28. L-Ewkaristija hija s-Sors tal-Ħajja tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 08/04/1992.

1. Skont il-Konċilju Vatikan II, il-verità tal-Knisja bħala komunità saċerdotali, li twettaq lilha nfisha permezz tas-sagramenti, tattwa ruħha bil-mod l-iktar sħiħ fl-Ewkaristija.

Naqraw, infatti, fil-Lumen gentium li l-fidili “waqt li jieħdu sehem fis-sagrifiċċju ewkaristiku, sors u quċċata tal-ħajja nisranija kollha, joffru lil Alla l-vittma divina u magħha lilhom infushom” (LG 11). L-Ewkaristija hija s-sors tal-ħajja nisranija, għaliex min jieħu sehem jirċievi l-impuls u l-qawwa li jgħix ta’ veru nisrani. L-offerta ta’ Kristu fuq is-Salib, magħmula preżenti fis-sagrifiċċju ewkaristiku, tikkomunika lil dak li jemmen id-dinamiżmu tagħha ta’ mħabba ġeneruża; il-festin ewkaristiku jitma lill-fidili bil-ġisem u d-demm tal-Ħaruf divin offrut għalina u jagħtihom l-qawwa li “jsegwu l-passi tiegħu” (cf. 1 Pt 2, 21). L-Ewkaristija hija l-quċċata tal-ħajja nisranija kollha, għaliex il-fidili jwasslu t-talb u l-opri tajbin tagħhom, ferħ u tbatijiet, u dawn l-offerti modesti jingħaqdu mal-oblazzjoni perfetta ta’ Kristu u hekk jiġu mqaddsa għal kollox u mgħollija sa għand Alla f’kult milqugħ b’mod perfett, li jintroduċi lill-fidili fl-intimità divina (cf. Ġw 6, 56-57). Għalhekk, bħal ma jikteb San Tumas D’Aquino, l-Ewkaristija hija “l-inkurunament tal-ħajja spiritwali u l-iskop tas-sagramenti kollha” (Summa theologiae, III, q. 66, a. 6).

2. Id-Duttur Anġeliku iġegħelna wkoll ninnutaw li “l-effett ta’ dan is-sagrament huwa l-għaqda tal-ġisem mistiku (il-Knisja), li mingħajru ma jistax ikun hemm salvazzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li nirċievu l-Ewkaristija, talinqas bix-xewqa (“in voto”), biex insalvaw” (III, q. 73, a. 1, arg. 2). F’dan il-kliem hemm l-eku ta’ dak li qal l-istess Ġesù dwar il-bżonn tal-Ewkaristija għall-ħajja nisranija: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: jekk ma tiklux il-laħam ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu fl-aħħar jum” (Ġw 6, 53-54). Skont dan il-kliem ta’ Ġesù, l-Ewkaristija hija s-sikurezza tal-qawmien mill-imwiet futur, imma hija diġa fiż-żmien sors ta’ ħajja eterna. Ġesù ma jgħidx “ikollu l-ħajja ta’ dejjem”, imma “għandu l-ħajja ta’ dejjem”. Il-ħajja ta’ dejjem ta’ Kristu, mal-ikel ewkaristiku, tippenetra u tiċċirkola fil-ħajja umana.

3. L-Ewkaristija titlob is-sehem tal-membri tal-Knisja. Skont il-Konċilju, “ilkoll, kemm bl-oblazzjoni kif ukoll bit-tqarbin imqaddes, inwettqu l-parti propja fl-azzjoni liturġika (ewkaristika), iżda mhux b’mod ugwali, imma min b’mod u min b’ieħor” (LG 11). Is-sehem huwa komuni għall-“poplu saċerdotali” kollu, aċċettat biex jingħaqad fl-oblazzjoni u fil-komunjoni. Imma huwa differenti skont il-kondizzjoni li fiha jkunu l-membri tal-Knisja skont l-istituzzjoni sagramentali. Hemm rwol speċifiku tal-ministeru saċerdotali, li iżda ma jwarrabx imma jippromwovi l-irwol tas-saċerdozju komuni. Dan huwa rwol speċifiku mixtieq minn Kristu, meta nkariga lill-Appostli tiegħu biex jagħmlu l-Ewkaristija b’tifkira tiegħu, waqt li waqqaf għal dan ir-rwol is-sagrament tal-Ordni Sagri mogħti lil Isqfijiet u presbiteri (u lid-djakni bħala ministri tal-altar).

4. Il-ministeru saċerdotali għandu bħala skop is-sejħa tal-poplu ta’ Alla “B’mod li dawk kollha li jagħmlu parti minn dan il-poplu, ladarba huma mqaddsin bl-Ispirtu Santu, jkunu jistgħu joffru lilhom infushom bħala “ostja ħajja, qaddisa, aċċettabbli minn Alla” (Rm 12, 1)” (decreto Presbyterorum ordinis, 2). Jekk, bħal ma diġa nnutajt f’katekeżi preċedenti, is-saċerdozju komuni huwa ddestinat biex joffri xi saġrifiċċji spiritwali, il-fidili jistgħu jagħmlu din l-offerta għaliex huma “mqaddsin bl-Ispirtu Santu, li anima l-offerta ta’ Kristu fuq is-salib (cf. Lh 9, 14), janima l-offerta tal-fidili.

5. Skont il-Konċilju, grazzi għall-ministeru saċerdotali, is-sagrifiċċji spiritwali jistgħu jilħqu l-iskop tagħhom. “Huwa permezz tal-ministeru tal-presbiteri li s-sagrifiċċju spiritwali tal-fidili jiġi magħmul perfett għaliex jiġi magħqud mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, uniku Medjatur; dan is-sagrifiċċju, infatti, permezz tal-presbiteri u f’isem il-Knisja kollha, jiġi offrut fl-Ewkaristija b’mod mingħajr tixrid ta’ demm u sagramentali, sal-jum tal-miġja tal-Mulej” (PO 2). Bis-saħħa tal-magħmudija u tal-griżma tal-Isqof, bħal ma għidna fil-katekeżi preċedenti, in-nisrani huwa kkwalifikat biex jieħu sehem “kważi ex officio” fil-kult divin, li għandu ċ-ċentru u l-quċċata tiegħu fis-sagrifiċċju ta’ Kristu magħmul preżenti fl-Ewkaristija. Imma l-offerta ewkaristika tinvolvi l-intervent ta’ ministru ordnat: din twettaq lilha nfisha fl-att konsagratorju mwettaq mis-saċerdot f’isem Kristu. Hekk il-ministeru saċerdotali jikkontribwixxi għall-valurizzazzjoni tas-saċerdozju universali. Bħal ma jfakkar il-Konċilju, waqt li jikkwota lil Santu Wistin, il-ministeru tal-presbiteri għandu bħala għan li “l-belt kollha mifdija, jiġifieri x-xirka u s-soċjetà tal-qaddisin, toffri lil Alla sagrifiċċju universali permezz tas-saċerdot il-kbir (Kristu), li offra wkoll lilu nnifsu għalina fil-passjoni tiegħu, biex jagħmilna nsiru ġisem ta’ ras hekk eżaltata (De civitate Dei, 10, 6: PL 41,284)” (PO 2).

6. Bl-offerta lesta, il-komunjoni ewkaristika suċċessiva hija ddestinata biex tipprovdi lill-fidili bil-qawwiet spiritwali meħtieġa għall-iżvilupp sħiħ tas-“saċerdozju”, u b’mod speċjali għall-offerta tas-sagrifiċċji kollha tal-eżistenza tagħhom ta’ kuljum. “Il-presbiteri – naqraw fid-digriet Presbyterorum ordinis – jgħallmu lill-fidili biex joffru lill-vittma divina lil Alla Missier fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa u biex jagħmlu, f’għaqda ma’ din il-vittma, l-offerta ta’l-istess ħajjithom” (PO 5). Wieħed jistà jgħid li skont l-intenzjoni ta’ Ġesù li fformalizza l-kmandament il-ġdid tal-imħabba fl-aħħar Ċena, il-komunjoni ewkaristika tirrendi lil dawk li jieħdu sehem fiha kapaċi li jqiegħduh fil-prattika: “Ħobbu lil xulxin bħal ma ħabbejtkom jien” (Ġw 13, 34; 15, 12).

7. Is-sehem fil-festin ewkaristiku huwa xhieda ta’ għaqda, bħal ma jenfasizza l-Konċilju meta jikteb li l-fidili, “Waqt li jieklu mill-ġisem ta’ Kristu fit-tqarbin imqaddes, juru b’mod konkret l-għaqda tal-poplu ta’ Alla, li minn dan is-sagrament l-iktar majjestuż hija espressa b’mod adegwat u effettwatha b’mod tal-għaġeb” (LG 11).

Din hija l-verità li l-fidi tal-Knisja wirtet mingħand San Pawl, li kiteb: “Il-ħobż li aħna naqsmu, mhuwiex jewwilla komunjoni mal-ġisem ta’ Kristu? Wara kollox ħobż wieħed hemm, aħna, minkejja li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed, infatti lkoll nieħdu sehem mill-uniku ħobż” (1 Kor 10, 16-17). Minħabba dan San Tumas kien jara fl-Ewkaristija s-sagrament tal-għaqda tal-“ġisem mistiku” (III, q. 72, a. 3). Aħna nikkonkludu l-katekeżi ekkleżjoloġika-ewkaristika preżenti, billi nenfasizzaw li, jekk il-komunjoni ewkaristika hija s-sinjal effikaċi tal-għaqda, huwa minnha li l-fidili kollha jirċievu tensjoni dejjem ġdida għall-imħabba mutwa (ta’ xulxin) u għar-rikonċiljazzjoni, u l-enerġija sagramentali meħtieġa biex tipproteġi ftehim benefiku fir-rapporti familjari u ekkleżjali.  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb