41. L-Isqfijiet jgħallmu, iqaddsu u jmexxu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 28/10/1992.

1. Fis-suċċessjoni tal-Appostli, l-Isqfijiet huma msejħin biex jieħdu sehem fil-missjoni li Ġesù Kristu stess afda lit-Tnax u lill-Knisja.

Ifakkarna dan il-Konċilju Vatikan II: “L-Isqfijiet, bħala suċċessuri tal-Appostli, jirċievu mingħand il-Mulej, mingħandu li ġie mogħti kull setgħa fis-sema u fl-art, il-missjoni li jgħallmu lill-ġnis kollha u li jippridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura, sabiex il-bnedmin kollha permezz tal-fidi, tal-magħmudija u tal-osservanza tal-kmandamenti, jiksbu l-fidwa” (LG 24). Skont it-test konċiljari, din hija missjoni li l-Isqfijiet “jirċievu mingħand il-Mulej”, u li tiġbor fiha l-istess skop tal-missjoni tal-Appostli. Din tappartieni lill-“kulleġġ” episkopali fit-totalità tiegħu, bħal ma rajna fil-katekeżi preċedenti. Imma jeħtieġ inżidu li l-wirt tal-Appostli – bħala missjoni u bħala poter sagru – hija trażmessa lil kull Isqof individwu fl-isfera tal-kulleġġ episkopali. Huwa dan li rridu nispjegaw fil-katekeżi tallum, waqt li nirrikorru qabel kollox għat-testi tal-Konċilju. Huwa huma li jagħtuna, dwar din it-tema, l-istruzzjonijiet l-iktar awtorevoli u kompetenti.

2. Il-missjoni tal-Isqfijiet individwali tiġi mwettqa f’qasam definit b’mod strett. Naqraw infatti fit-test konċiljari: L-Isqfijiet individwali, li huma responsabbli għal Knisja partikolari, jeżerċitaw it-tmexxija pastorali tagħhom fuq il-porzjon tal-poplu ta’ Alla li ġie fdat lilhom, mhux fuq il-Knejjes l-oħra linqas fuq il-Knisja universali” (LG 23). Din hija kwestjoni rregolata a bażi tal-“missjoni kanonika” mogħtija lil kull Isqof (LG 24). Hu xinhu, l-intervent tal-awtorità suprema huwa garanzija li l-assenjazzjoni tal-missjoni kanonika ssir mhux biss fid-dawl tal-ġid ta’ komunità lokali, imma għall-ġid tal-Knisja kollha, fir-rigward tal-missjoni universali komuni għall-episkopat unit mas-Sommu Pontefiċi. Dan huwa punt fundamentali tal-“ministeru petrin”.

3. Il-maġġoranza tal-Isqfijiet tiżvolġi l-missjoni pastorali tagħha fid-dijoċesi. X’inhija dijoċesi? Għal din il-mistoqsija d-digriet konċiljari Christus Dominus dwar l-Isqfijiet iwieġeb fil-mod li ġej: “Id-dijoċesi hija porzjon tal-poplu ta’ Alla, afdat fil-kura pastorali tal-Isqof, mgħejjun mill-presbiterju tiegħu, b’mod li, waqt li jingħaqad mar-Ragħaj propju, u permezz tal-Vanġelu u tal-Imqaddsa Ewkaristija, magħqud fl-Ispirtu Santu, jikkostitwixxi Knisja partikolari, li fiha hija preżenti u topera l-Knisja ta’ Kristu, Waħda, Qaddisa, Kattolika, u Apostolika” (CD 11). Skont il-Konċilju, mela, kull Knisja partikolari tgħix mill-ħajja tal-Knisja universali, li hija r-realtà fundamentali tal-Knisja. U dan huwa l-kontenut l-iktar importanti u l-iktar kwalifikanti tad-dijoċesi, li tagħmel parti mill-Knisja universali, mhux biss bħala porzjon tal-poplu ta’ Alla lokalizzat b’regola għal territorju, imma wkoll b’xi karattri u b’xi propjetajiet partikolari, li jistħoqqilhom rispett u stima.  F’ċerti każi nkunu qegħdin nitkellmu dwar valuri ta’ mportanza kbira jew ta’ radjazzjoni wiesgħa fil-popli ndividwali u saħansitra fil-Knisja universali. Imma dejjem u kullimkien nistgħu ngħidu li l-varjetà tad-dijoċesi tikkontribwixxi għar-rikkezza spiritwali jew għall-iżvolġiment tal-missjoni pastorali tal-Knisja.

4. Inkomplu naqraw fil-Konċilju: “L-Isqfijiet individwali li lilhom hija afdata l-kura ta’ Knisja partikolari, taħt l-awtorità tas-Sommu Pontefiċi, bħal rgħajja propji, ordinarji u immedjati, jirgħu f’isem il-Mulej in-nagħaġ tagħhom, u jeżerċitaw b’vantaġġ tagħhom l-uffiċċju li jgħallmuhom, iqaddsuhom u jmexxuhom” (CD 11). Il-ġurisdizzjoni tal-Isqfijiet fuq il-merħla afdata lilhom hija, mela, propja, ordnata u immedjata”. Madankollu l-ordni tajba u l-unità tal-Knisja jesiġu li din tkun eżerċitata f’komunjoni stretta mal-awtorità tas-Sommu Pontefiċi. Għal dawn l-istess raġunijiet l-Isqfijiet “għandhom ikunu jafu d-drittijiet li b’mod leġittimu jikkompetu kemm lill-Patrijarki, kif ukoll lill-awtoritajiet l-oħra ġerarkiki” (CD 11), skont l-artikolazzjoni li storikament ħadet l-istruttura tal-Knisja f’diversi postijiet. Imma, bħal ma jenfasizza l-Konċilju, dak li l-iktar jgħodd, u li jiddeċiedi kollox, huwa li l-missjoni pastorali tkun eżerċitata mill-Isqfijiet “f’isem il-Mulej”.

5. Meta wieħed jaraha f’dan id-dawl, din hi kif tippreżenta ruħha l-missjoni tal-Isqfijiet fil-valur tagħha istituzzjonali, spiritwali u pastorali, f’relazzjoni mal-kondizzjonijiet tal-kategoriji differenti tal-poplu afdat lilhom: “L-Isqfijiet – jiddikjara l-Konċilju –  għandhom jiżvolġi l-uffiċċju apstoliku tagħhom bħala xhieda ta’ Kristu fil-preżenza tal-bnedmin kollha, waqt li jinteressaw ruħhom mhux biss ta’ dawk li diġa jsegwu lill-Prinċep tar-Rgħajja, imma billi jiddedikaw ruħhom ukoll bir-ruħ kollha għal dawk li bi kwalunkwè mod tbiegħdu mit-triq tal-verità, inkella li għadhom jinjoraw il-Vanġelu ta’ Kristu u l-ħniena feddejja tiegħu; sakemm ilkoll kemm aħna nimxu fit-triq ta’ kull tjubija, ġustizzja u verità” (Ef 5, 9)” (CD 11). Għalhekk l-Isqfijiet huma msejħa biex ikunu jixbħu lill-“Bin il-bniedem”, li “ġie jfittex u jsalva dak li kien mitluf” (Lq 19, 10), bħal ma qal Ġesù waqt iż-żjara fid-dar ta’ Żakkew. Din hija l-essenza stess tal-vokazzjoni missjunarja tagħhom.

6. Bl-istess spirtu l-Konċilju jkompli:  “Għandu jkollhom interess partikolari għal dawk il-fidili li, minħabba l-kondizzjonijiet tal-ħajja tagħhom, ma jistgħux igawdu mill-ministeru ordinarju tal-kappillani u huma nieqsa minn kwalunkwè assistenza, bħal ma huma bosta emigranti, eżiljati, refuġjati, il-baħħara, dawk li jieħdu ħsieb it-trasport tal-ajru, in-nomadi u kategoriji oħra simili ta’ bnedmin.  Jaddottaw ukoll sistemi konvenjenti ta’ assistenza spiritwali għat-turisti” (CD 18). Il-kategoriji kollha, il-gruppi kollha, l-istrati soċjali kollha, u anzi l-individwi kollha appartenenti għall-artikolazzjonijiet antiki u ġodda tas-soċjetà, jidħlu fil-missjoni pastorali tal-Isqfijiet, ġewwa u ‘l hemm mill-istrutturi fissi tad-dijoċesi tagħhom, hekk bħal ma huma nklużi fit-tħaddina universali tal-Knisja.

7. Fit-twettiq tal-missjoni tagħhom, l-Isqfijiet jiġu li jsibu ruħhom fil-preżenza tal-istrutturi tas-soċjetà u mal-poteri li jmexxuha. Dan huwa l-kamp fejn huma mpenjati biex iġibu ruħhom skont in-normi evanġeliċi tal-libertà u tal-karità, seġwiti mill-istess Appostli. Jgħodd fil-każi kollha dak li l-Appostli Pietru u Ġwanni qalu quddiem is-Sinedriju: “Jekk hija ħaġa ġusta quddiem Alla li nobdu lilkom iktar milli lilu, iġġudikawh intom stess: aħna ma nistgħux nisktu dwar dak li aħna rajna u smajna” (At 4, 19). F’dan il-kliem huwa miġbur b’mod ċar il-prinċipju tal-azzjoni għar-rgħajja tal-Knisja fejn jidħlu diversi awtoritajiet terreni, validu għas-sekli kollha. Għal tali skop il-Konċilju jgħallem: “Fl-eżerċizzju tal-ministeru apostoliku tagħhom, immirat għas-saħħa tal-erwieħ, l-Isqfijiet ghandhom igawdu minn libertà sħiħa u perfetta u ndipendenza minn kwalunkwè awtorità ċivili. Għalhekk mhuwiex leġittimu li dak li jkun jostakola b’mod dirett jew indirett l-eżerċizzju tal-ministeru ekleżjastiku tagħhom, lanqas ma jimpedixxi li huma jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod liberu mas-Santa Sede, mal-Awtoritajiet ekleżjastiċi l-oħra u mas-sudditi tagħhom. Bla ebda dubju ir-Rgħajja sagri, waqt li jieħdu ħsieb il-ġid spiritwali tal-merħla tagħhom, huma jippromwovu wkoll il-progress soċjali u ċivili u l-prosperità tiegħu, waqt li għal tali skop huma jgħaqqdu – fl-isfera tad-dmirijiet tagħhom u tad-dekor tagħhom – l-opra tagħhom attiva ma’ dik tal-awtoritajiet pubbliċi, u waqt li jħeġġu lill-fidili tagħhom biex jobdu l-liġijiet ġusti u jirrispettaw l-awtoritajiet stabbiliti b’mod leġittimu” (CD 19).

8. Waqt li jitkellem dwar il-missjoni u d-dmirijiet tal-Isqfijiet, il-Konċilju jmiss ukoll il-kwistjoni tal-Isqfijiet maħtura bħala awżiljarji tal-Isqof dijoċeżan, għaliex dan “kemm minħabba l-vastità eċcessiva tad-dijoċesi jew minħabba n-numru eċċessiv tal-abitanti, kif ukoll minħabba mottiv ta’ ċirkustanzi partikolari ta’ apostolat jew minħabba kawżi  oħra ta’ natura differenti, ma jkunx jistà personalment iwettaq d-dmirijiet kollha tal-ministeru tiegħu,  kif ikun jixraq għall-ġid tal-erwieħ. Anzi kultant bżonnijiet partikolari jesiġu li l-istess Isqof ikun mogħti wkoll l-għajnuna ta’ Isqpf koadjatur” (CD 25). Bħala regola l-Isqof koadjutur jiġi nominat bi dritt ta’ suċċessjoni għall-Isqof dijoċeżan li jkun fil-kariga. Imma ferm iktar mid-distinzjonijiet ta’ natura kanonika, hemm il-prinċipju li għalih jirreferi t-test konċiljari: il-“ġid tal-erwieħ”. Kollox u dejjem għandu jkun dispost u magħmul skont dik il-“liġi suprema” li hija “is-salvazzjoni tal-erwieħ”.

9. Rigward tali ġid jispjegaw ruħhom ukoll dawn il-liġijiet konċiljari suċċessivi: “La darba il-bżonnijiet pastorali jesiġu dejjem iktar li xi nkarigi pastorali ikollhpm għaqda ta’ orjentazzjoni u ta’ tmexxija, ikun opportun li jkunu kostitwiti xi uffiċċji li jistgħu jaqdu lid-dijoċesijiet kollha jew diversi ta’ reġġjun jew nazzjon determinat: uffiċċji li jistgħu jkunu afdati wkoll lill-Isqfijiet” (CD 42). Min josserva r-realtà strutturali u pastorali tal-Knisja tallum fid-diversi Pajjiżi tad-dinja jistà faċilment jagħti kont tal-attwazzjoni ta’ dawn il-liġijiet fil-mhux ftit uffiċċji maħluqa mill-Isqfijiet jew mis-Santa Sede qabel u wara l-Konċilju, b’mod partikolari għall-attivitajiet missjunarji, kulturali, assistenzjali. Każ tipiku u magħruf sewwa huwa dak tal-assistenza spiritwali lill-militari, li għalih il-Konċilju ddispona l-istituzzjoni ta’ Ordinarji speċjali, skont il-prassi segwita mis-Sede apostolika minn żmien sewwa: “Ladarba l-assistenza spiritwali għas-suldati, minħabba l-kondizzjonijiet partikolari tal-ħajja tagħhom, titlob interessament konsideranti, sa fejn hu possibbli, għandu jiġi pprovdut f’kull nazzjon vikarjat tal-kampijiet militari” (CD 43).

10. F’dawn l-isferi ġodda ta attivitajiet, spiss kumplessi u diffiċli, imma wkoll fit-twettiq ordinarju tal-missjoni pastorali fid-dijoċesijiet individwali afdati lilhom, l-Isqfijiet għandhom bżonn ta’ għaqda u kollaborazzjoni bejniethom, fi spirtu ta’ karità fraterna u ta’ solidarjetà apostolika, bħala membri tal-kulleġġ episkopali fl-attwazzjoni konkreta tad-dmirijiet tagħhom kbar u żgħar ta’ kuljum. Dan huwa wkoll pronunzjament tal-Konċilju: “B’mod speċjali fi żminijietna, l-Isqfijiet spiss isibu diffikulta biex jiżvolġu b’mod adegwat u bi frott il-ministeru tagħhom, mingħajr koperazzjoni dejjem iktar stretta u maqbula mal-Isqfijiet l-oħra” (CD 37).

Bħal ma wieħed jistà jara, l-għaqda u l-kollaborazzjoni huma indikati dejjem bħala l-ġebla tax-xewka tax-xogħol pastorali. Dan huwa prinċipju ekkleżjoloġiku, li għalih għandna nkunu dejjem iktar fidili, jekk irridu l-“bini tal-ġisem ta’ Kristu”, bħal ma riedu San Pawl (cf. Ef 4, 12; Kol 2, 19; 1 Kor 12, 12 ss; Rm 12, 4-5) u miegħu kull Ragħaj awtentiku ieħor tal-Knisja tul il-korsa tas-sekli.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb