39. L-Isqfijiet huma kkonsagrati b’Sagrament

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 30/09/1992.

1. Nerġgħu naqbdu, wara pawsa twila, il-katekeżi dwar il-Knisja, li nterrompejna fil-bidu ta’ Lulju.

Konna qegħdin nitkellmu dak iż-żmien dwar l-Isqfijiet bħala suċċessuri tal-Appostli u konna nnotajna li tali suċċessjoni tinvolvi s-sehem fil-missjoni u fis-setgħat mogħtija lill-Appostli stess minn Ġesù. Rigward dan l-argument, il-Konċilju Vatikan II enfasizza l-valur sagramentali tal-episkopat, li jirrifletti fih innifsu ss-saċerdozju ministerjali li bih ġew investiti l-Appostli minn Ġesù nnifsu. B’dan il-mod tiġi speċifikata n-natura tad-dmirijiet li l-Isqfijiet għandhom fil-Knisja.

2. Naqraw infatti fil-kostituzzjoni Lumen gentium li Ġesù Kristu, “waqt li qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin tal-Missier Alla ma jaqtax milli jkun preżenti għall-komunità tal-Papiet tiegħu”, permezz tal-ministeru għoli li: a) l-ewwelnett “jippriedka l-kelma ta’ Alla lill-ġnus kollha” (LG 21). Huwa mela l-Kristu glorjuż li, bis-setgħa sovrana tiegħu ta’ fidwa, jaġixxi permezz tal-Isqfijiet, li l-ministeru tagħhom ta’ evanġelizzazzjoni huwa b’mod ġust iddefinit “għoli” (Ivi). Il-predikazzjoni tal-Isqof mhux biss ittawwal l-predikazzjoni evanġelika ta’ Kristu, imma hija predikazzjoni ta’ Kristu stess fil-ministeru tiegħu. b) Barra minn dan, permezz tal-Isqfijiet (u tal-koperaturi tagħhom), Kristu “jamministra lil dawk li jemmnu s-sagramenti tal-fidi, permezz tal-uffiċċju patern tagħhom (cf. 1 Kor 4, 15) jinkorpora membri ġodda, bir-riġenerazzjoni soprannaturali, ma’ Ġismu” (LG 21). Is-sagramenti kollha huma amministrati f’isem Kristu. B’mod partikolari l-paternità spiritwali, sinifikata u attwata fis-sagrament tal-Magħmudija, hija marbuta mar-riġenerazzjoni li tiġi minn Kristu. c) Fl-aħħarnett, Kristu, “bl-għerf u l-prudenza (tal-Isqfijiet) imexxi u jordna l-Poplu tat-Testment il-Ġdid fil-pellegrinaġġ tiegħu lejn il-bejatitudni eterna” (LG 21). L-għerf u l-prudenza huma tal-Isqfijiet, imma jiġu minn Kristu li jmexxi, permezz tagħhom, il-Poplu ta’ Alla.

3. Hawnhekk imissna nosservaw li l-Mulej, meta jopra permezz tal-Isqfijiet, ma jwarrabx il-limiti u l-imperfezzjonijiet tal-kondizzjoni umana tagħhom, li tesprimi ruħha fit-temperament, fil-karattru, fl-imġieba u fid-dipendenza fuq qawwiet storiċi ta’ kultura u ta’ ħajja. F’dan ukoll nistgħu nirrikorru għall-aħbar li l-Vanġelu jagħtina dwar l-Appostli magħżula minn Ġesù. Kienu bnedmin li bla ebda dubju kellhom diversi difetti. Matul il-ħajja pubblika ta’ Ġesù, huma kienu jargumentaw dwar l-ewwel post, u lkoll abbandunaw lill-Imgħallem tagħhom fil-waqt tal-arrest. Wara l-Pentekoste, bil-grazzja tal-Ispirtu Santu, huma għexu fil-komunjoni ta’ fidi u ta’ karità. Imma dan ma jfissirx li kienu għebu fihom l-limiti relatati mal-kondizzjoni umana. Bħal ma hu magħruf, Pawlu ċanfar lil Pietru dwar l-imġieba ratba żżejjed tiegħu ma’ dawk li riedu jżommu fil-Kristjaneżmu l-osservanza tal-liġi Lhudija (cf. Gal 2, 11-14). Dwar Pawlu nnifsu, nafu li ma kellux karattru faċli u li kien hemm kuntrast qawwi bejnu u bejn Barnaba (At15, 39), għalkemm dan kien “raġel virtuż, mimli bl-Ispirtu Santu u bil-fidi” (At 11, 24). Ġesù kien jaf l-imperfezzjonijiet ta’ dawk li kien għażel, u żamm l-għażla tiegħu ukoll meta l-imperfezzjoni wriet ruħha f’forma gravi. Ġesù ried jopra permezz ta’ bnedmin imperfetti u f’ċerti waqtiet jistà jkun ukoll deplorevoli, għaliex ‘il fuq mid-dgħufija tagħhom kellha tittrijonfa l-qawwa tal-grazzja, mogħtija mill-Ispirtu Santu. Jistà jiġri li, bl-imperfezzjonijiet tagħhom jew saħansitra l-ħtijiet tagħhom, ukoll xi Isqfijiet jistgħu jonqsu mill-esiġenzi tal-missjoni tagħhom u jagħmlu ħsara lill-komunità. Għalhekk hemm bżonn nitolbu għall-Isqfijiet sabiex jimpenjaw ruħhom dejjem biex jimitaw ir-Ragħaj it-tajjeb. U fil-fatt f’bosta minnhom il-Wiċċ ta’ Kristu Ragħaj deher u jidher b’mod evidenti.

4. Mhuwiex possibbli hawn nagħmlu elenku tal-Isqfijiet qaddisin li kienu l-gwidi u l-formaturi tal-Knejjes tagħhom fiż-żminijiet antiki u fi żminijiet suċċessivi, ukoll f’dawk l-iktar riċenti. Biżżejjed aċċenn għall-kobor spiritwali ta’ xi figuri eminenti. Aħsbu ftit dwar iż-żelu apostoliku u l-martirju ta’ San Injazju ta’ Antijokja; dwar l-għerf duttrinali u l-ħeġġa pastorali ta’ San Ambroġ u ta’ Santu Wistin; għall-impenn għar-riforma vera tal-Knisja ta’ San Karlu Borromeo; għall-maġisteru spiritwali u għat-taqtigħa għall-preservazzjoni tal-fidi kattolika ta’ San Franġisk ta’ Sales; għall-attakkament ta’ San Alfons Marija de Liguori għall-qdusija tal-poplu u għad-direzzjoni tal-erwieħ; għall-fedeltà ċarissma għall-fedeltà, għall-Vanġelu u għall-Knisja ta’ Sant Antonju Maria Gianelli! Imma kemm rgħajja oħra tal-Poplu ta’ Alla imissna niftakru u niċcelebraw, li jappartienu għan-nazzjonijiet kollha u għall-Knejjes kollha tad-dinja! Hawn nikkuntentaw ruħna li ndawru mill-ġdid ħsiebna ta’ qima u ta’ gratitudni għal tant Isqfijiet tal-bieraħ u tal-lum li bl-azzjonijiet tagħhom, bit-talb tagħhom u bil-martirju tagħhom (spiss tal-qalb, kultant ukoll tad-demm) ikomplu x-xhieda tal-Appostli ta’ Kristu. Bla dubju, mal-kobor tal-“ministeru għoli” riċevut mingħand Kristu bħala suċcessuri tal-Appostli, tikkorrispondi r-responsabiltà ta’ “ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla” (cf. 1 Kor 4, 1). Bħala amministraturi li jħejju l-misteri ta’ Alla biex iqassmuhom f’isem Kristu, l-Isqfijiet għandhom ikunu b’mod strett magħquda u b’mod qawwi fidili għall-Imgħallem tagħhom, li ma ħasibhiex darbtejn li jagħti lilhom, bħall-Appostli, missjoni deċiżiva għall-ħajja tal-Knisja fiż-żminijiet kollha: il-Qdusija tal-Poplu ta’ Alla.

5. Il-Konċilju Vatikan II, wara li stqarr il-preżenza attiva ta’ Kristu fil-ministeru tal-Isqfijiet, jgħallem is-sagramentalità tal-episkopat. Għal bosta żmien dan il-punt kien oġġett ta’ kontroversja duttrinali. Il-Konċilju ta’ Trento kien stqarr is-superjorità tal-Isqfijiet fuq il-presbiteri; superjorità li turi ruħha fis-setgħa tagħhom riservata li jikkonfermaw u li jordnaw (Denz.-S. 1777). Imma ma kienx għadu stqarr is-sagramentalità tal-ordinazzjoni episkopali. Nistgħu mela nistabilixxu l-progress duttrinali li sar dwar dan il-punt bl-aħħar Konċilju, li jiddikjara: “Jgħallem il-Konċilju Qaddis li bil-konsagrazzjoni episkopali tiġi mogħtija l-milja tas-sagrament tal-Ordni Sagri, dik jiġifieri li mid-drawwa liturġika tal-Knisja u mill-vuċi tas-Santi Padri tiġi msejħa sommu saċerdozju, l-ogħla tas-sagru ministeru” (LG 21).

6. Biex jagħmel tali stqarrija l-Konċilju jibbaża ruħu fuq it-tradizzjoni u jindika l-mottivi biex jstqarr li l-konsagrazzjoni episkopali hija sagramentali. Hija nfatti tagħti l-kapaċità li “jirrapreżenta lil Kristu Mgħallem, Ragħaj u Sommu Sacerdot u li jaġixxi fil-persuna tiegħu” (LG 21). Mill-banda l-oħra, ir-rit liturġiku tal-ordinazzjoni huwa sagramentali: “mill-impożizzjoni tal-idejn u tal-kliem tal-konsagrazzjoni il-grazzja tal-Ispirtu Santu tiġi hekk mogħtija, u hekk huwa ittimbrat il-karattru sagru” (LG 21). Diġa fl-ittri pastorali (cf. 1 Tm 4, 14) dak kollu li kien jitqies bħala opra tas-sagrament li jirċievu l-Isqfijiet u, min-naħa tagħhom, minn idejn l-Isqfijiet, il-presbiteri u d-djakni: fuq dik il-bażi sagramentali tifforma ruħha l-istruttura ġerarkika tal-Knisja, Ġisem ta’ Kristu.

7. Il-Koncilju jattribwixxi lill-Isqfijiet is-setgħa sagramentali li “jassumu, mas-sagrament tal-Ordni Sagri, membri ġodda fil-korp episkopali” (LG 21). Din hija l-espressjoni massima tal-poter ġerarkiku, għaliex imiss in-nervi ċentrali vitali tal-Ġisem ta’ Kristu li hija l-Knisja: Il-kostituzzjoni tal-kapijiet u tar-rgħajja li jkomplu u jipperpetwaw l-opra tal-Appostli f’għaqda ma’ Kristu u taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu. Xi ħaġa simili wieħed jistà jgħid ukoll rigward l-ordinazzjoni tal-presbiteri, riservata għall-Isqfijiet minħabba l-kunċett tradizzjonali, marbut mat-Testment il-Ġdid, li jagħmel minnhom, bħala suċċessuri tal-Appostli, il-possessuri tas-setgħa li “jqiegħdu l-idejn” (cf. At 6, 6; 8, 19; 1 Tm 4, 14; 2 Tm 1, 6), biex jaħtru fil-Knisja  numru ta’ ministri ta’ Kristu strettament magħqudin mat-titulari tal-missjoni ġerarkika. Dan ifisser li l-azzjoni tal-presbiteri tidentifika ruħha minn ħaġa waħda unika, sagramentali, saċerdotali u ġerarkika, li fiha huwa ddestinat li tiżvolġi ruħha f’komunjoni ta’ karità ekkleżjali.

8. Fil-quċċata ta’ din il-komunjoni jibqà l-Isqof, li jeżerċita is-setgħa mogħtija lilu mill-“milja tas-sagrament tal-Ordni Sagri riċevut minnu bħala servizz tal-imħabba, sehem, skont mod propju, tal-karità msawba fil-Knisja mill-Ispirtu Santu (cf. Rm 5, 5). Imqanqal mill-għarfien ta’ din il-karità l-Isqof, imitat mill-presbiteru, jaġixxi mhux b’mod individwalistiku u assolutisku, imma “fil-komunjoni ġerarkika mal-Kap u mal-membri tal-Kulleġġ (episkopali)” (LG 21). Hija ħaġa ċerta li l-komunjoni tal-Isqfijiet, magħqudin bejniethom u mal-Papa, u b’mod proporzjonat dik tal-presbiteri u tad-djakni, turi b’mod l-iktar għoli l-għaqda tal-Knisja kollha, bħala kouinità tal-imħabba.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading