Id-Disgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
QARI I
Ġisem wieħed, Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda.
Efes 4, 1-6
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem; ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; 6Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
R/. (ara 6): Aħna nfittxu ’l wiċċek, Mulej
Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.
Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.
Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?
Lq 12, 54-59
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-Punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri. U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew. Uċuħ b’oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh? U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?
Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs; għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sal-inqas ħabba”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu