Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
QARI I
Issa b’għajnejja rajtek, għalhekk inċedi u nindem.
Ġob 42, 1-3.5-6.12-16 (Ebrajk 1-3.5-6.12-17)
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu:
“Jien naf li inti tista’ kollox,
u ebda ħsieb minn tiegħek ma jfixkluh.
Int għedt: “Min hu dan li jrid joskura fehemti bla ma jifhem?”
U tassew jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx,
ħwejjeġ kbar wisq għalija, ma nafhomx.
Fuqek jien b’widnejja smajt;
imma issa b’għajnejja rajtek.
Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u r-rmied”.
U l-Mulej bierek il-ħajja l-ġdida ta’ Ġob aktar minn dik ta’ qabel, u kellu Ġob erbatax-il elf nagħġa u sitt elef ġemel, elf żewġ barrin u elf ħmara. Kellu wkoll seba’ subien u tlitt ibniet. Bintu l-kbira semmieha Ġemima, lil ta’ warajha Kesigħa, u liż-żgħira Kerenħappuk. U ma kienx hemm fil-pajjiż kollu nisa li fil-ġmiel iħabbtuha mal-bniet ta’ Ġob. Missierhom tahom qasma mill-wirt ma’ ħuthom is-subien.
Wara dan kollu Ġob għex mija u erbgħin sena u ra ’l uliedu u wlied uliedu sar-raba’ nisel, u miet xiħ u mimli bl-għomor.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 118 (119), 66.71.75.91.125.130
R/. (135a): Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek, Mulej
Fehma tajba u għerf għallimni,
għax jien nemmen fil-kmandamenti tiegħek.
Swieli ta’ ġid li għakkistni,
għax tgħallimt il-kmandamenti tiegħek. R/.
Jien naf, Mulej, li ġusti d-digrieti tiegħek;
u li skont is-sewwa għakkistni.
B’digriet tiegħek għadhom sħaħ sal-lum;
għax kollox hu għall-qadi tiegħek. R/.
Qaddej tiegħek jien; agħtini d-dehen,
biex nagħraf il-preċetti tiegħek.
It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.
Lq 10, 17-24
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U Ġesù qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.
F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”.
Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu