27. Il-Griżma tal-Isqof tipperfezzjona l-Grazzja tal-Magħmudija


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 01/04/1992.

1. Waqt li nżommu bħala bażi t-test konċiljari li jgħid: “Il-karattru sagru u organiku tal-komunità saċerdotali jiġi attwat permezz tas-sagramenti u tal-virtujiet” (LG 11), fil-katekeżi tallum inkomplu niżviluppaw din il-verità dwar il-Knisja waqt li nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna fuq is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof.

Naqraw fil-Lumen gentium: “bis-sagrament tal-griżma tal-Isqof (il-fidili mgħammdin) jiġu marbutin b’mod iktar perfett mal-Knisja, huma jiġu mogħnija b’qawwa speċjali mill-Ispirtu Santu, u b’dan il-mod huma obbligati b’mod iktar strett li jxerrdu u jiddefendu bil-kelma u bl-opra l-fidi bħala xhieda tassew ta’ Kristu” (LG 11).

2. Xhieda ewlenija ta’ dan is-sagrament tidher fl-Atti tal-Appostli.  Hemm dan jirrakkonta li d-djaknu Filippu (persuna differenti mill-Appostlu Filippu), wieħed mis-sebà rġiel “mimli bl-Ispirtu u bl-għerf” ordnati mill-Appostli, kien niżel f’belt tas-Samarija biex jipprietka l-bxara t-tajba. “U l-folol taw widen b’mod unanimu lill-kliem ta’ Filippu waqt li semgħuh jitkellem u raw il-mirakli li huwa kien jagħmel . . .  Meta bdew jemmnu lil Filippu, li kien qed iwassal l-bxara t-tajba tas-saltna ta’ Alla u tal-isem ta’ Ġesù Kristu, irġiel u nisa bdew jitgħammdu . . . Sadattant l-Appostli f’Ġerusalem, saru jafu li s-Samarija kienet laqgħet il-kelma ta’ Alla u bagħtu lil Pietru u lil Ġwanni. Huma niżlu u talbu għalihom sabiex jirċievu l-Ispirtu Santu: infatti kien għadu ma niżel fuq l-ebda wieħed minnhom, imma kienu għadhom ġew mgħammdin biss f’isem Sidna Ġesù. Għalhekk qiegħdu jdejhom fuqhom u dawk irċivew l-Ispirtu Santu” (At 8, 6-17). L-episodju jurina ir-rabta li sa minn l-ewwel żminijiet tal-Knisja kienet teżisti bejn il-Magħmudija u “impożizzjoni tal-idejn”, att sagramentali ġdid biex jinkiseb u jingħata d-don tal-Ispirtu Santu. Dan ir-rit huwa meqjus bħala twettiq tal-Magħmudija. Dan huwa meqjus bħala mportanti, tant li Pietru u Ġwanni huwa mibgħuta b’mod speċifiku minn Ġerusalem fis-Samarija għal dan il-għan.

3. Dak l-irwol taż-żewġ Appostli għad-don tal-Ispirtu Santu huwa fl-oriġni tar-rwol attribwit lill-Isqof fir-rit tal-Knisja. Ir-rit jikkonsisti fl-impożizzjoni tal-idejn, ipprattikat mill-Knisja sa mit-tieni seklu, bħal ma turina t-Tradizzjoni apostolika ta’ Ippolitu Romano (madwar s-sena 200), li titkellem dwar rit doppju: id-dlik magħmul minn presbiteru qabel il-Magħmudija, u mbagħad l-impożizzjoni tal-idejn fuq l-imgħammdin, magħmula minn Isqof, li jsawwab fuq rashom il-griżma mqaddsa. B’dan il-mod turi ruħha d-distinzjoni bejn id-dlik tal-Magħmudija u d-dlik tal-Ġriżma tal-Isqof.

4. Fis-sekli nsara kienu stabbiliti użi differenti fl-Orjent (il-Lvant) u fl-Occident (il-Punent) fl-amministrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof. Fil-Knisja tal-Lvant il-ġriżma tiġi mogħtija immedjatament wara l-Magħmudija, il-magħmudija li ssir mingħajr dlik), waqt li fil-Knisja tal-Punent, meta tiġi mgħammda tarbija, il-Griżma tal-Isqof tingħata meta t-tarbija tilħaq l-użu tar-raġuni jew f’waqt wara deċiż mill-konferenza Episkopali (CIC, can. 891). Fil-Lvant, il-ministru tal-Griżma huwa s-saċerdot li jgħammed; fil-Punent il-ministru ordinarju huwa l-Isqof, imma hemm ukoll xi presbiteri li jingħataw il-fakultà li jamministraw is-sagrament. Barra minn dan, fil-Lvant ir-rit essenzjali jikkonsisti fid-dlik biss; fil-Punent id-dlik isir bl-impożizzjoni tal-id (can. 880). Ma’ dawn id-differenzi bejn il-Lvant u l-Punent wieħed iżid l-varjetà ta’ dispożizzjonijiet li fil-Knisja tal-Punent jiġu mogħtija dwar l-età l-iktar opportuna għall-Griżma tal-Isqof, skont iż-żminijiet, il-postijiet, il-kondizzjonijiet spiritwali u kulturali. Dan a bażi tal-libertà li l-Knisja żżomm fid-determenazzjoni tal-kondizzjonijiet partikolari taċ-ċelebrazzjoni tar-rit sagramentali.

5. L-effett essenzjali tas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof huwa l-perfezzjonament tad-don tal-Ispirtu Santu irċevut fil-Magħmudija, b’mod li jirrendi lil min jirċevih kapaċi jixhed għal Kristu bil-kelma u bil-ħajja. Il-Magħmudija topera l-purifikazzjoni, il-ħelsien mid-dnub, u tagħti ħajja ġdida. Il-Griżma tal-Isqof timponi l-aċċent fuq l-aspett pożittiv tal-qdusija, u fuq il-qawwa li tiġi mogħtija mill-Ispirtu Santu lin-nisrani f’termini ta’ ħajja nisranija b’mod awtentiku u ta’ xhieda effikaċi.

6. Bħal fil-Magħmudija, karattru speċjali jiġi ttimbrat fir-ruħ ukoll fil-Griżma tal-Isqof. Dan huwa perfezzjonament tal-konsagrazzjoni tal-Magħmudija, mogħti permezz ta’ żewġ ġesti ritwali, l-impożizzjoni tal-id u d-dlik. Ukoll il-ħija li dak li jkun jeżerċita l-kult, diġa riċevuta fil-Magħmudija, tiġi kkonfermata bil-Griżma tal-Isqof. Is-saċerdozju universali jiġi mgħaddas b’mod iktar profond fil-persuna, u magħmul iktar effikaċi fl-eżerċizzju tiegħu. Il-funzjoni speċifika tal-karattru tal-Griżma tal-Isqof hija li twassal għal atti ta’ xhieda u ta’ azzjoni nisranija, li diġa San Pietru kien indika bħala estensjonijiet tas-saċerdozju universali   (cf. 1 Pt 2, 11 ss). San Tumas d’Aquino jippreċiża li dak li jirċievi l-Griżma jagħti xhieda lill-isem ta’ Kristu, iwettaq l-azzjonijiet tan-nisrani tajjeb f’difiża u għat-tixrid tal-fidi, bis-saħħa tal-awtorità speċjali” tal-karattru (cf. Summa theologiae, III, q. 72, a. 5 in c. e ad 1), ladarba nvestit b’funzjoni u b’mandat speċifiku. Din hija “parteċipazzjoni tas-saċerdozju ta’ Kristu fil-fidili, imsejħa għall-kult divin li fil-kristjaneżmu huwa derivazzjoni tas-saċerdozju ta’ Kristu” (Ivi, q. 63, a. 3). Ix-xhieda pubblika lil Kristu wkoll terġà tidħol fl-isfera tas-saċerdozju universali tal- “kważi fidili, li huma msejħin “kważi ex officio” (Ivi, q. 72, a. 5 ad 2).

7. Il-grazzja mogħtija mis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof hija b’mod iktar speċifiku don ta’ qawwa. Il-Konċilju jgħid li l-imgħammdin, bil-Griżma tal-Isqof, “huma mogħnija b’qawwa speċjali tal-Ispirtu Santu” (LG 11). Dan id-don iwieġeb għall-bżonn ta’ enerġija superjuri biex dak li jkun jiffaċċja l-“taqtigħa spiritwali” tal-fidi u tal-karità (cf. Summa theologiae, III, q. 72, a. 5), biex jirreżisti għat-tentazzjonijiet u biex iwassal ix-xhieda tal-kelma u tal-ħajja nisranija fid-dinja, b’kuraġġ, fervur u perseveranza. Fis-sagrament tiġi mogħtija din l-enerġija tal-Ispirtu Santu. Ġesù kien aċċenna għall-periklu li wieħed iħoss mistħija fil-professjoni tal-fidi: “min jistħi minni u minn kliemi, minnu jistħi Bin il-Bniedem, meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u tal-anġli qaddisin” (Lq 9, 26; cf. Mk 8, 38). I-mistħija ta’ Kristu spiss tittraduċi ruħha f’dik il-forma ta’ “rispett uman” li minħabba fih wieħed jaħbi l-propja fidi u jaqà għall-kompromessi, inammissibbli għal min tassew irid ikun dixxiplu tiegħu tassew. Kemm bnedmin, ukoll fost l-insara, illum jipprattikaw il-kompromess! Bis-saġrament tal-Griżma tal-Isqof l-Ispirtu Santu jsawwab fil-bniedem il-kuraġġ tal-professjoni tal-fidi fi Kristu. Il-professjoni ta’ din il-fidi tfisser, skont it-test konċiljari li minnu tlaqna, “ixxerridha u jiddefendiha bil-kelma u bl-aġir”, bħala xhieda konsistenti u fidili.

8. Sa mill-Medjuevu t-tejoloġija, żviluppata f’kuntest ta’ impenn ġeneruż għat-“taqtigħa spiritwali” għal Kristu, ma ħasbithiex darbtejn biex tenfasizza l-qawwa mogħtija mill-Griżma tal-Isqof lill-insara msejħa biex “jimmilitaw għas-servizz ta’ Alla”. U madankollu qrat ukoll f’dan is-sagrament il-valur oblat u konsagrattiv li hemm miġbur fl-estensjoni mill-“milja tal-grazzja” ta’ Kristu (cf. Summa theologiae, III, q. 72, a.1 ad 4). Id-distinzjoni u s-suċċessjoni tal-Griżma b’mod relattiv mal-magħmudija  ġew hekk spjegati minn San Tumas D’Aquino: “Is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof huwa bħal inkurunazzjoni tal-magħmudija: fis-sens li, jekk fil-magħmudija – skont San Pawl – in-nisrani jiġi ffurmat bħal bini spiritwali (cf. 1 Kor 3, 9) u jiġi miktub bħal ittra spiritwali (cf. 2 Kor 3, 2-3), fis-saġrament tal-Griżma tal-Isqof dan il-bini spiritwali jiġi kkonsagrat biex ikun tempju tal-Ispirtu Santu u din l-ittra tiġi ssiġillata bis-sinjal tas-salib” (III, q. 72, a. 11).

9. Bħal ma hu magħruf, jiġu mqanqla xi problemi pastorali fir-rigward tal-Griżma tal-Isqof, u iktar b’mod speċjali dwar l-età l-iktar eliġibbli biex wieħed jirċievi dan is-sagrament. Hemm tendenza riċenti biex jittardjaw il-waqt tal-għoti sal-età ta’ 15-18-il sena, sabiex il-personalità tas-suġġett tkun iktar matura u jkun jistà jassumi konxjament impenn iktar serju u stabbli ta’ ħajja u xhieda nisranija. Oħrajn jippreferu età inqas avanzata. Hu x’inhu wieħed għandu jittama għal preparazzjoni    magħmula bl-ikbar reqqa għal dan is-sagrament, li tippermetti lil dawk li jirċevuh li jġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija b’koxjenza sħiħa tad-doni li jirċievu u tal-obbligi li jassumu. Mingħajr preparazzjoni twila u serja, dawn jissugraw li jċekknu s-sagrament għal sempliċi formalità jew sempliċi rit estern, jew ukoll li jitilfu l-aspett sagramentali essenzjali, waqt li jinsistu b’mod unilaterali fuq l-impenn morali.

10. Se nikkonkludi billi nfakkar li l-griżma tal-Isqof hija s-sagrament li kapaċi jqanqal u jsostni l-impenji tal-fidili li jridu jiddedikaw ruħhom għax-xhieda nisranija fis-soċjetà. Nawgura liż-żgħażagħ insara kollha li jimmeritaw – b’mod speċjali huma, bl-għajnuna tal-grazzja tal-griżma – l-għarfien tal-Appostlu Ġwanni: “Ktibt lilkom, żgħażagħ, sabiex tkunu qawwija u l-kelma ta’ Alla tgħammar fikom u rbaħtu l-ħażin” (1 Ġw 2, 14).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb