32. Il-Knisja hija Komunità Profetika


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 13/05/1992.

1. Fil-kateleżi preċedenti tkellimna dwar il-Knisja bħala “komunità saċerdotali . . . sagra u organika” li “tiġi attwata permezz tas-sagramenti u tal-virtujiet” (LG 11).

Dan kien kumment għat-test tal-Kostituzzjoni konċiljari Lumen gentium, iddedikat għall-identità tal-Knisja (LG 11). Imma fl-istess Kostituzzjoni naqraw li “l-poplu qaddis ta’ Alla jieħu sehem ukoll tal-uffiċċju (munus) profetiku ta’ Kristu bit-tixrid kullimkien tax-xhieda ħajja tiegħu, b’mod speċjali permezz ta’ ħajja ta’ fidi u ta’ karità, bl-offerta lil Alla ta’ sagrifiċċju ta’ tifħir, jiġifieri frott ta’ xuftejn iċċelebrati għal ismu (cf. Lh 13, 15)” (LG 12). Skont il-Konċilju, mela, il-Knisja għandha karattru profetiku kif tieħu sehem mill-istess uffiċċju profetiku ta’ Kristu. Dwar dan il-karattru se nitkellmu f’din il-katekeżi u f’dawk ta’ wara, dejjem fuq il-passi tal-ikkwotata Kostituzzjoni dommatika, fejn il-Konċilju espona b’mod iktar espessiv din id-duttrina (LG 12). Illum sejrin nieqfu fuq l-assunzjonijiet li jsejsu ix-xhieda ta’ fidi tal-Knisja.

2. It-test konċiljari. Waqt li jippreżenta l-Knisja bħala “komunità profetika”, iqiegħed dan il-karattru f’relazzjoni mal-funzjoni ta’ “xhieda” li għaliha kienet mixtieqa u mwaqqfa minn Ġesù. Jgħid infatti l-Konċilju li l-Knisja “ixxerred ix-xhieda ħajja ta’ Kristu”. Hija evidenti r-referenza għall-kliem ta’ Kristu li jinsab fit-Testment il-Ġdid. Fuq kollox għal dak indirizzat mill-Mulej irxoxt lill-Appostli, u rrapurtat fl-Atti: “Ikollkom il-qawwa tal-Ispirtu Santu li jinżel fuqkom, u tkunuli xhieda” (At 1, 8). B’dan il-kliem Ġesù Kristu jenfasizza li l-attwazzjoni tal-funzjoni ta’ xhieda, li huwa d-dmir partikolari tal-Appostli, jiddependi mill-miġja tal-Ispirtu Santu minnu mwiegħed, u li seħħet fil-jum tal-Pentekoste. Bis-saħħa tal-Paraklitu, li huwa Spirtu ta’ verità, ix-xhieda dwar Kristu msallab u rxuxtat issir impenn u dmir ukoll tad-dixxipli l-oħra, u b’mod partikolari tan-nisa, li flimkien ma’ Omm Kristu kienu preżenti fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem, bħala lostitwenti tal-komunità ekkleżjali ewlenija. In-nisa anzi kienu diġa pprivilaġġjati, għaliex kienu tal-ewwel li wasslu l-aħbar u li kienu xhieda tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu (cf. Mt 28, 1-10).

3. Meta Ġesù jgħid lill-Appostli: “Tkunuli xhieda” (At 1, 8), qed jitkellem dwar ix-xhieda tal-fidi f’sens li jsib fihom attwazzjoni bla dubju distintiva. Huma infatti kienu xhieda okulari tal-opri ta’ Kristu, u semgħu b’widnejhom il-kliem ippronunċjat minnu, ġabru b’mod dirett mingħandu l-veritajiet  tar-rivelazzjoni divina. Ma’ dak li raw u semgħu, kienu tal-ewwel li wieġbu bil-fidi, bħal meta Xmun Pietru, f’isem it-Tnax stqarr li Ġesù huwa “il-Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” (Mt 16, 16). U darb’oħra, fl-inħawi ta’ Kafarnaw, meta xi wħud bdew jitilqu u jabbandunaw lil Ġesù wara l-aħbar tal-misteru ewkaristiku, l-istess Xmun Pietru ma ħasibhiex darbtejn biex jiddikjara: “Mulej, għand min tridna nmorru Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem; aħna emminna u għarafna li int il-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6, 68-69).

4. Din ix-xhieda partikolari ta’ fidi tal-Appostli kienet “don mill-għoli” (cf. Gc 1, 17). Kienet hekk mhux biss għall-Appostli nfushom, imma wkoll għal dawk li għalihom dakinhar u wara kellhom jittrażmettu x-xhieda tagħhom. Ġesù qalilhom: “Lilkom ġie afdat il-misteru tas-saltna ta’ Alla” (Mk 4, 11). U lil Pietru, ftit qabel waqt kritiku, jagħtih l-assikurazzjoni: “Jien tlabt għalik li ma tonqosx il-fidi tiegħek; u int, ladarba tieħu r-ruħ, wettaq lil ħutek” (Lq 22, 32). Nistgħu mela ngħidu, a bażi ta’ dawn il-paġni sinifikattivi tat-testment il-Ġdid, li jekk il-Knisja, bħala Poplu ta’ Alla, tieħu sehem fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu, waqt li tferrex ix-xhieda ħajja tiegħU, bħal ma naqraw fil-Konċilju (cf. LG 12), tali xhieda tal-fidi tal-Knisja ssib is-sies u s-sosten tagħha fix-xhieda tal-Appostli. Din ix-xhieda hija bikrija u fundamentali għall-uffiċċju profetiku tal-Poplu kollu ta’ Alla.

5. F’Kostituzzjoni oħra konċiljari, id-Dei Verbum, naqraw li l-Appostli, “fil-predikazzjoni orali, bl-eżempji u s-sitwazzjonijiet ittrażmettew kemm dak li kienu rċivew mix-xuftejn, mill-frekwentazzjoni u mill-opri ta’ Kristu, kif ukoll dak li kienu tgħallmu permezz tas-suġġeriment tal-Ispirtu Santu”. Imma wkoll oħrajn, flimkien mat-Tnax, wettqu l-mandat ta’ Kristu dwar ix-xhieda ta’ fidi għall-Vanġelu: jiġifieri “dawk l-Appostli (bħal Pawlu) u rġiel taċ-ċirku tagħhom, li, b’ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu, kitbu l-aħbar tal-fidwa” (DV 7). “Dak li kien trażmess mill-Appostli jinkludi dak kollu li jikkontribwixxi għall-kondotta qaddisa tal-Poplu ta’ Alla u għat-tkabbir tal-fidi, u hekk il-Knisja, fid-duttrina tagħha, f’ħajjitha u fil-kult tagħha, tipperpetwa u tittrażmetti lill-ġenerazzjonijiet kollha dak li hi hija, dak kollu li hija temmen” (DV 8). Kif wieħed jistà jara, skont il-Konċilju hemm rapport strett bejn il-Knisja, l-Appostli, Ġesù Kristu u l-Ispirtu Santu. Din hija l-linja ta’ kontinwità bejn il-misteru kristiloġiku u l-istituzzjoni apostolika u ekkleżjali: misteru li jinkludi l-preżenza u l-azzjoni kontinwa tal-Ispirtu Santu.

6. Propju fil-Kostituzzjoni dwar ir-rivelazzjoni divina, il-Konċilju jifformula l-verità dwar it-Tradizzjoni, li permezz tagħha x-xhieda apostolika tippersisti fil-Knisja bħala xhieda tal-fidi tal-Poplu ta’ Alla kollu. “Din it-Tradizzjoni ta’ oriġini apostolika tkompli tipprogressa fil-Knisja bl-assistenza tal-Ispirtu Santu; infatti jikber il-fehim, tant tal-ħwejjeġ daqskemm tal-kliem trażmess, kemm bir-riflessjoni u bl-istudju ta’ dawk li jemmnu, li jimmeditawhom ġewwa qalbhom (cf. Lq 2, 19. 51), kemm bl-esperjenza mogħtija minn intelliġenza l-iktar profonda tal-ħwejjeġ spiritwali, kemm bil-predikazzjoni ta’ dawk li bis-suċċessjoni episkopali rċivew kariżma sikura ta’ verità. Il-Knisja jiġifieri, fil-korsa tas-sekli, tagħmel l-almu tagħha taħt il-protezzjoni tal-Ispirtu tal-verità, tattwa ruħha permezz tal-fehim, l-esperjenza ( bla ma taqtà għall-milja tal-verità divina, sabiex fiha jilħaq it-twettiq tiegħu l-kliem ta’ Alla” (DV 8). Skont il-Konċilju, mela, din it-tendenza għall-milja tal-verità divina, taħt il-protezzjoni tal-Ispirtu tal-verità, tattwa ruħha permezz tal-fehim, l-esperjenza (jiġifieri l-intelliġenza ċarissma tal-ħwejjeġ spiritwali) u t-tagħlim (cf. DV 10). Ukoll f’dan iż-żmien, Marija hija mudell għall-Knisja, minħabba li kienet l-ewwel waħda li “żammet dawn il-ħwejjeġ kollha waqt li mmeditathom ġewwa qalbha” (Lq 2, 19. 51).

7. Taħt l-influwenza tal-Ispirtu Santu, il-komunità tipprattika l-fidi tagħha u tapplika l-verità tal-fidi għall-ħajja. Minn banda hemm l-isforz tal-Knisja kollha biex tifhem aħjar r-rivelazzjoni, oġgett tal-fidi: studju sistematiku tal-Iskrittura u riflessjoni jew meditazzjoni kontinwa dwar is-sinifikat profond u dwar il-valur tal-Kelma ta’ Alla. Mill-banda l-oħra, il-Knisja tagħti xhieda tal-fidi b’ħajjitha propja, waqt li turi l-konsegwenzi u l-applikazzjonijiet tad-duttrina rivelata u l-valur superjuri li jirriżulta mill-imġieba umana. Waqt li tgħallem il-preċetti mxandra minn Kristu, issegwi t-triq li Huwa fetaħ u turi l-eċcellenza tal-messaġġ evanġeliku. Kull nisrani għandu “jagħraf lil Kristu quddiem il-bnedmin” (cf. Mt 10, 32) f’għaqda mal-Knisja kollha u jkollu fost dawk li ma jemmnux “kondotta bla tebgħa” sabiex dawn jaslu għall-fidi (cf. 1 Pt 2, 12).

8. Fuq dawn it-toroq indikati mill-Konċilju, jiżvilupp u jittrażmetti ruħu, bix-xhieda “komunitarja” tal-Knisja, dak “is-sens tal-fidi” li permezz tiegħu l-Poplu ta’ Alla jipparteċipa fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu. “U tassew, – naqraw fil-Lumen gentium – għal dak is-sens tal-fidi, li jitqanqal u miżmum mill-Ispirtu tal-verità, il-Poplu ta’ Alla, taħt il-gwida tas-sagru maġisteru li waqt li jikkonferma ruħu fedelment jilqà  mhux il-kelma tal-bnedmin imma verament il-kelma ta’ Alla (cf. 1 Ts 2, 13), jingħaqad b’mod indeskrivibbli mal-fidi darba trażmessa lill-qaddisin  (cf. Gd 3), b’ħaqq rett jippenetra fiha iktar fil-fond u b’mod iktar wiesà japplikaha għall-ħajja” (LG 12). It-test konċiljari jenfasizza l-fatt li s-“sens tal fidi huwa mqanqal u miżmum mill-Ispirtu tal-verità”. Grazzi għal tali “sens”, li fih iġib frott “id-dlik” divin, “il-Poplu ta’ Alla, taħt il-gwida tas-sagru maġisteru . . . jingħaqad b’mod indeskrivibbli mal-fidi” (LG 12). “L-universalità tal-fidili li jżommu d-dlik tal-Ispirtu Santu (cf. 1 Ġw 2, 20. 27), ma tistax tiżbalja fit-twemmin, u turi din il-propjetà tagħha permezz tas-sens soprannaturali tal-fidi tal-poplu kollu, meta  – mill-Isqfijiet sal-aħħar fidili lajċi – turi l-kunsens tagħha universali fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali” (LG 12).

Wieħed jinnota kif mit-test konċiljari jirriżulta sewwa li dak il-“kunsens fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali” mhuwiex id-derivattiv ta’ referendum jew ta’ plebixxit. Jistà jiftiehem b’mod ġust biss minħabba li wieħed iżomm f’moħħu l-kliem ta’ Kristu: “Inbierkek, O Missier, Sid is-sema u l-art, għaliex żammejt moħbija dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u mill-intelliġenti u għarrafthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb