30. Id-Dlik iġib Fejqan Spiritwali


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 22/04/1992.

1. F’din il-ġimgħa tal-Għid niċcelebraw fil-ferħ il-misteru tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Fih il-ġrajja tal-Iben ta’ Alla, inkarnat f’nofs l-umanità tilħaq il-qofol tagħha.

It-trijonf miksub mis-Salvatur fuq il-mewt huwa “l-ġrajja” per eċċellenza tar-rivelazzjoni. Minħabba dan, il-festa tal-Għid hija l-ikbar tas-sena liturġika. Il-qawmien mill-imwiet tal-Mulej jagħti lir-reġiljom nisranija l-klima karatteristika tal-ferħ, li tassew jixirqilha. Ferħ imżejjen bħal dak tan-nisa u tad-dixxipli quddiem l-Imgħallem tagħhom mill-ġdid ħaj. Huwa ferħ permanenti, għaliex Kristu rxoxt ma jistax imut iktar, u l-effetti tal-qawmien mill-imwiet tiegħu issa ma jiqfux iktar juru ruħhom. Il-ferħ, li sawwar fil-jum tal-qawmien mill-imwiet, ġie trażmess lill-Knisja bħala ferħ ineżawribbli, iddestinat li jikber sal-aħħar tad-dinja, u biex jimla dejjem iktar il-qalb tal-bnedmin. Ilkoll aħna msejħin biex nilqgħu dan il-ferħ f’ħajjitna. Dan jiġi mogħti lilna mill-ġdid kuljum fl-Ewkaristija, li fiha jiġġedded il-misteru paskwali: b’mod sagramentali, mistiku, is-sagrifiċċju ta’ Kristu jsir preżenti bl-inkurunament tiegħu fil-misteru tal-qawmien mill-imwiet. Il-ħajja tal-grazzja, li nġorru ġewwa fina, hija ħajja ta’ Kristu rxoxt. Konsegwentement bil-grazzja tħabbat fina ferħ li xejn ma jistà jneħħihulna, skont il-wegħda ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Qalbkom tifraħ u ħadd ma jkun jistà jeħdilkom il-ferħ tagħkom” (Ġw 16, 22).

2. Madankollu ma nistgħux nikkontemplaw il-misteru tal-qawmien mill-imwiet mingħajr ma nitfgħu ħarsa fuq dak li ġie qablu:  ir-rebħa miksuba nhar l-Għid għandha l-prerekwiżita tagħha fis-sagrifiċċju feddej ta’ Kristu. L-Imgħallem divin, li kien ħabbar iktar minn darba l-qawmien mill-imwiet tiegħu, kien fl-istess ħin enfasizza li, huwa kellu jterraq tul it-triq tan-niket: “Beda jgħallimhom li Bin il-bniedem kellu jbati ħafna, jiġi ġgudikat mix-xjuħ, mill-qassisin il-kbar u mill-iskribi, imbagħad jiġi maqtul  u wara tlett ijiem jirxoxta” (Mk 8, 31). Waqt li ddikjara li l-mewt tiegħu kienet meħtieġa, Ġesù ried jgħallem li, skont ir-rieda tal-Missier, il-missjoni tiegħu kellha titwettaq permezz tas-sagrifiċċju. Ma nistgħux ninsew, fil-ferħ tal-Għid, it-tbatijiet tas-Salvatur, li permezz tas-salib immerita l-fidwa tal-umanità. Is-salib kellu rwol essenzjali fil-missjoni feddejja tal-Kristu, bħal ma hu stess fakkar wara l-qawmien mill-imwiet lid-dixxipli ta’ Emmaws fil-paġna tal-Vanġelu tal-Quddiesa tallum: “Ma kienx hemm bżonn li l-Kristu jġarrab dawn it-tbatijiet biex jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq 24, 26). Liż-żewġ dixxipli, imnikkta u mħawda bil-ġrajja tal-Passjoni tiegħu Ġesù jispjega s-sens tal-Iskritturi profetiċi, waqt li juri li l-Messija kellu jasal għat-trijonf glorjuż tiegħu permezz tat-triq tat-tbatija. Għalfejn mela nistagħġbu, jekk il-liġi tas-salib, hekk marbuta b’mod strett mal-ħajja u l-attività feddejja ta’ Ġesù, tapplika wkoll għall-ħajja tagħna? Lil dawk kollha li wkoll illum għadhom b’mod traġiku jsibu quddiemhom il-misteru tat-tbatija, u jistgħu jkunu ttentati mill-iskurament u mid-dipressjoni, ikun aħjar għalihom li jiftakru l-verità mgħallma u migħuxa minn Kristu: is-salib huwa meħtieġ f’ħajjitna, imma bħala mixja li twassal għar-rebħa tal-imħabba. Ilkoll aħna msejħa biex ningħaqdu fl-offertà redentriċi ta’ Kristu, biex naqsmu miegħu l-ferħ tal-qawmien mill-imwiet. Hija mela kelma mimlija tama dik li l-Knisja tindirizza, f’din il-ġimgħa paskwali lil dawk kollha li qegħdin ibatu, lil dawk kollha li jitgħawġu taħt it-toqol tal-provi tagħhom: “In-niket tagħkom – skont il-wegħda ta’ Ġesù – għad jinbidel f’ferħ” (Ġw 16, 20).

.

 3. Lid-dixxipli ta’ Emmaws Ġesù jċanfar in-nuqqas ta’ fidi, li timpedilhom li jagħrfuh bħala s-Salvatur irxoxt: “Boloh u jdumu biex jemmnu l-kelma tal-profeti!” (Lq 24, 25). Fid-dehriet tiegħu, il-Kristu rxoxt joffri l-provi tal-ħajja l-ġdida li huwa jippossiedi, imma d-dixxipli tiegħu jsibu diffikultà biex jifhmu u jaċċettaw. Il-qawmien mill-imwiet huwa misteru li jitlob is-sapport tal-fidi. Waqt li Ġwanni, id-dixxiplu maħbub, meta jiskopri l-qabar vojt, jemmen li l-Imgħallem irxoxta (cf. Ġw 20, 8), Tumas iżda jimmanifesta x-xettiċiżmu tiegħu u jesiġi li jdaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ Kristu. Meta fl-aħħar iċedi quddiem ix-xhieda u jgħajjat: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20, 28), Ġesù jgħidlu b’ton ta’ ċanfira amorevoli: “Għaliex rajtni, emmint”; u jżid: “Imberkin dawk li jemmnu bla ma jaraw” Ġw 20, 29). Dawk li ma rawx u li huma msejħin biex jemmnu, huma dawk kollha li ma kellhomx il-privileġġ li jaraw lil Ġesù fid-dehriet tiegħu ta’ irxoxt. Huma aħna wkoll. Għalhekk ilkoll aħna mistiedna biex nemmnu fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu: ferħanin aħna jekk nafu ngħajtu bħal Tumas, fl-aħħarnett kredenti: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”.

4. X’seħħ fit-tielet jum? Ħadd ma ra l-ġisem tas-Salvatur jieħu l-ħajja, jew aħjar, jġħaddi b’mod dirett mill-mewt għal ħajja superjuri, il-ħajja ċelesti. Huwa ġie mimli bil-ħajja mill-Ispirtu Santu. Huwa b’hekk li huwa sar ġisem glorjuż. Kien l-istess ġisem li ġie mwaħhal bl-imsiemer mas-salib, imma issa kien jippossiedi xi propjetajiet superjuri għal dawk tal-ġisem uman fil-ħajja fuq l-art. Ġesù ma reġax ħa iktar eżistenza terrestri wara l-qawmien mill-imwiet tiegħu: huwa sempliċement deher lil dawk li kienu disposti għall-fidi. Meta kien jidher, setà jispostja ruħu kif kien irid u wkoll jidħol ġewwa sala li l-bibien tagħha kienu msakkrin (cf. Ġw 20, 19). B’dan huwa kien juri li l-ħajja vera tiegħu kienet ta’ ordni ċelesti. Wara erbgħin jum ta’ dehriet, Kristu jgħib b’mod definittiv mid-dinja billi telà fis-Sema. Huwa minn dan il-waqt li huwa jibda jferrex fl-umanità l-ħajja divina li biha huwa mimli ġismu: “Jiena ngħix u intom se tgħixu”, qal (Ġw 14, 19). Qabel ma ħalla d-dinja biex jistabilixxi ruħu fil-poter ċelesti tiegħu, Ġesù jħabbar li se jibgħat l-Ispirtu Santu. Din il-ħajja tal-Ispirtu Santu, li timla lil ġismu rxoxt, huwa jixtieq li ssir il-ħajja tal-umanità, sabiex ilkoll inkun nistgħu nibbenefikaw mill-frott tal-qawmien mill-imwiet tiegħu.

5. F’Jum il-Pentekoste, l-Ispirtu Santu, li kien imwiegħed, jinżel fuq in-nisa u d-dixxipli tiegħu, biex jagħmel minnhom xhieda tal-Kristu rxoxt. Hekk titwieled il-Knisja. Minn dak il-waqt, l-Ispirtu Santu, jgħajjex il-Kristu rxoxt f’dawk li jemmnu. B’mod iktar speċjali, huwa jiżviluppa f’kull wieħed u waħda minnhom ħajja “ta wlied”, li jieħdu sehem fil-filjazzjoni divina ta’ Kristu. Huwa jqanqal fihom it-talb filjali, li jġegħlhom jgħajtu, bħall-istess Ġesù: “Abba! Missier!” (cf. Gal 4, 6; Rm 8, 15). Mill-banda l-oħra l-Ispirtu Santu jiġbor fl-għaqda tal-Knisja lil dawk li għandhom l-istess fidi fil-Kristu rxoxt. Huwa jibni u janima l-komunità waqt li jiżviluppa l-imħabba li Kristu ġie biex jixgħel fid-dinja, imħabba li laħqet il-quċċata tagħha fl-offerta tal-Kalvarju u li hija ddestinata biex tmantni r-relazzjonijiet bejn id-dixxipli tiegħu, li rċivew il-kmandament il-ġdid li jħobbu lil xulxin bħal ma hu ħabbhom (cf. Ġw 13, 34; 15, 12). L-entużjażmu, li ħafen lill-appostli meta nxteħtu jxandru l-għeġubijiet ta’ Alla, mhuwiex ħaġ’oħra għajr il-ferħ paskwali fil-milja tiegħu, li hu mġedded bla ma jaqtà u mferrex mill-Ispirtu Santu.

6. F’dan il-perijodu paskwali, aħna ndawru ħarsitna lejn Kristu rxoxt. Nafu li aħna msejħin biex nikkonfermaw l-fidi u r-rieda tagħna li nirrendulu xhieda. Aħna nqisuh bħala s-sors tat-tama tagħna, billi nafu li l-Ispirtu Santu, li bih Huwa mimli, jikkomunikalna biex inwettqu għeġubijiet ġodda fid-dinja tagħna. Aħna nistennew mingħand Kristu trijunfanti impuls ġdid ta’ mħabba, ta’ dik l-imħabba, li grazzi għaliha, huwa rebaħ il-mibegħda u l-ostilità bis-sagrifiċċju tiegħu. Aħna niksbu mill-Kristu, mimli ħajja, il-ferħ li ninħtieġu biex ngħixu “bħala wlied” u biex nipperseveraw fl-impenn li nkunu perfetti bħal ma hu perfett Missierna li huwa fis-smewwiet (cf. Mt 5, 48).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb