44. L-Isqfijiet imexxu l-Knejjes Lokali Tagħhom

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 18/11/1992.

1. Barra mis-servizz profetiku u ma’ dak sagramentali tal-Isqfijiet, li għalih iddedikajna l-katekeżi preċedenti, hemm servizz pastorali.

Dwar dan fil-Konċilju Vatikan II naqraw: “L-Isqfijiet iżommu l-Knejjes partikolari afdati lilhom, bħala vikarji u legati ta’ kristu, bil-parir, il-persważjoni, l-eżempju, imma wkoll bl-awtorità u l-potestà sagra, li biha ma jinqdewx jekk mhux biex jelevaw lill-merħla tagħhom fil-verità u fil-qdusija, waqt li jiftakru li min hu l-ikbar għandu jagħmel bħall-iżgħar, u min hu l-kap, bħal min jaqdi (cf.Lqc 22, 26-27)” (LG 27). Dan hu tagħlim meraviljuż, li jiżvolġi ruħu fuq il-pern ta’ dan il-prinċipju fundamentali: fil-Knisja l-awtorità għandha bħala skop il-kostruzzjoni. Hekk kien fehmha San Pawl, li waqt li kiteb ill-Korintin kien tkellem dwar “l-awtorità tagħna, li l-Mulej tana għall-kostruzzjoni tagħkom u mhux għar-rovina tagħkom” (2 Kor 10, 8). U dejjem lill-membri ta’ din il-Knisja tiegħu tassew għażiża, kien juri t-tama li ma jkollux jaġixxi b’mod sever “bil-poter li l-Mulej tani biex nibni u mhux biex neqred” (2 Kor 13, 10). Dan l-iskop ta’ bini jitlob min-naħa tal-Isqof sabar u ħniena. Dan huwa “l-bini tal-merħla propja fil-verità u fil-qdusija”, bħal ma jgħid il-Konċilju: verità tad-duttrina evanġelika u qdusija bħal ma kienet migħuxa, mixtieqa u proposta minn Kristu.

2. Wieħed hemm bżonn li jinsisti fuq il-kunċett ta’ “servizz”, li jgħodd għal kull “ministeru” ekkleżjastiku, ibda minn dak tal-Isqfijiet. Iva, l-episkopat huwa iktar servizz milli unur. U wkoll jekk huwa unur, dan ikun meta l-Isqof, suċċessur tal-Appostli, jaqdi fi spirtu ta’ umiltà evanġelika. Fuq l-eżempju ta’ Bin il-bniedem li jwissi lit-Tnax: “min huwa l-ikbar fostkom isir l-iżgħar u min imexxi, bħal dak li jaqdi” (Lq 22, 26). “Min irid ikun l-ewwel fostkom ikun il-qaddej ta’ kulħadd. Bin il-bniendem infatti ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mk 10, 44-45; cf. Mt 20, 27-28).

3. Fid-digriet Christus Dominus il-Konċilju jżid: “Fl-eżerċizzju tal-uffiċċju tagħhom ta’ missirijiet u rgħajja, l-Isqfijiet f’nofs il-fidili tagħhom iġibu ruħhom bħal dawk li jipprovdu servizz; bħal rgħajja tajbin li jagħrfu n-nagħaġ tagħhom u jkunu minnhom magħrufa; bħal missirijiet tassew li jeċċellaw għall-ispirtu ta’ karità u ta’ żelu lejn kulħadd: sabiex bil-qalb kollha  jissottomettu ruħhom għall-awtorità tagħhom riċevuta mingħand Alla. Jiġbru madwarhom l-familja kollha tal-merħla tagħhom, u jagħtuha tali formazzjoni li lkoll, konxji dwar id-dmirijiet tagħhom, jgħixu u jaħdmu f’komunjoni ta’ karità” (CD 16).

4. F’dan id-dawl tas-servizz “bħala rgħajja tajbin”, għandha tiftiehem l-awtorità, li l-Isqof jippossiedi, ukoll jekk huwa dejjem sottopost għal dik tas-Sommu Pontefiċi (il-Papa). Naqraw fil-kostituzzjoni Lumen gentium li “din il-potestà, li (l-Isqfijiet) jeżerċitaw b’mod personali f’isem Kristu, hija propja, ordinarja u immedjata,  għalkemm is-servizz tiegħu fl-aħħar minn l-aħħar huwa bażikament sottopost għall-awtorità suprema tal-Knisja u tal-fidili, tistà tkun limitata. Bis-saħħa ta’ din il-potestà, l-Isqfijiet għandhom id-dritt sagru u quddiem il-Mulej id-dmir li jagħtu liġijiet lis-sudditi tagħhom, li jiġgudikaw u jirregolaw dak kollu li jappartieni lill-kult u lill-apostolat  ” (LG 27). Din hija bla dubju awtorità vera, li għandha tkun imdawra b’rispett, li għaliha għandhom ikunu ħelwin u ubbidjenti kemm il-kleru kif ukoll il-fidili fil-qasam tat-tmexxija ekkleżjali. Imma wara kollox dejjem awtorità f’funzjoni pastorali.

5. Dwar din il-kura pastorali tal-merħla tagħhom, li tinħtieġ responsabiltà personali konkomitanti għall-iżvilupp tal-ħajja nisranija tal-poplu afdat lilhom, il-Konċilju jgħid li lill-Isqfijiet huwa afdat totalment l-uffiċċju pastorali, jew aħjar il-kura regolari u ta’ kuljum tal-merħla tagħhom, għandhom jitqiesu bħala vikarji tal-Pontefiċi Rumani, għaliex huma mlibbsa b’awtorità propja u bis-sewwa kollha huma meqjusa kapijiet tal-popli li jmexxu” (LG 27). Kif wieħed jistà jara, il-Konċilju ma jaħsibhiex darbtejn biex jistqarr li għal kull Isqof tappartieni awtorità vera fuq il-propja dijoċesi, jew Knisja lokali. Imma dan jenfasizza b’qawwa wkoll il-punt l-ieħor fundamentali għall-għaqda u l-kattoliċità tal-Knisja; jiġifieri l-komunjoni “cum Petro” ta’ kull Isqof individwali u tal-“corpus Episcoporum” kollu, li hija wkoll komunjoni “sub Petro”, minħabba l-prinċipju ekkleżjoloġiku (li kultant għandna tendenza li ninjoraw), skont liema l-ministeru tas-suċċessur ta’ Pietru jappartieni għall-essenza ta’ kull Knisja partikolari bħala “minn ġewwa”, jew aħjar bħala esiġenza tal-istess kostituzzjoni tal-Knisja, u mhux bħal xi ħaġa imponuta minn barra, probabilment għal raġunijiet storiċi, soċjoloġiċi, prattiċi. Din mhix kustjoni ta’ adattament għall-kondizzjonijiet taż-żminijiet, imma ta’ fedeltà għar-rieda ta’ Kristu dwar il-Knisja tiegħu. Il-fondazzjoni tal-Knisja fuq Pietru-Blata, l-allokazzjoni lil Pietru ta’ primat, li jittawwal fis-suċċessuri tiegħu bħala Isqfijiet ta’ Ruma, jinvolvi l-kollegament mal-Knisja universali u maċ-ċentru tagħha fil-Knisja Rumana, bħala element kostituttiv tal-Knisja partikolari u kondizzjoni tal-eżistenza ta’ Knisja tagħha stess. Dan huwa l-muftieħ fundamentali ta’ tejoloġija tajba tal-Knisja lokali.

6. Mill-banda l-oħra l-potestà tal-Isqfijiet mhijiex mhedda minn dik tal-Papa Ruman. Bħal ma jgħid il-Konċilju, “il-potestà tagħhom mhix imħassra mill-potestà suprema u universali, imma anzi hija minnha ddikjarata, korroborata u rivendikata,     ladarba l-Ispirtu Santu jżomm bla ebda bdil il-forma ta’ tmexxija stabbilità minn Kristu l-Mulej fil-Knisja tiegħu” (LG 27). Min hawn joħroġ li r-rapporti bejn l-Isqfijiet u l-Papa ma jistgħux ikunu għajr rapporti ta’ koperazzjoni u ta’ għajnuna reċiproka, fi klima ta’ ħbiberija u ta’ fuduċja fraterna, bħal ma wieħed jistà jiskopri – u anzi jisperimenta – fir-realtà ekkleżjali tallum.

7. Għall-awtorità tal-Isqof tikkorrispondi r-responsabiltà ta’ Ragħaj, li għaliha huwa jħossu mpenjat, fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb, biex jagħti ħajtu kuljum, għall-ġid tal-merħla. Assoċjat mas-salib ta’ Kristu, huwa msejjaħ biex joffri bosta sagrifiċċji personali għall-Knisja. F’dawn is-sagrifiċċji jimplimenta ruħu dak l-impenn ta’ karità perfetta, li għaliha huwa msejjaħ mill-istess status li fih qegħditu l-konsagrazzjoni episkopali. F’dan tikkonsisti l-ispiritwalità episkopali speċifika, bħala imitazzjoni suprema ta’ Kristu Ragħaj it-Tajjeb, u partiċipazzjoni massima mal-karità tiegħu. L-Isqof huwa mela msejjaħ biex jimita lil Kristu Ragħaj, billi jħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-karità fir-rigward ta’ kulħadd. Il-Konċilju jirrakkomanda b’mod partikolari d-dispożizzjoni għas-smigħ: “M’għandux jaħrab milli jismà lis-sudditi li jikkura bħala wliedu tassew u jħeġġeġ biex jikkoperaw b’mod attiv miegħu” (LG 27). Hemm bżonn li jispikkaw fl-Isqof l-kwalitajiet kollha mitluba għall-komunikazzjoni u l-komunjoni ma’ wliedu u ħutu: il-fehim u l-ħniena għall-miżerji spiritwali u korporali, ir-rieda li jgħin u jassisti, li jistimula u jiżviluppa l-koperazzjoni; u fuq kollox l-imħabba universali, bla eċċezzjonijiet, bla restrizzjonijiet jew riservi.

8. Dan kollu, skont il-Konċilju, għandu jattwa ruħu b’mod speċjali fl-atteġġjament tal-Isqof lejn ħutu fis-saċerdozju ministerjali: “Jittrattaw dejjem b’karità partikolari lis-saċerdoti, bħala dawk li, fl-isfera tal-poteri tagħhom, jassumu l-ministeri tagħhom u l-preokkupazzjonijiet tagħhom, u jattwawhom fil-ħajja ta’ kuljum b’tant premura. Iqisuhom bħala wlied u ħbieb, u għalhekk ikunu disposti li jisimgħuhom u li jittrattawhom b’fiduċja u bi tjieba, bl-iskop li jżidu l-attività pastorali fid-dijoċesi kollha” (CD 16). Imma l-Konċilju jfakkar ukoll id-dmirijiet tar-rgħajja fir-rigward tal-lajċi: “Fl-eżerċizzju ta’ din l-attività pastorali, jirrispettaw id-dmirijiet li għandhom lejn id-dijoċesani tagħhom fil-ħwejjeġ tal-Knisja, waqt li jirrikonoxxulhom ukoll id-dmir li jikkollaboraw b’mod attiv għall-bini tal-Ġisem    mistiku ta’ Kristu” (CD 16). U jżid nota dwar d-dimensjoni universali ta’ din l-imħabba li għandha tanima l-ministerium episkopali: “Iħobbu l-aħwa mifruda u jirrakkomandaw ukoll lill-fidili tagħhom biex jittrattawhom b’korteżija u karità kbira, waqt li hekk jiffavorixxu l-ekumeniżmu, intiż fis-sens mgħallem mill-Knisja. Jifirxu ż-żelu tagħhom ukoll lejn dawk mhux mgħammdin, sabiex ukoll lilhom turi ruħha l-karità ta’ Kristu, li tiegħu l-Isqfijiet huma xhieda quddiem kulħadd” (CD 16).

9. Mit-testi tal-Konċilju wieħed jinnota mela xbiha tal-Isqof li tispikka fil-Knisja għall-kobor tal-ministeru tiegħu u għan-nobiltà tal-ispirtu tiegħu ta ragħaj tajjeb. Din il-kondizzjoni tiegħu timpenjah għal-dmirijiet esiġenti u diffiċli u għal sentimenti għoljin ta’ mħabba għal Kristu u għal ħutu. Din hija missjoni u ħajja diffiċli, għalhekk ukoll għal dan għandu jkun hemm għall-Isqof, min-naħa tad-dijoċesani kollha, mħabba, ħlewwa, kollaborazzjoni għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla. Għal dan il-għan il-Konċilju jikkonkludi sewwa: “Il-fidili . . . għandhom jingħaqdu mal-Isqof bħal ma l-Knisja ma’ Ġesù Kristu u bħal ma Ġesù Kristu mal-Missier, sabiex l-ħwejjeġ kollha jaqblu fl-għaqda, u jikbru għall-glorja ta’ Alla  (cf. 2 Kor 4, 15)” (LG 27).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: