42. L-Isqfijiet huma Ħabbara tal-Vanġelu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 04/11/1992.

1. Deskritta mill-Konċilju Vatikan II il-missjoni tal-Isqfijiet, kemm bħala kulleġġ kif ukoll bħala rgħajja personalment allokati għad-diversi dijoċeżi, irridu nqisu issa l-komponenti essenzjali ta’ din il-missjoni, bħal ma huma esposti mill-istess Konċilju.

L-ewwel waħda hija dik tal-predikazzjoni awtorevoli u responsabbli tal-kelma ta’ Alla. Il-Konċilju jgħid: “Fost id-dmirijiet ewlenin tal-Isqfijiet jispikka dak tal-predikazzjoni tal-Vanġelu” (LG 25). Din hija l-ewwel funzjoni tal-Isqfijiet, li hija afdata lilhom, bħall-Appostli, l-missjoni pastorali tax-xandir tal-kelma ta’ Alla. Il-Knisja illum iktar minn qatt qabel għandha l-koxjenza ħajja tal-bżonn tax-xandir tal-bxara t-tajba, kemm għas-salvazzjoni tal-erwieħ, kif ukoll għat-tixrid u l-istabiliment tal-propju organiżmu komunitarju u soċjali. Hija tiftakar il-kliem ta’ San Pawl: “Kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salvat. Issa, kif nistgħu nsejħulu mingħajr ma l-ewwel inkunu emminna fih? U kif nistgħu nemmnu fih qabel ma nkunu smajna min ikellimna dwaru? U kif nistgħu nisimgħu min ikellimna dwaru jekk ma jkun hemm ħadd li jħabbarulna? U kif iħabbruhulna jekk ma nkunux l-ewwel mistiedna? Bħal ma hemm miktub: «Kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ dawk li jġorru bxara ferrieħa ta’ ġid!!»” (Rm 10, 13-15).

2. Għalhekk il-Konċilju jgħid li “l-Isqfijiet huma l-ħabbara tal-fidi”, u li, bħala tali, ikabbru u jiffruttifikaw il-fidi tal-poplu ta’ Alla (cf. LG 25). Il-Konċilju jġħaddi f’elenku d-dmirijiet tal-Isqfijiet fir-rigward ta’ din il-funzjoni ewlenija tagħhom ta’ “ħabbara”: jaħsbu għall-istruzzjoni reliġjuża taż-żgħażagħ u tal-adulti; jippridkaw l-verità rivelata, il-misteru ta’ Kristu, fit-totalità u l-integrità tiegħu; ifakkru id-duttrina tal-Knisja, b’mod speċjali dwar il-punti l-iktar esposti għad-dubji jew għall-kritika. Infatti naqraw fid-digriet Christus Dominus: “Fl-eżerċizzju tal-ministeru tagħhom tat-tagħlim, iħabbru lill-bnedmin il-Vanġelu ta’ Kristu, li huwa wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-Isqfijiet; u dan jagħmluh fil-qawwa tal-Ispirtu billi jistiednu lill-bnedmin għall-fidi jew billi jwettquhom fiha. Jipproponulhom il-misteru kollu ta’ Kristu, jew aħjar dawk il-veritajiet li ma jistgħux jinjoraw mingħajr ma jinjoraw lil Kristu stess; u jesponu, flimkien, lill-erwieħ it-triq lill-erwieħ ta’ Alla rivelata, li twassal lill-bnedmin għall-glorifikazzjoni tal-Mulej u, b’dan stess, għall-feliċità eterna tagħhom” (CD 12). Fl-istess ħin, iżda, il-Konċilju jħeġġeġ lill-Isqfijiet biex jippreżentaw din id-duttrina b’mod addattat għall-bżonnijiet taż-żminijiet: “Id-duttrina nisranija huma għandhom jesponuha b’mod appropjat għall-bżnnijiet taż-żmien li fih qegħdin ngħixu: b’mod, jiġifieri, li jwieġeb għad-diffikultajiet u l-problemi li bihom ikunu ppersegwitati u mdejqin il-bnedmin tallum. Din id-duttrina barra minn hekk mhux biss għandhom jiddefenduha huma stess, imma għandhom jistimulaw ukoll lill-fidili biex jiddefenduha u jferrxuha” (CD 13).

3. Jerġa jidħol fil-qasam tal-predikazzjoni, fid-dawl tal-misteru ta’ Kristu, il-bżonn tat-tagħlim dwar il-veru valur tal-bniedem, tal-persuna umana u wkoll tal-“ħwejjeġ terreni”. Infatti l-Konċilju jirrakkomanda biex: l-Isqfijiet “juru . . . li l-istess ħwejjeġ terreni u l-istituzzjonijiet umani, fil-pjanijiet ta’ Alla, huma rregolati għall-fidwa tal-bnedmin, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu mhux ftit għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu. Jgħallmu għalhekk liema huwa, skont id-duttrina tal-Knisja, il-valur tal-persuna umana, dwar il-libertà tagħha u dwar l-istess ħajja fiżika: il-valur tal-familja, tal-unità u l-instabilità tagħha, u dwar il-prokrejazzjoni u l-edukazzjoni tal-ulied; il-valur tal-konsorzju ċivili, bil-liġijiet tiegħu u bid-diversi professjonijiet eżistenti fih; il-valur tax-xogħol u tal-mistrieħ, tal-arti u tat-teknika; il-valur tal-faqar u tal-abbundanza tal-ġid materjali. Fl-aħħarnett jesponu kif għandhom jiġu solvuti l-problemi gravissmi imqanqla mill-pussess tal-ġid materjali, dwar l-iżvilupp tiegħu u tad-distribuzzjoni ġusta tiegħu, dwar il-paċi u dwar il-gwerra, u dwar il-konvivenza fraterna tal-popli kollha” (CD 12). Din hija d-dimensjoni storika-soċjali tal-predikazzjoni, u tal-istess Vanġelu ta’ Kristu mgħoddi lilna mill-Appostli bil-predikazzjoni tagħhom. Mhemmx biex wieħed jistagħġeb li l-interess tal-istoriċità u tas-soċjalità tal-bniedem hija llum abbundanti fil-predikazzjoni, ukoll jekk din għandha tiżvolġi ruħha fil-livell reliġjuż u morali li jixirqilha. L-urġenza għall-kondizzjoni umana, illum nervuża u spiss sofferenti fil-livell ekonomiku, soċjali u politiku, tittraduċi ruħha fl-isforz kostanti biex twassal lill-bnedmin u lill-popli l-għajnuna tad-dawl u tal-karità evanġelika.

4. Għat-tagħlim tal-Isqfijiet il-fidili għandhom iwieġbu billi jingħaqdu fi spirtu ta’ fidi. “L-Isqfijiet – jgħid il-Konċilju – meta jgħallmu f’komunjoni mal-Pontefiċi Ruman, għandhom ikunu mismugħa minn kulħadd b’qima bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; u l-fidili għandhom jaċċettaw il-ġudizzju tal-Isqof tagħhom mogħti f’isem Kristu fi ħwejjeġ ta’ fidi u morali, u jaqblu miegħu b’rispett reliġjuż” (LG 25). Bħal ma wieħed jistà jara, il-Konċilju jippreċiża li kondizzjoni essenzjali tal-valur u tal-obbligatorjetà tat-tagħlim tal-Isqfijiet hija li huma u jitkellmu f’komunjoni mal-Pontefiċi Ruman. Bla ebda dubju kull Isqof għandu l-personalità propja tiegħu u jipproponi d-duttrina tal-Mulej billi jinqeda bil-ħila li għandu: imma propju minħabba li jippritka d-duttrina tal-Mulej afdata lill-Knisja, huwa għandu dejjem iżomm ruħu f’għaqda tal-ħsieb u tal-qalb mal-kap viżibbli tal-Knisja..

5. Meta duttrina ta’ fidi jew morali tkun mgħallma b’mod universali bħala definittiva mill-Isqfijiet fil-Knisja, il-maġisteru tagħhom igawdi minn awtorità infallibbli. Din hija stqarrija oħra tal-Konċilju: “Għalkemm l-Isqfijiet individwali ma jgawdux mill-prerogattiva tal-infallibiltà, meta, bdanakollu, ukoll imferrxin mad-dinja, imma jżommu r-rabta tal-komunjoni bejniethom u mas-suċċessur ta’ Pietru, fit-tagħlim tagħhom awtentiku dwar materji tal-fidi u tal-morali, jaqblu fuq sentenza li titqies bħala definittiva, jesprimu b’mod infallibli d-duttrina ta’ Kristu. Dan jidher iktar ovvju meta, miġburin f’Konċilu ekumeniku, ikunu għall-Knisja kollha dutturi u mħallfin tal-fidi u tal-morali, u għad-definizzjonijiet tagħhom wieħed għandu jkun fidil bir-rispett tal-fidi” (LG 25).

6. Il-Pontefiċi Ruman, bħala kap tal-kulleġġ tal-Isqfijiet, igawdi personalment minn din l-infallibiltà: dwar dan nitkellmu f’katekeżi oħra. Għal issa nkomplu l-qari tat-test tal-Konċilju li jirrigwarda l-Isqfijiet: “L-infallibiltà mwegħda lill-Knisja tinsab . . . fil-korp episkopali meta jeżerċita l-maġisteru suprem mas-suċċessur ta’ Pietru. U għal dawn id-definizzjonijiet ma tistà qatt tonqos l-approvazzjoni tal-Knisja, għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu li jikkonserva u jġiegħel tipprogressa fl-għaqda tal-fidi l-merħla kollha ta’ Kristu” (LG 25). L-Ispirtu Santu, li jagħti l-garanzija tal-verità għat-tagħlim infallibli tal-korp episkopali, jipprovdi wkoll bil-grazzja tiegħu l-approvazzjoni tal-fidi tal-Knisja. Il-komunjoni fil-fidi hija opra tal-Ispirtu Santu, ir-ruħ tal-Knisja.

7. Ikompli jgħid il-Konċilju: “Din l-infallibiltà, li biha d-divin Redentur irid li tkun ipprovduta l-Knisja tiegħu fid-definizzjoni tad-duttrina u tal-morali, tkun estiża daqs id-depożitu tar-rivelazzjoni divina. . . . Meta mbagħad kemm il-Pontefiċi Ruman kif ukoll il-korp tal-Isqfijiet, miegħu, jiddefenixxu sentenza, jippublikawha skont l-istess rivelazzjoni, li għaliha ilkoll għandhom jissottomettu u jaqblu magħha, u li tkun trażmessa b’mod integrali bil-miktub jew bi tradizzjoni tas-suċċessjoni leġittima tal-Isqfijiet u b’mod speċjali tal-istess Pontefiċi Ruman, u tiġi fil-Knisja kkonservata b’mod għajjur u esposta b’mod fidil taħt id-dawl tal-Ispirtu tal-verità” (LG 25).

8. U fl-aħħarnett il-Konċilju jwissi: “Id-depożitu tar-rivelazzjoni divina għandu jkun mgħasses b’mod għajjur u espost b’mod fidil” (LG 25).

Hemm mela responsabiltà tal-korp kollu tal-Isqfijiet magħqudin mas-Sommu Pontefiċi Ruman dwar din l-għassa kostanti u fidila tal-patrimonju tal-verità afdata minn Kristu lill-Knisja. “Depositum custodi”, kien jirrakkomanda San Pawl lid-dixxiplu Timotju (1 Tm 6, 20), li lilu kien afda l-kura pastorali tal-Knisja ta’ Efesu (cf. 1 Tm 1, 3).  Aħna lkoll, Isqfijiet tal-Knisja Kattolika għandna nħossu din ir-responsabiltà. Aħna lkoll nafu li, jekk inkunu fidili fl-għassa tad-“depożitu”, ikollna dejjem il-possibiltà li nżommu ntegra l-fidi tal-poplu ta’ Alla u li nassiguraw id-disseminazzjoni tal-kontenut tirgħu fid-dinja tallum u fil-ġenerazzjonijiet futuri.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb