29. Il-Penitenza fil-Komunità Ekkleżjali


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 15/04/1992.

Għeżież ħuti rġiel u nisa,

Dħalna fil-Ġimgħa Mqaddsa. Fil-jiem li ġejjin, immexxija mil-Liturġija tal-Knisja, se nerġgħu ngħixu l-misteri tal-fidwa tagħna.

It-Tridu paskwali jikkostitwixxi l-quċċata tas-sena liturġika. Fih niftakru b’qalb imqanqla u grata li Kristu, waqt li miet, qered il-mewt tagħna u, waqt li qam mill-imwiet, reġa tana mill-ġdid ħajjitna.

Inħejju rwieħna biex ngħixu b’intensità, iċ-ċelebrazzjonijiet li ġejjin, waqt li nafu sew li, jekk nieħdu sehem issa fit-tbatijiet ta’ Kristu, se nkunu jum wieħed nifirħu u niċċelebraw fir-rivelazzjoni tal-glorja tiegħu (cf. 1 Pt 4, 13).

Issa nkomplu l-katekeżi tagħna dwar il-Knisja, komunità saċerdotali u sagramentali.

1. Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II, “Il-karattru saġru u organiku tal-komunità saċerdotali jiġi attwat permezz tas-sagramenti u tal-virtujiet” (LG 11). Fil-katekeżi tallum irridu niskopru r-rifless ta’ din il-verità fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, li tradizjonalment jiġi msejjaħ is-sagrament tal-penitenza. Fih għandna eżerċizzju reali tas-“saċerdozju universali”, komuni għall-imgħammdin kollha, għaliex huwa dmir fundamentali tas-saċerdozju li jelimina l-ostaklu tad-dnub li jimpedixxi r-relazzjoni vivifikanti ma’ Alla. Madankollu, dan is-sagrament kien imwaqqaf għall-maħfra tad-dnubiet magħmula wara l-magħmudija u fih l-imgħammdin jiżvolġu rwol attiv. Huma ma jillimitawx ruħhom li jirċievu maħfra ritwali u formali, bħala suġġetti passivi. Għall-kuntrarju, bil-għajnuna tal-grazzja, jieħdu l-inizjattiva li jissieltu kontra d-dnub, waqt li jistqarru l-ħtijiet tagħhom u jitolbu l-maħfra. Huma jafu li s-sagrament jinvolvi min-naħa tagħhom att ta’ konverżjoni. U b’din l-intenzjoni jieħdu sehem b’mod attiv u jiżvolġu rwol tagħhom fis-sagrament, bħal ma jirriżulta mill-istess rit.

2. Hemm bżonn nagħrfu li fiż-żminijiet riċenti wriet ruħha f’bosta postijiet kriżi ta’ frekwenza tal-fidili għas-sagrament tal-penitenza. Ir-raġunijiet, li jmissu l-istess kondizzjonijiet spiritwali u soċjokulturali ta’ saffi wiesgħa tal-umanità fi żmienna, jistgħu jiġu miġburin fi tnejn. Fuq naħa, is-sens tad-dnub indebolixxa ruħu fil-kuxjenza wkoll ta’ ċertu numru ta’ fidili, li, taħt l-influss tal-klima ta’ rivendikazzjoni ta’ libertà u indipendenza tal-bniedem, eżistenti fid-dinja tallum, isibu diffikultà li jagħrfu r-realtà u l-gravità tad-dnub u l-ħtija propja quddiem Alla. Fuq in-naħa l-oħra, ma jonqsux il-fidili li ma jarawx il-bżonn u l-utilità li jirrikorru għas-sagrament, u jippreferu jitolbu b’mod iktar dirett il-maħfra lil Alla: f’dan il-każ iħossu diffikultà li jammettu medjazzjoni tal-Knisja fir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla.

3. Għal dawn iż-żewġ diffikultajiet iwieġeb fil-qosor il-Konċilju, li jqis id-dnub fl-aspett doppju tiegħu ta’ offiża lil Alla u ta’ ġerħa lill-Knisja. Naqraw fil- Lumen gentium: “Dawk li jiffrekwentaw s-sagrament tal-Penitenza jirċievu mill-ħniena ta’ Alla l-maħfra tal-offiżi mwettqa lilu u fl-istess ħin jirrikonċiljaw ruħhom mal-Knisja, li lilha jkunu ġerrħu bid-dnub, u li tikkopera għall-konverżjoni tagħhom bil-karità, bl-eżempju u bit-talb” (LG 11). Il-kliem tal-Konċilju, sintetiku, immeditat u lluminanti, joffru diversi spunti mportanti għall-katekeżi tagħna.

4. Qabel kollox il-Konċilju jfakkar li l-karattru essenzjali tad-dnub huwa dak ta’ offiża lil Alla. Fatt enormi, dan, li jinkludi l-att pervers tal-krejatura li xjentement u voluntarjament topponi ruħha għar-rieda tal-ħallieq u Mulej tagħha, waqt li tikser il-liġi tal-ġid u waqt li b’għażla libera tidħol taħt il-madmad tal-ħażen. Dan huwa att ta’ majjesta divina offiża, li quddiemha San Tuma D’aquino ma jaħsibhiex darbtejn jgħid li “id-dnub imwettaq kontra Alla għandu ċerta infinità, minħabba l-infinità tal-majjesta divina” (Summa theologiae, III, q. 1. a. 2 ad 2). Jeħtieġ ngħidu li huwa wkoll att ta karità divina offiża, minħabba ksur tal-liġi tal-ħbiberija u tal-allejanza li Alla stabilixxa għall-poplu tiegħu u għal kull bniedem fid-demm ta’ Kristu: u allura att ta’ infedeltà u fi prattika ta’ rifjut ta’ mħabbtu. Id-dnub, għalhekk, mhuwiex sempliċi żball uman, u ma jinvolvix biss ħsara tal-bniedem: huwa offiża magħmula lil Alla, minħabba li l-midneb jikser il-liġi tiegħu ta’ Ħallieq u Mulej, u jferi l-imħabba tiegħu ta’ Missier. Ma nistgħux nikkunsidraw id-dnub b’mod esklussiv mill-punt di vista tal-konsegwenzi tiegħu psikoloġiċi: id-dnub jieħu s-sinifikat tiegħu mir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.

5. Huwa Ġesù li – speċjalment fil-parabbola tal-iben il-ħali – iġegħelna nifhmu li d-dnub huwa offiża lill-imħabba tal-Missier, bid-deskrizzjoni tad-disprezz insolenti ta’ iben lejn l-awtorità u d-dar ta’ missieru. Huma tassew tal-biki l-kondizzjonijiet tal-ħajja li għalihom jirriduċi ruħu l-iben: huma jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ Adam u tad-dixxendenti tiegħu wara l-ewwel dnub. Imma d-don kbir li Ġesù jagħmlilna bil-parabbola huwa r-rivelazzjoni rassikuranti u konfortanti tal-imħabba ħanina ta’ Missier li jibqà b’dirgħajh miftuħa, fl-istennija li l-iben il-ħali jiġi lura, sabiex iħaffef iħaddnu ma’ sidru u jaħfirlu, waqt li jħassar il-konsegwenzi kollha tad-dnub u jiċċelebralu b’festa tal-ħajja l-ġdida  (cf. Lq 15, 11-32). Kemm tama xegħel fil-qlub, kemm reġat lura għand Alla iffaċilita fis-sekli nsara l-qari ta’ din il-parabbola rrakkuntata minn Luqa, li b’mod ġust ġie ddefinit bħala “l-iskrivan tal-manswetudni ta’ Kristu” (“scriba mansuetudinis Christi”)! Is-sagrament tal-Penitenza jappartieni għar-rivelazzjoni li Ġesù għamilna mill-imħabba u mit-tjubija paterna ta’ Alla.

6. Il-Konċilju jfakkarna li d-dnub huwa wkoll ġerħa magħmula lill-Knisja. Infatti kull dnub jagħmel ħsara lill-qdusija tal-komunità ekkleżjali. Ladarba l-fidili kollha huma solidali fil-komunità nisranija, mhemm qatt dnub li ma jkollux effett fuq il-komunità kollha. Jekk inhu minnu li l-ġid magħmul minn wieħed joħloq benefiċċju u għajnuna għal kulħadd, sfortunatament jiġri l-istess fil-każ tal-ħażin li mwettaq minn wieħed ifixkel il-perfezzjoni li għaliha lkoll jaħdmu. Jekk kull ruħ li tgħolli lilha nfisha sserraħ id-dinja kollha, bħal ma tgħid il-Beata Eliżabbetta Leseur, huwa wkoll minnu li kull att ta’ tradiment tal-imħabba divina jtaqqal il-kondizzjoni umana u jfaqqar l-Knisja. Ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla hija wkoll rikonċiljazzjoni mal-Knisja, u f’ċertu sens mal-ħolqien kollu, li l-armonija tiegħu tiġi miksura mid-dnub. Il-Knisja hija l-medjatriċi ta’ din ir-rikonċiljazzjoni. Dan huwa rwol mogħti lilha mill-istess fundatur tagħha, li għaddielha l-missjoni u l-poter li “taħfer id-dnubiet”. Kull rikonċiljazzjoni ma’ Alla sseħħ mela f’relazzjoni espliċita jew impliċita, konxja jew inkonxja lill-Knisja. Bħal ma jikteb San Tumas, “ma jistax ikun hemm salvazzjoni mingħajr l-għaqda tal-Ġisem mistiku: ħadd ma jistà jsalva mingħajr il-Knisja, bħal ma fid-dilluvju ħadd ma salva barra mill-arka ta’ Noe, simbolu tal-Knisja, bħal ma jgħallem San Pietru (1 Pt 3, 20-21)” (Summa theologiae, III, q. 73, a. 3; cf. Suppl. III, P., q. 17, a. 1). Bla ebda dubju il-poter tal-maħfra huwa ta’ Alla u l-maħfra tad-dnubiet hija opra tal-Ispirtu Santu: madankollu il-maħfra tiġi mill-applikazzjoni lill-midneb tal-Fidwa mwettqa fuq is-Salib ta’ Kristu (cf. Ef 1, 7; Kol 1, 14. 20), li afda lill-Knisja tiegħu l-missjoni u l-ministeru li twassal f’ismu l-fidwa lid-dinja kollha (cf. III, q. 84, a. 1). Il-maħfra mela tiġi mitluba lil Alla, u konċessa minn Alla, imma mhux b’mod indipendenti mill-Knisja mwaqqfa minn Ġesù Kristu għall-fidwa ta kulħadd.

7. Nafu li l-Kristu rxoxt, biex jikkomunika lill-bnedmin il-frott tal-passjoni u l-mewt tiegħu, ta lill-Appostli l-qawwa li jaħfru d-dnubiet: “Lil min taħfru d-dnubiet, ikunu maħfura; lil min ma taħfrulux dnubietu ma jkunux maħfura” (Ġw 20, 23). Bħala werrieta tal-missjoni u tal-poter tal-Appostli, il-presbiteri fil-Knisja, jaħfru d-dnubiet f’isem Kristu. Imma wieħed jistà jgħid li fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni il-ministeru speċifiku tas-saċerdoti ma jeskludix, imma jinvolvi l-eżerċizzju tas-“saċerdozju komuni” tal-fidili, li jistqarru dnubiethom u jitolbu l-maħfra taħt l-influss tal-Ispirtu Santu li jikkonvertihom b’mod intimu mal-grazzja ta’ Kristu Redentur. San Tumas, fid-dikjarazzjoni ta’ dan ir-rwol tal-fidili, jikkwota l-famuż kliem ta’ Santu Wistin: “Min ħalqek mingħajrek, ma jiġġustifikakx mingħajrek” (S. Agostino, Super Ioannem, serm. 169, c. 11; S. Tommaso, Summa theologiae, III, q. 84, aa. 5 e 7). Ir-rwol attiv tan-bisrani fis-sagrament tal-Penitenza jikkonsisti fl-għarfien tal-ħtijiet propji bi “stqarrija” li, għajr f’każi eċcezzjonali, issir individwalment lis-saċerdot; bl-espressjoni tal-indiema propja għall-offiża magħmula lil Alla: “indiema”; flimkien ma’ sottomissjoni umli għas-saċerdozju istituzzjonali tal-Knisja, biex tirċievi s-“sinjal effikaċi” tal-maħfra divina; bl-offertà ta’ “sodisfazzjin” imposta mis-saċerdot bħala sinjal ta’ sehem personali fis-sagrifiċċju riparatorju ta’ Kristu li offra lilu nnifsu lill-Missier bħala ostja għall-ħtijiet tagħna u, fl-aħħarnett, b’iżżi ħajr għall-maħfra miksuba.

8. Huwa tajjeb li dak li jkun jiftakar li dan kollu li għidna jgħodd għad-dnub li jikser il-ħbiberija ma’ Alla u li jiċħad il-“ħajja eterna”: u li minħabba f’hekk jissejjaħ “mejjet”. Ir-rikorrenza għas-sagrament hija meħtieġa meta jiġi magħmul ukoll dnub mejjet wieħed biss (cf. Concilio di Trento, Denz.-S. 1707). Imma n-nisrani li jemmen fl-effiċjenza tal-maħfra sagramentali jirrikorri għas-sagrament, ukoll mill-każ ta’ bżonn, b’ċerta frekwenza, u jsib fih it-triq ta’ delikatezza krexxenti ta’ koxjenza u ta’ purifikazzjoni dejjem iktar profonda, sors ta’ paċi, għajnuna fir-reżistenza għat-tentazzjonijiet u fl-isforz lejn ħajja dejjem iktar rispondenti għall-esiġenzi tal-liġi u tal-imħabba ta’ Alla.

9. Il-Knisja hija maġemb in-nisrani, bħala komunità li “tikkopera – bħal ma jgħid il-Konċilju – għall-konverżjoni mal-karità, l-eżempju u t-talb” (LG 11). Dan qatt ma jitħalla waħdu, linqas fl-istat tad-dnub: dejjem jagħmel parti mill-“komunità saċerdotali”, li ssostnih bis-solidarjetà tal-karità, tal-fraternità u tat-talb biex tiksiblu ir-reintegrazzjoni fil-ħbiberija ta’ Alla u fil-kumpanija tal-“qaddisin”. Il-Knisja, komunità tal-Qaddisin, fis-sagrament tal-Penitenza turi ruħha u topera bħala komunità saċerdotali ta’ Ħniena u maħfra.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb