla” (Ġw 3, 5). Ġesù jgħallimna li t-twelid il-ġdid jiġi pprodott mill-Ispirtu. Dan tenfasizzah l-ittra lil Titu, li skontha Alla salvana “permezz ta’ ħasil ta’ riġenerazzjoni u ta’ tiġdid fl-Ispirtu Santu, imsawwab minnu fuqna b’mod abbundanti permezz ta’ Ġesù Kristu, Feddej tagħna” (Tt 3, 5). Diġa l-Battista kien ħabbar il-Magħmudija fl-Ispirtu (cf. Mt 3, 11). U Ġesù jgħidilna li l-Ispirtu Santu huwa “vivifikanti” (Ġw 6, 63). Aħna nipprofessaw il-fidi f’din il-verità rivelata, waqt li ngħidu mal-Kredu niċen-kostantinoplitan: “Et in Spiritum Sanctum Dominum et vivificantem”. Din hija l-ħajja l-ġdida, li għaliha aħna wlied Alla f’sens evanġeliku: u huwa Kristu li jipparteċipa ma’ dawk li jemmnu l-filjazzjoni divina tiegħu permezz tal-Magħmudija, minnu mwaqqfa bħala Magħmudija fl-Ispirtu. Fiha għandha t-twelid spiritwali għall-ħajja l-ġdida, li hija frott tal-Inkarnazzjoni feddejja: is-sagrament jagħmel iva li l-esseri uman jgħix mill-istess ħajja ta’ Kristu rxoxt. Din hija d-dimensjoni soterjoloġika tal-Magħmudija, li dwarha San Pawl jiddikjara: “. . . daqs kemm konna mgħammdin fi Kristu Ġesù, daqstant konna mgħammdin f’mewtu . . . għaliex bħal ma Kristu kien imqajjem mill-imwiet . . . hekk ukoll aħna nistgħu nimxu f’ħajja ġdida” (Rm 6, 3-4). Dan il-pass mill-Ittra lir-Rumani jippermettilna nifhmu sewwa l-aspett saċerdotali tal-Magħmudija. Dan juri li r-riċeviment tal-Magħmudija jfisser li tkun magħqud personalment mal-misteru paskwali ta’ Ġesù, li jikkostitwixxi l-unika offerta saċerdotali tassew perfetta u apprezzata minn Alla. Minn din l-għaqda tirriżulta għal kull mgħammed il-ħila li wieħed jagħmel mill-eżistenza propja kollha offerta saċerdotali magħquda ma’ dik ta’ Kristu (cf. Rm 12, 1; 1 Pt 2, 4-5).

4. Il-Magħmudija, mal-ħajja ta’ Kristu, tgħaddas fir-ruħ il-qdusija tagħha, bħala kondizzjoni ġdida ta’ appartenenza lil Alla bil-ħelsien u l-purifikazzjoni, bħal ma jfakkar San Pawl lill-Korintin: “Intom inħsiltu, intom ġejtu mqaddsa, intom ġejtu ġgustifikati f’isem Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta’ Alla tagħna” (1 Kor 6, 11). Dejjem skont id-duttrina tal-Appostlu, hija l-Knisja kollha li tiġi ppurifikata minn Kristu “permezz tal-ħasil tal-ilma akkumpanjat mill-kelma”: hija ssir “qaddisa u immakulata” fil-membri tagħha minħabba li huma jirċievu l-Magħmudija (Ef 5, 26), li hija ħelsien mid-dnub ukoll b’benefiċcju tal-komunità kollha, li tissapportja mixja kostanti ta’ tkabbir spiritwali (cf. Ef 2, 21). Hija ħaġa ċara li mill-qdusija tal-Magħmudija joħorġu fl-insara – individwalment u komunitament – il-possibiltà u l-obbligu ta’ ħajja qaddisa. Skont San Pawl, l-imgħammdin huma “mejtin għad-dnub”, u jridu jiċħdu l-ħajja tad-dnub (Rm 6, 2). “Qisu lilkom infuskom – -huwa jirrakkomanda – mejtin għad-dnub, imma ħajjin għal Alla, f’Ġesù Kristu” (Rm 6, 11). F’dan is-sens il-Magħmudija tgħinna nieħdu sehem fil-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, fir-rebħa tiegħu fuq il-qawwiet tal-ħażen. Dan huwa s-sinifikat tar-rit tal-Magħmudija, li fih il-kandidat jiġi mistoqsi: “Tiċħad lil Satana?”, biex jitolbu l-impenn personali għall-ħelsien totali mid-dnub, u allura mill-poter ta’ Satana: l-impenn li jissielet, tul il-ħajja kollha terrena kontra s-seduzzjoni ta’ Satana. Din se tkun “ġlieda sewwa”, li tirrendi l-bniedem iktar denn tal-vokazzjoni ċelesti tiegħu, imma iktar ipperfezzjonat bħala bniedem. Għal din ir-raġuni doppja, it-talba u l-aċċettazzjoni tal-impen jimmeritaw li jkunu magħmulin ukoll fil-Magħmudija tat-tarbija, li twieġeb permezz tal-ġenituri u l-parrinijiet. Bis-saħħa tas-sagrament hija tkun ippurifikata u mqaddsa mill-Ispirtu li jgħaddsilha fiha l-ħajja l-ġdida bħala sehem fil-ħajja ta’ Kristu.

5. Barra l-grazzja vivifikanti u santifikanti tal-Ispirtu, fil-Magħmudija dak li jkun jirċievi l-impressjoni ta’ siġill li jissejjaħ karattru, li dwaru l-Appostlu jgħid lill-insara: “Intom irċivejtu s-siġill tal-Ispirtu Santu li kien imwiegħed” (Ef 1, 13; cf 4, 30; 2 Kor 1, 22). Il-karattru (bil-Grieg sfragis) huwa sinjal ta’ appartenenza: l-imgħammed, infatti, isir propjetà ta’ Kristu, propjetà ta’ Alla, u f’din l-appartenenza tiegħu jattwa l-qdusija fundamentali u definittiva tiegħu, li minħabba fiha San Pawl kien isejjaħ lill-insara “il-qaddisin” (Rm 1, 7; 2 Kor 1, 2; 2 Kor 1, 1 ecc.). Din hija l-qdusija tas-saċerdozju universali tal-membri tal-Knisja, li fihom titwettaq b’mod ġdid l-wegħda l-antika: “Intom tkunu għalija saltna ta’ saċerdoti u nazzjon qaddis” (Es 19, 6). Din hija konsagrazzjoni definittiva, permanenti, operata mill-Magħmudija u ffissata b’karattru li ma jitħassarx.

6. Il-Konċilju ta’ Trentu, interpretu tat-tradizzjoni nisranija, iddetermina li l-karattru huwa “sinjal spiritwali u li ma jitħassarx”, minqux fir-ruħ minn tliet sagramenti: il-Magħmudija, il-Griżma tal-Isqof u l-Ordni Sagri (Denz.-S. 1609). Dan ifisser li dan huwa sinjal viżibbli, ukoll jekk f’bosta mgħammdin huma viżibbli biss ċerti effetti tiegħu, bħas-sens ta’ appartenenza lil Kristu u lill-Knisja, li jidher fil-kliem u fl-opri tal-insara – presbiteri u lajċi – tassew fidili. Waħda minn dawn il-manifestazzjonijiet tistà sseħħ fiż-żelu għall-kult divin. Infatti, skont is-sabiħa tradizzjoni mill-Konċilju Vatikan II, il-fidili huma “iddestinati mill-karattru għall-kult tar-reliġjon nisranija”, jiġifieri biex jirrendu kult lil Alla fil-Knisja ta’ Kristu. Dan kien sostnieh, skont dik it-tradizzjoni, San Tumas D’Aquino, li skontu l-karattru huwa “qawwa spiritwali” (Summa theologiae, III, q. 63,  a. 2), li jagħti l-ħila għal sehem fil-kult tal-Knisja bħala membri tagħha magħrufin u msejħin għall-assermblea, b’mod speċjali għall-offerta ewkaristika u għall-ħajja kollha sagramentali. U tali ħila hija inaljenabbli u ma tistax titneħħa, billi tirriżulta minn karattru li ma jitħassarx. Hemm x’wieħed igawdi biex jiskopri dan l-aspett ieħor tal-misteru tal-“ħajja l-ġdida” inawgurata mill-Magħmudija, l-ewwel nixxiegħa sagramentali tas-“saċerdozju universali”, li d-dmir fundamentali tagħha huwa li tirrendi kult lil Alla! F’dan il-waqt, iżda, nixtieq inżid li l-ħila nvoluta mill-karattru tinvolvi missjoni u allura responsabiltà: min irċieva l-qdusija ta’ Kristu irid jimmanifestaha lid-dinja “fil-kondotta kollha tiegħu” (1 Pt 1, 15),u għalhekk imantniha bil-ħajja sagramentali, b’mod iktar partikolari bis-sehem fil-festin ewkaristiku.

7. Il-karattru huwa magħmul vitali mill-grazzja tal-Ispirtu Santu, imdaħħla mal-Magħmudija. Fid-dinamiżmu tagħha din tipproduċi l-iżvilupp kollu tal-ħajja ta’ Kristu saċerdot fina: ta’ Kristu li jagħti l-kult perfett lill-Missier fl-Inkarnazzjoni, fuq is-Salib u fis-Sema, u jaċċetta lin-nisrani għas-sehem tas-saċerdozju tiegħu fil-Knisja, imwaqqfa biex tkun fid-dinja qabel xejn rinnovatriċi tas-sagrifiċċju tiegħu. U bħal ma Kristu fuq l-art ikkonferma ħajtu kollha għall-esiġenzi tal-oblazzjoni saċerdotali, hekk ukoll is-segwaċi tiegħu – bħala individwi u bħala komunità – huma msejħa biex ikabbru s-sehem oblat irċevut mal-karattru f’imġieba li tidħom mill-ġdid fl-ispirtu tas-saċerdozju universali li għalih ġejna mdaħħla bil-Magħmudija.

8. Il-Konċilju jenfasizza b’mod partikolari l-iżvilupp tax-xhieda tal-fidi: “Billi intom riġenerati bħala wlied Alla (l-imgħammdin) intom miżmuma li tipprofessaw b’mod pubbliku l-fidi riċevuta mingħand Alla permezz tal-Knisja”. Infatti l-Magħmudija, skont San Pawl, għandha bħala effett illuminazzjoni: “Kristu jilluminak” (Ef 5, 14; cf. Lh 6, 4; 10, 32). L-imgħammdin, maħruġin mil-lejl qadim, għandhom jgħixu f’dan id-dawl: “Jekk xi darba kontu dlam, issa intom dawl tal-Mulej. Għalhekk ġibu ruħkom bħala wlied id-dawl” (Ef 5, 8).

Din il-ħajja fid-dawl tittraduċi ruħha wkoll fil-professjoni pubblika tal-fidi, mitluba minn Ġesù: “Min jagħrafni quddiem il-bnedmin, ukoll jien nagħrfu quddiem Missieri li huwa fis-smewwiet” (Mt 10, 32). Din hija professjoni personali li n-nisrani jagħmel bis-saħħa tal-grazzja tal-Magħmudija: professjoni tal-fidi “riċevuta mingħand Alla permezz tal-Knisja”, bħal ma jgħid il-Konċilju (LG 11). Mela jinserixxi ruħu fil-professjoni tal-Knisja universali, li ta’ kuljum ittenni koralment, “bil-fatti u fil-verità” (1Ġw 3,18), il-Kredu tagħha.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb