Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 07/10/1992.
1. Fil-kostituzzjoni Lumen Gentium il-Konċilju Vatikan II stabilixxa analoġija bejn il-kulleġġ tal-Appostli u dak tal-Isqfijiet magħqudin mal-Papa Ruman: “Bħal San Pietru u l-Appostli l-oħra jikkostitwixxu, bir-rieda tal-Mulej, kulleġġ apostoliku uniku, ugwalment il-Papa Ruman, suċċessur ta’ Pietru, u l-Isqfijiet, suċcessuri tal-Appostli, huma magħqudin bejniethom” (LG 22).
Din hija d-duttrina dwar il-kolleġġjalità tal-Episkopat fil-Knisja. Din għandha l-ewwel sies tagħha fil-fatt li Kristu l-Mulej, fit-twaqqif tal-Knisja tiegħu, sejjaħ lit-Tnax, li sejħilhom Appostli, waqt li afdalhom il-missjoni tal-predikazzjoni tal-Vanġelu u dik tat-tmexxija pastorali tal-poplu nisrani, u b’hekk ikkostitwixxa l-istruttura “ministerjali” tal-Knisja. It-tnax-il Appostlu jidhrulna bħala “corpus” u “collegium” ta’ persuni magħqudin bejniethom mill-karità ta’ Kristu, li qegħedhom taħt l-awtorità ta’ Pietru, li lilu qallu: “Inti pietru (jiġifieri blata) u fuq din il-blata jien se nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18). Imma dak il-grupp oriġinarju, billi kien irċieva l-missjoni tal-evanġelizzazzjoni xi jwettaq sal-aħħar taż-żminijiet, kellu jaħtar diversi suċcessuri, li huma appuntu l-Isqfijiet. Skont il-Konċilju, tali suċcessjoni tirriproduċi l-istruttura oriġinali tal-kulleġġ tat-Tnax magħqudin bejniethom bir-rieda ta’ Kristu taħt l-awtorità ta’ Pietru.
2. Il-Konċilju ma jippreżentax din id-duttrina bħala novità, jekk mhux forsi fil-formulazzjoni, imma bħala kontenut ta’ realtà storika ta’ aċċettazzjoni u ta’ attwazzjoni tar-rieda ta’ Kristu, li tirriżultalna mit-Tradizzjoni. a) “Diġa fid-dixxiplina antika, l-Isqfijiet tad-dinja kollha – dan jgħid – kienu jikkomunikaw bejniethom u mal-Isqof ta’ Ruma fir-rabta tal-unità, tal-karità u tal-paċi”. b) “U similarment il-Konċilji mlaqqgħin biex jiddeċiedu magħhom flimkien kwalunkwè argument, ukoll ta’ mportanza kbira, wara li jkunu għarblu s-sentenza flimkien mal-parir ta’ bosta, jindikaw il-karattru u n-natura kolleġġjali tal-ordni episkopali: li manifestament jikkonfermaw il-Konċilji ekumeniċi li saru tul is-sekli”.. c) Il-kolleġġjalità “hija wkoll issuġġerita mill-użu antik li jissejħu iktar Isqfijiet biex jieħdu sehem fl-elevazzjoni tal-magħżul ġdid għall-ministeru tas-sommu saċerdozju. Wieħed ikun membru kostitwit tal-korp episkopali bis-saħħa tal-konsagrazzjoni sagramentali u permezz tal-komunjoni ġerarkika mal-kap tal-kulleġġ u mal-membri” (LG 22).
3. Il-kulleġġ – inkomplu naqraw – “għalkemm magħmul minn ħafna, jesprimi l-varjetà u l-universalità tal-Poplu ta’ Alla; għalkemm inbagħad huwa miġbur taħt kap wieħed, ifisser l-unità tal-merħla ta’ Kristu” (LG 22). F’għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru l-kulleġġ kollu tal-Isqfijiet jeżerċita l-awtorità suprema fil-Knisja universali. Nipposponu għall-katekeżi suċċessivi t-trattazzjoni tal-“ministeru petrin” fil-Knisja. Imma dan għandu jinżamm preżenti wkoll meta wieħed jitkellem dwar il-kolleġġjalità tal-episkopat. Bla ebda dubju, skont il- Lumen gentium, “il-potestà suprema, li dan il-kulleġġ jippossiedi fuq il-Knisja kollha, tiġi eżerċitata b’mod sollenni fil-Konċilju ekumeniku” (LG 22). Imma hemm naqraw ukoll li “hija prerogattiva tal-Papa Ruman li jsejjaħ dawn il-Konċilji, jippresedihom u jikkonfermahom” (LG 22). Konċilju ma jistax ikun ekumeniku, kemm-il darba ma jiġix ikkonfermat jew għallinqas aċċettat mill-Papa Ruman. Dan ikun nieqes mis-siġill tal-unità ggarantita mis-Suċċessur ta’ Pietru. Meta l-unità u l-kattoliċità jkunu assigurati, il-Konċilju ekumeniku ikun jistà jiddefenixxi b’mod infallibli l-veritajiet fil-qasam tal-fidi u tal-morali. Storikament, il-Konċilji ekumeniċi kellhom rwol importanti ħafna u deċiżiv fil-preċiżazzjoni, fid-definizzjoni u fl-iżvilupp tad-duttrina, biżżejjed naħsbu dwar il-Konċilji ta’ Nicea, ta’ Kostantinopli, ta’ Efesu u ta’ Kalċedonja.
4. Minbarra fil-Konċilji ekumeniċi, “l-istess potestà kolleġġjali tistà tkun eżerċitatà flimkien mal-Papa mill-Isqfijiet imferrxin mad-dinja, basta li l-kap tal-kulleġġ isejħilhom għal azzjoni kolleġġjali, jew għallinqas japprova jew jaċċetta b’mod liberali l-azzjoni kombinata tal-Isqfijiet imferrxin, hekk li tirriżulta bħala att kolleġgjali veru” (LG 22). Is-Sinodi Episkopali, istitwiti wara l-Konċilju Vatikan li, għandhom bħala għan li jattwaw b’mod iktar konkret is-sehem tal-kulleġġ episkopali fit-tmexxija universali tal-Knisja. Dawn is-Sinodi jistudjaw u jiddiskutu temi pastorali u duttrinali li huma ta’ importanza notevoli għall-Knisja universali; il-frott tax-xogħol tagħhom, elaborat ta’ ftehim mas-Sede Apostolika, jiġu miġbura f’dokumenti li għandhom firxa universali. Id-dokumenti maħruġa wara l-aħħar Sinodi jġibu b’mod espress il-kwalifika ta’ “postsinodali”.
5. U iktar: “L-għaqda kolleġġjali tidher ukoll fir-relazzjonijiet mutwi tal-Isqfijiet individwali mal-Knisja partikolari u mal-Knisja universali” (LG 23). “L-Isqfijiet individwali jirrapreżentaw il-Knsja propja, u lkoll flimkien mal-Papa jirrapreżentaw il-Knisja kollha f’rabta ta’ paċi, ta’ mħabba u ta’ unità” (LG 23). Minħabba dan l-Isqfijiet, “minħabba li huma membri tal-kulleġġ episkopali u suċċessuri leġittmi tal-Appostli, minħabba istituzzjoni u Preċett ta’ Kristu huma miżmuma li jkollhom għall-Knisja kollha urġenza li, għalkemm mhix eżerċitata bl-atti ta’ ġurisdizzjoni, tikkontribwixxi mmensament għall-ġid tal-Knisja universali” (LG 23). “Infatti l-Isqfijoet kollha, għandhom jippromwovu u jiddefendu l-unità tal-fidi u d-dixxiplina komuni għall-Knisja kollha; jedukaw lill-fidili għall-imħabba tal-ġisen mistiku kollu ta’ Kristu, b’mod speċjali tal-membri foqra, batuti, u ta’ dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja (cf. Mt 5, 10); u fl-aħħarnett jippromwovu kull attività komuni għall-Knisja, b’mod speċjali fil-providenza li l-fidi tikber, u ssawwab għall-bnedmin kollha d-dawl tal-verità sħiħa” (LG 23).
6. Hawnhekk ta’ min ifakkar li “permezz tal-Providenza Divina seħħ li diversi Knejjes, f’diversi postijiet imwaqqfa mill-Appostli u s-suċċessuri tagħhom, matul is-sekli stabilixxew ruħhom f’diversi raggruppamenti magħqudin b’mod organiku, li, li għalkemm baqgħet l-għażla tal-unità tal fidi u l-unika kostituzzjoni divina tal-Knisja universali, igawdu dixxiplina propja, ta’ ordinament liturġiku propju, ta’ patrimonju tejoloġiku u spiritwali propju. Xi wħud fosthom, b’mod speċjali dawk il-Knejjes patrijarkali antiki, iġġeneraw oħrajn bħala wlied, li magħhom għadhom sa żmienna marbutin b’rabta stretta ta’ karità fil-ħajja sagramentali u b’rispett mutwu tad-drittijiet u tad-dmirijiet” (LG 23).
7. Bħal ma wieħed jistà jara, il-Konċilju jenfasizza – fil-qasam tad-duttrina dwar il-kolleġġjalità tal-episkopat – ukoll il-veritajiet fundamentali tal-interpretazzjoni u l-integrazzjoni mutwa tar-realtà partikolari u tad-dimensjoni universali fl-istruttura tal-Knisja. Minn dan il-lat jiġi mitqies ukoll ir-rwol tal-Konferenzi Episkopali. Il-Kostituzzjoni konċiljari dwar il-Knisja tiddikjara: “Il-Konferenzi Episkopali jistgħu llum jaslu għal kontribut multiplu u fertili biex jagħmlu iva li l-imħabba kolleġġjali twassal għal applikazzjoni konkreta” (LG 23). B’mod iktar dettaljat jippronunzja ruħu dwar din it-tema d-digriet Christus Dominus, dwar l-uffiċċju pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja. Hawn naqraw: “Il-Konferenza Episkopali hija speċi ta’ organiżmu li fih ir-rgħajja sagri ta’ nazzjon jew territorju determinat jeżerċitaw flimkien il-ministeru pastorali tagħhom, għaż-żieda tal-ġid, li l-Knisja toffri lill-bnedmin, b’mod speċjali permezz ta’ dawk il-forom ta’ apostolat li huma addattati għaċ-ċirkostanzi ta’ żminijietna” (CD 38, 1). Minn dawn it-testi jirriżulta li l-Konferenzi Episkopali jistgħu jiffaċċjaw il-problemi tat-territorju ta’ kompetenza tagħhom, ‘il hemm mil-limiti tad-dijoċesi singula, u jipproponu għalihom tweġibiet ta’ ordni pastorali u duttrinali. Jistgħu wkoll jippronunzjaw pariri dwar il-problemi li jikkonċernaw il-Knisja universali. Fuq kollox jistgħu jipprovdu b’awtorità għall-bżonnijiet tal-iżvilupp tal-Knisja skont l-esiġenzi u l-konvenjenzi tal-mentalità u l-kultura nazzjonali. Jistgħu jieħdu xi deċiżjonijiet li, bil-kunsens tal-Isqfijiet membri, ikollhom influss kbir fuq l-attività pastorali.
8. Il-Konferenzi Episkopali għandhom ir-responsabiltà propja fit-territorju tal-kompetenza tagħhom, imma d-deċiżjonijiet tagħhom għandhom riflessi inevitabbli fil-Knisja universali. Il-ministeru petrin tal-Isqof ta’ Ruma jibqà l-garanti tas-sinkronizzazzjoni tal-attività tal-Konferenzi mal-ħajja u mat-tagħlim tal-Knisja universali. Għal dan il-għan id-digriet konċiljari jistabilxxi: “Id-deċiżjonijiet tal-Konferenza Episkopali, minkejja li jkunu ttieħdu b’mod leġittimu u b’talinqas żewġ terzi tal-voti tal-Isqfijiet preżenti b’vot deċiżiv, u jkunu ġew sottomessi għall-eżami tas-Santa Sede, ikollhom il-qawwa jobbligaw b’mod ġuridiku biss fil-każi li fihom dan ikun kontenut fid-dritt komuni, jew inkella jkun stabbilit minn speċi ta’ preskrizzjoni tas-Santa Sede, mogħtija jew moto propju jew wara t-talba tal-istess Konferenza” (CD 38, 4). Il-digriet jistabbilixxi fl-aħħarnett: “Jekk ċirkustanzi partikolari jitolbuh, l-Isqfijiet ta’ iktar nazzjonijiet, bl-approvazzjoni tas-Santa Sede, jistgħu jikkostitwixxu Konferenza unika” (CD 38, 5).
Xi ħaġa simili tistà sseħħ ukoll dwar il-Kunsilli u l-laqgħat tal-Isqfijiet fil-livell kontinentali, bħal ngħidu aħna huma il-każi tal-Kunsill tal-Konferenzi tal-Amerika Latina (Celam) jew ta’ dak tal-Knejjes Ewropej (CCEE). Din hija kollha mrewħa wiesgħa ta’ raggruppamenti ġodda u ta’ organizzazzjonijiet, li bihom il-Knisja unika tfittex li twieġeb għal domandi u problemi ta’ ordni spiritwali u soċjali tad-dinja moderna. Sinjal ta’ Knisja li tgħix, tirrifletti u timpenja ruħha fix-xogħol bħala appostla tal-Vanġelu f’dan iż-żmien tagħna. Ikun x’ikun hija tħoss il-bżonn li tippreżenta ruħha, li taħdem u li tgħix fil-fedeltà għaż-żewġ noti fundamentali tal-komunità nisranija ta’ dejjem u b’mod partikolari tal-kulleġġ apostoliku: l-unità u l-kattoliċità.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb