37. Il-Knisja hija Soċjetà Strutturata


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 01/07/1992.

IT- TIENI PARTI: IL-MINISTERU TAL-ISQFIJIET

1. Komunità saċerdotali, sagramentali, profetika, il-Knisja twaqqfet minn Ġesù Kristu bħala soċjetà strutturata, ġerarkika u ministerjali, fid-dawl tat-tmexxija pastorali għall-formazzjoni u t-tkabbir kontinwu tal-komunità.

L-ewwel suġġetti ta’ tali funzjoni ministerjali u pastorali huma t-tnax l-Appostlu magħżula minn Ġesù Kristu bħala sisien viżibbli tal-Knisja tiegħu. Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II, “Ġesù Kristu, Ragħaj etern bena l-Knisja mqaddsa u bagħat lill-Appostli bħal ma Huwa stess kien mibgħut mill-Missier (cf. Ġw 20, 21), u ried li s-suċċessuri tagħhom, jiġifieri l-Isqfijiet, ikunu fil-Knisja tiegħu rgħajja sa l-aħħar tas-sekli” (LG 18). Dan il-pass tal-Kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja –  Lumen gentium – ifakkarna qabel kollox il-pożizzjoni oriġinali u unika tal-Appostli fil-kwadru istituzzjonali tal-Knisja. Mill-istorja evanġelika nafu li Ġesù li sejjaħ xi dixxipli biex isegwuh u minn fosthom għażel tnax (cf. Lq 6, 13).

In-narrazzjoni evanġelika tgħarrafna li għal Ġesù din kienet għażla deċiżiv, magħmula wara lejl ta’ talb (cf. Lq 6, 12); ta’ għażla magħmula b’libertà sovrana: jgħidilna San Mark li Ġesù, wara li telà fuq il-muntanja, sejjaħ ħdejh lil “dawk li ried” (Mk 3, 13). It-testi evanġeliċi jġħidulna l-ismijiet tal-individwi msejħa (cf. Mk 3, 16-19 e par.): sinjal li l-importanza tagħhom kienet interpretata u magħrufa fil-Knisja primittiva.

2. Bil-ħolqien tal-grupp tat-Tnax, Ġesù kien ħalaq il-Knisja, bħala soċjetà viżibbli strutturata għas-servizz tal-Vanġelu u tal-miġja tas-Saltna ta’ Alla. In-numru tnax kellu riferenza għat-tnax-il tribù ta’ Iżrael, u l-użu li għamel Ġesù jiżvela l-intenzjoni li joħloq Iżrael ġdid, il-poplu ġdid ta’ Alla mwaqqaf bħala Knisja. L-intenzjoni ħallieqa ta’ Ġesù hija apparenti mill-istess verb użat minn Marku biex jiddeskrivi l-istituzzjoni: “Għamilhom tnax . . . Għamel it-tnax”. “Għamel” ifakkar il-verb użat fir-rakkont tal-Ġenesi dwar il-ħolqien tad-dinja u fid-Deutero–Iżaija ( 43, 1; 44, 2) dwar il-ħolqien tal-poplu ta’ Alla, l-Iżrael il-qadim. Ir-rieda ħallieqa tesprimi ruħha wkoll fl-ismijiet il-ġodda mogħtija lil Xmun (Pietru) u lil Ġakbu u Ġwanni (ulied ir-ragħad), imma wkoll lill-grupp jew kulleġġ fis-solidarjetà tiegħu. Jikteb, infatti, Luqa li Ġesù “għażel tnax. Li tahom l-isem ta’ Appostli” (Lq 6, 13). It-Tnax l-Appostlu saru hekk realtà soċjo-ekkleżjali karatteristika distinta, u taħt ċerti aspetti, irrepetibbli. Fil-ġrupp tagħhom jispikka Pietru, li dwaru Ġesù kien juri b’mod iktar espliċitu l-intenzjoni li jibni Iżrael ġdid, b’dak l-isem mogħti lil Xmun: “Blata”, li fuqha Ġesù ried jibni l-Knisja tiegħu  (cf. Mt 16, 18).

3. L-għan ta’ Ġesù, fil-ħatra tat-Tnax, tiġi definita minn Marku: “Ħatar tnax sabiex jibqgħu miegħu, u wkoll biex jibgħathom jippridkaw u sabiex ikollhom il-qawwa li jkeċċu x-xjaten” (Mk 3, 14-15). L-ewwel element kostituttiv tal-grupp tat-Tnax huwa mela attakkament assolut ma’ Kristu: dawn huma persuni msejħa biex “ikunu miegħu”, jiġifieri biex isegwuh waqt li jħallu kollox. It-tieni element huwa dak missjunarju, espress fuq il-mudell tal-missjoni nfisha ta’ Ġesù, li kien jippriedka u jkeċċi x-xjaten. Il-missjoni tat-Tnax hija sehem fil-missjoni ta’ Kristu min-naħa ta’ bnedmin marbutin b’mod strett miegħu bħala dixxipli, ħbieb, fiduċjarji.

4. Fil-missjoni tal-Appostli l-evanġelista Marku jenfasizza “il-qawwa li jkeċċu x-xjaten”. Din hija setgħa fuq il-qawwa tal-ħażen, li b’mod pożittiv tfisser is-setgħa li tagħti lill-bnedmin il-fidwa ta’ Kristu, Dak li jitfà barra il-“prinċep ta’ din id-dinja” (Ġw 12, 31). Luqa jikkonferma is-sens ta’ din is-setgħa u l-iskop tal-istituzzjoni tat-Tnax, waqt li jirraporta l-kelma ta’ Ġesù li jagħti lill-Appostli l-awtorità tas-Saltna: “Intom dawk li pperseverajtu miegħi fil-provi tiegħi. U jien niddisponi għalikom saltna bħal ma l-Missier iddispona għalija” (Lq 22, 28). Ukoll f’din id-dikjarazzjoni, huma marbutin b’mod intimu l-perseveranza tal-għaqda ma’ Kristu u l-awtorità mogħtija fis-saltna. Din hija awtorità pastorali, bħal ma jirriżulta mit-test dwar il-missjoni afdata b’mod speċifiku lil Pietru: “Irgħa l-ħrief tiegħi . . . Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 15-17). Pietru jirċievi b’mod personali l-awtorità suprema fil-missjoni ta’ ragħaj. Din il-missjoni hija eżerċitata bħala sehem fl-awtorità tar-Ragħaj u Mgħallem uniku, Kristu. L-awtorità suprema afdata lil Pietru ma tħassarx l-awtorità mogħtija lill-Appostli l-oħra fis-saltna. Il-missjoni pastorali hija maqsuma mit-Tnax taħt l-awtorità ta’ Ragħaj wieħed universali, mandatorju u rappreżentant tar-Ragħaj it-Tajjeb, Kristu.

5. Id-dmirijiet speċifiċi relatati mal-missjoni afdata minn Ġesù Kristu lit-Tnax huma dawn li ġejjin: a) missjoni u setgħa ta’ evanġeliżazzjoni lill-ġnus kollha, bħal ma jiktbulna b’mod ċar it-tliet Sinottiċi (cf. Mt 28, 18-20; Mk 16, 16-18; Lq 24, 45-48). Fosthom, Mattew jenfasizza r-rapport stabbilit minn Ġesù nnifsu bejn il-qawwa messjanika u l-mandat minnu mogħti lill-Appostli: “Ingħatali kull poter fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu l-ġnus kollha” (Mt 28, 18). L-Appostli jistgħu u għandhom jiżvolġu l-missjoni tagħhom grazzi għas-setgħa ta’ Kristu li turi ruħha fihom (Mt 28, 19), b) missjoni u setgħa li jgħammdu bħala twettiq tal-mandat ta’ Kristu, b’magħmudija f’isem is-SS.Trinità (Ivi), li, billi hija marbuta mal-misteru paskwali ta’ Kristu, fl-Atti tal-Appostli tiġi wkoll meqjusa bħala magħmudija f’isem Ġesù (cf. At 2, 38; 8, 16). c) missjoni u setgħa li jiċċelebraw l-Ewkaristija: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lk 22, 19; 1 Kor 11, 24-25). L’inkarigu li jerġgħu jagħmlu dak li Ġesù wettaq fl-Aħħar Ċena, bil-konsagrazzjoni tal-ħobż u tal-imbid, tfisser setgħa ta’ livell l-iktar għoli; tgħid f’isem Kristu: “Dan huwa ġismi”, “dan huwa demmi”, hija kważi identifikazzjoni ma’ Kristu fl-att sagramentali. d) missjoni u setgħa li jaħfru d-dnubiet (Ġw 20, 22-23). Din hija sehem tal-Appostli fis-setgħa ta’ Bin il-bniedem li jaħfru d-dnubiet fuq l-art (cf. Mk 2, 10): dik is-setgħa li fil-ħajja pubblika ta’ Ġesù kienet qanqlet l-istagħġib tal-folla, li dwarha l-evanġelista Mattew jgħidilna li “tat glorja lil Alla li ta tali setgħa lill-bnedmin” (Mt 9, 8).

6. Biex iwettqu din il-missjoni l-Appostli rċivew, barra mis-setgħa, id-don speċjali tal-Ispirtu Santu (cf. Ġw 20, 21-22), li wera ruħu nhar Pentekoste, skont il-wegħda ta’ Ġesù (cf. At 1, 8). Bis-saħħa ta’ dan id-don, mill-waqt tal-Pentekoste huma bdew biex iwettqu l-mandat tal-evanġelizzazzjoni tal-popli kollha. Dan jgħidulna l-Konċilju Vatikan II fil-Kostituzzjoni Lumen gentium: “L-Appostli . . . waqt li ppridkaw ma kullimkien il-Vanġelu, milqugħ minn dawk li semgħuhom permezz tal-qawwa tal-Ispirtu Santu, laqqgħu l-Knisja universali, li l-Mulej kien waqqaf fuq l-Appostli u bena fuq il-beatu Pietru, il-kap tagħhom, waqt li Ġesù Kristu stess huwa l-ġebla ewlenija tax-xewka (cf. Ap 21, 14; Mt 16, 18; Ef 2, 20)” (LG 19).

7. Il-missjoni tat-Tnax kienet tinkludi rwol fundamentali riservat għalihom, li ma kellux ikun ereditarju minn oħrajn:  li jkunu xhieda okulari tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu (cf. Lq 24, 48), jittrażmettu l-messaġġ tiegħu lill-kmunità primittiva, bħala rabta bejn ir-rivelazzjoni divina u l-Knisja, u minħabba dan stess jagħtu bidu lill-Knisja f’isem u bis-saħħa ta’ Kristu, taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu. Minħabba din il-funzjoni tagħhom it-Tnax-il Appostlu jikkostitwixxu grupp ta’ importanza unika fil-Knisja, li sa mis-Simbolu niċen-kostantinoplitan hija definita apostolika (Credo unam sanctam, catholicam et “apostolicam” Ecclesiam) għal din ir-rabta li ma tinħallx mat-Tnax. Dan jispjega għaliex ukoll fil-liturġija l-Knisja daħħlet u rriservat xi ċelebrazzjonijiet sollenni partikolari ad unur tal-Appostli.

8. Madankollu Gesù ta lill-Appostli missjoni ta’ evanġelizzazzjoni lill-ġnus kollha, li titlob żmien tassew twil, u li anzi jtul “sal-aħħar tad-dinja” (Mt 28, 20). L-Appostli fehmu li kienet rieda ta’ Kristu li jipprovdu xi suċċessuri, li, bħalhom werrieta u marbutin, iwasslu ‘l quddiem il-missjoni tagħhom. Ħatru għalhekk “isqfijiet u djakni” fid-diversi komunitajiet li wara l-mewt tagħhom bnedmin oħra approvati jirċievu is-suċċessjoni tagħhom fil ministeru” (Clemente Romano, Ep. Ad Cor., 44, 2; cf. 42, 1. 4). B’dan il-mod Kristu waqqaf struttura ġerarkika u ministerjali tal-Knisja, iffurmata mill-Appostli u s-suċċessuri tagħhom; struttura li mhix derivattiva minn komunità preċedenti diġa mwaqqfa, imma kienet maħluqa minnu b’mod dirett. L-Appostli kienu, għal żmien, iż-żerriegħa tal-Iżrael il-ġdid u l-oriġni tas-sagra ġerarkija, bħal ma naqraw fil-Kostituzzjoni Ad gentes tal-Konċilju (AG 5). Tali struttura tappartieni mela għan-natura nfisha tal-Knisja, skont il-pjan divin imwettaq minn Ġesù. Skont dan l-istess pjan hija għandha rwol essenzjali fl-iżvilupp kollu tal-komunità nisranija, mill-jum ta’ Pentekoste sa tmiem iż-żminijiet, meta f’Ġerusalem ċelesti l-magħżulin kollha se jkunu għal kollox parteċipi tal-“ħajja l-Ġdida” għall-eternità.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb