38. L-Isqfijiet huma Suċċessuri tal-Appostli


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 08/07/1992.

1. Mill-Atti u mill-Ittri tal-Appostli jiġi dokumentat dak li naqraw fil-Kostitużżjoni Lumen Gentium tal-Konċilju Vatikan II, jiġifieri li l-Appostli “kellhom diversi kollaboraturi fil-ministeru” (LG 20).

Infatti fil-firxa tal-komunitajiet insara li kienu ffurmaw ruħhom f’qasir żmien wara l-jiem ta’ Pentekoste, tispikka bla ebda dubju dik tal-Appostli u b’mod partikolari l-grupp ta’ dawk li fil-Komunità ta’ Ġerusalem kienu “meqjusin il-kolonni: Ġakbu, Kefa u Ġwanni . . .”, bħal ma jiċċertifika San Pawl fl-Ittra lill-Galatin (Gal 2, 9). Din hija dwar Pietru, maħtur minn Ġesù bħala kap tal-Appostli u ragħaj suprem tal-Knisja; dwar Ġwanni, l-Appostlu maħbub; u dwar Ġakbu, “ħu l-Mulej”, magħruf bħala l-kap tal-Knisja ta’ Ġerusalem.

Imma, flimkien mal-Appostli, l-Atti jsemmu lill-“anzjani” (cf. At 11, 29-30; 15, 2. 4), li flimkien magħhom kienu jikkostitwixxu grad subordinat ta’ ġerarkija. L-Appostli bagħtu rappreżentant tagħhom f’Antijokja, Barnaba, minħabba l-progressi tal-evanġelizzazzjoni f’dak il-post (At 11, 22). L-Atti nfushom jgħidulna dwar Sawlu (San Pawl), li, wara l-konverżjoni u l-ewwel xogħol missjunarju, imur Ġerusalem ma’ Barnaba (li f’parti oħra tiġi lilu attribwitha d-denominazzjoni ta’ “appostlu”: (cf. At 14,14), bħallikieku fiċ-ċentru tal-awtorità ekkleżjali, sabiex jitkellem mal-Appostli. Fl-istess ħin iġib għajnuna materjali għall-komunità lokali  (cf. At 11, 29). Fil-Knisja ta’ Antijokja, flimkien ma Barnaba u Sawl, jissemmew bħala “profeti u dutturi . . . Simeone, mlaqqam Niger, Lucio ta’ Ċirene, Manaen” (At 13, 1). Minn hemm imbagħad jintbagħtu fuq vjaġġ apostoliku, “wara t-tqeghid tal-idejn” (cf. At 13, 2-3), Barnaba u Sawl. Minn żmien dak il-vjaġġ Sawlu jibda jsejjaħ lilu nnifsu Pawlu (cf. At 13, 9). U iktar: iktar ma bdew jikbru l-komunitajiet, nisimgħu kliem dwar “il-kostituzzjoni tal-anzjani” (cf. At 14, 23). Id-dmirijiet ta’ dawn l-anzjani jiġi ddefiniti bi preċiżjoni fl-Ittri pastorali lil Titu u lil Timotju, maħtura minn Pawlu bħala kapijiet ta’ komunità (cf. Tt 1, 5; 1 Tm 5, 17).

Wara l-Konċilju ta’ Ġerusalem, l-Appostli jibagħtu Antijokja flimkien ma’ Barnaba u Pawlu, żewġ diriġenti oħra: Ġuda msejjaħ Barsabas, u Sila, bħala persuni “miżmuma b’konsiderazzjoni kbira fost l-aħwa” (At 15,22). Fl-Ittri Pawlini, barra lil Titu u lil Timotju, jissemmew ukoll “kollaboraturi” u “sħab”  oħra tal-Appostlu (cf. 1 Ts 1, 1; 2 Kor 1, 19; Rm 16, 3-5. 1).

2. F’ċertu waqt inħass il-bżonn għall-Knisja li jkollha kapijiet ġodda, suċċessuri tal-Appostli. Il-Konċilju Vatikan II dwar dan jgħid li l-Appostli, “sabiex  il-missjoni afdata lilhom titkompla wara mewthom, ħallew kważi kważi fit-testment lill-koperaturi immedjati tagħhom l-uffiċċju li jkomplu u jikkonsolidaw l-opra minnhom mibdija, waqt li rrakkomandawlhom li jieħdu ħsieb il-merħla kollha, li fiha l-Ispirtu Santu kien qegħedhom biex jirgħu l-Knisja ta’ Alla (cf. At 20, 28). Għalhekk għażlu minn fost dawn in-nies u wara tawhom ordni biex, meta huma jkunu mietu, bnedmin distinti oħra jieħdu posthom. (Clemente Romano, Ep. ad Kor. 44,2)” (LG 20).

Din is-suċċessjoni hija ċcertifikata mill-ewwel awturi nsara extrabibbliċi, bħal San Klement, Sant’Irinew u Tertulljano, u tikkostitwixxi is-sies tat-trażmissjoni tax-xhieda apostolika awtentika minn ġenerazzjoni għal oħra. Jikteb il-Konċilju: “Hekk, bħal ma jiċcertifika Sant’Irinew, permezz ta’ dawk li l-Appostli ħatru Isqfijiet u tas-suċċessuri tagħhom sa aħna, it-tradizzjoni apostolika fid-dinja kollha hija murija u mgħassa (Sant’Ireneo, Adv. Haer., III,3,1; cf. Tertulliano, De Praescr,. 20, 4-8: PL 2, 32; CC 1, 202)” (LG 20).

3. Minn dawk l-istess testi jirriżulta li s-suċċessjoni apostolika tippossiedi żewġ dimensjonijiet korrelattivi bejniethom: dik pastorali u dik dottrinali, f’kontinwità mal-missjoni tal-istess Appostli. Għal dan il-għan, wieħed irid jippreċiża a bażi tat-testi dak li kultant intqal, jiġifieri li l-Appostli ma setax ikollhom suċċessuri, minħabba li kienu ġew imsejħa għal esperjenza unika ta’ ħbiberija ma’ Kristu matul ħajtu terrena u għal rwol uniku fl-inawgurazzjoni tal-opra tal-fidwa

Huwa minnu infatti li l-Appostli kien kellhom esperjenza eċċezzjonali, inkomunikabbli għal oħrajn bħala esperjenza personali, u li kien kellhom rwol uniku fil-formazzjoni tal-Knisja, jiġifieri x-xhieda u t-trażmissjoni tal-kelma u tal-misteru ta’ Kristu a bażi għall-għarfien dirett tagħhom, u l-fondazzjoni tal-Knisja f’Ġerusalem. Imma huma kienu, fl-istess ħin, irċivew missjoni ta’ maġisteru u ta’ gwida pastorali għall-iżvilupp tal-Knisja: u din il-missjoni hija trażmissibbli, u kellha tkun trażmessa, skont l-intenzjoni ta’ Ġesù, lil xi suċċessuri għat-twettiq tal-evanġelizzazzjoni universali. F’dan it-tieni sens, mela, l-Appostli kien kellhom xi kollaboraturi u mbagħad xi suċċessuri. Dan jistqarru diversi drabi l-Konċilju (LG 18, 20, 22).

4. L-Isqfijiet iwettqu l-missjoni pastorali afdata mill-Appostli u jippossiedu s-setgħat kollha li din titlob. Barra minn dan, bħall-Appostli, huma jwettquha bl-għajnuna ta’ koperaturi. Naqraw fil-kostituzzjoni Lumen gentium: “L-Isqfijiet jassumu s-servizz tal-komunità flimkien mal-kollaboraturi tagħhom, saċerdoti u djakni, waqt li jippresiedu minflok Alla għall-merħla (cf. S. Injazju t’Antijokja, Philad., Praef.; 1, 1), li tagħha huma rgħajja, bħala mgħallma tad-duttrina, sacerdoti tal-kult sagru, ministri tat-tmexxija tal-Knisja” (LG 20).

5. Il-Konċilju aċċentwa dwar din is-suċcessjoni apostolika tal-Isqfijiet, waqt li saħaq li s-suċċessjoni hija ta’ istituzzjoni divina. Naqraw mill-ġdid fil-Lumen gentium: “Is-Sagru Konċilju jgħallem li l-Isqfijiet bi stituzzjoni divina issuċċedew minflok l-Appostli, bħala rgħajja tal-Knisja, u min jismagħhom, jismà lil Kristu; min jiddisprezzahom, jiddisprezza lil Kristu u lil Dak li bagħat lil Kristu (cf. Lq 10, 16)” (LG 20).

Bis-saħħa ta’ din l-istituzzjoni divina, l-Isqfijiet jirrapreżentaw lil Kristu, mela li tismà lilhom huwa li tismà lil Kristu. Mela mhux is-suċċessur ta’ Pietru biss jirrapreżenta lil Kristu Ragħaj, imma wkoll is-suċċessuri l-oħra tal-Appostli. Infatti l-Konċilju jgħallem: “Fil-persuna tal-Isqfijiet, li lilhom jgħinu s-saċerdoti, huwa preżenti f’nofs dawk li jemmnu il-Mulej Ġesù Kristu, Sommu Pontefiċi” (LG 21). Il-kliem ta’ Ġesù: “Min jismà lilkom, jismà lili” (Lq 10, 16), ikkwotat mill-Konċilju, għandu wkoll applikazzjoni iktar wiesgħa, għaliex kien indirizzat lit-tnejn u sebgħin dixxiplu. U rajna fit-testi tal-Atti tal-Appostli, ikkwotati fl-ewwel żewġ paragrafi tal-katekeżi preżenti, liema fjoritura ta’ koperaturi kien hemm madwar l-Appostli, ġerarkija li f’qasir żmien iddistingwiet ruħha fi presbiteri (Isqfijiet u kollaboraturi tagħhom) u djakni, mhux mingħajr il-kontribuzzjoni ta’ sempliċi fidili, koperaturi tal-ministeru pastorali.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb