Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 02/12/1992.
1. Waqt l-aħħar Ċena Ġesù qal kelma lil Pietru li timmerita attenzjoni partikolari.
Bla ebda dubju din tirreferi għas-sitwazzjoni drammatika ta’ dawk is-sigħat, imma għandha valur fundamentali għall-Knisja ta’ dejjem, minħabba li tappartieni għall-patrimonju tal-aħħar rakkomandazzjonijiet u għall-aħħar tagħlim mogħti minn Ġesù lid-dixxipli tiegħu f’ħajtu fuq din l-art. Fit-tħabbir bil-quddiem tat-tliet ċaħdiet li għalihom kellu jasal Pietru minħabba l-biżà waqt il-Passjoni, Ġesù iħabbarlu wkoll l-għelib tal-kriżi ta’ dak il-lejl: “Xmun, Xmun, hekk hu li Satana fittxek biex jgħaffġek bħall-qamħ; imma jien tlabt għalik sabiex ma tonqsokx il-fidi; u int, la darba tirriforma ruħek, wettaq lil ħutek” (Lq 22, 31-32). F’dan il-kliem hemm il-garanzija mogħtija lil Xmun ta’ talba speċjali ta’ Ġesù għall-perseveranza tal-fidi tiegħu; imma hemm ukoll l-aħbar tal-missjoni afdata lilu li jwettaq fil-fidi lil ħutu. L-awtentiċità tal-kliem ta’ Ġesù tidher mhux biss mill-kura ta’ Luqa biex jiġbor l-informazzjonijiet sikuri u li jesponihom f’narrazzjoni wkoll kritikament valida, bħal ma jirriżulta mill-prologu tal-Vanġelu tiegħu, imma wkoll minn dak l-ispeċi ta’ paradoss li dan jinvolvi: Ġesù jilmenta d-dgħufija ta’ Xmun Pietru u fl-istess ħin jafdalu l-missjoni li jwettaq lill-oħrajn. Il-paradoss juri l-kobor tal-grazzja, li topera fil-bnedmin – u f’dan il-każ f’Pietru – ferm ‘il hemm mill-possibiltajiet offruti mill-kapaċitajiet u l-virtujiet tagħhom, u mill-merti tagħhom; juri wkoll l-għarfien u s-sodizza ta’ Ġesù fl-għażla ta’ Pietru. L-evanġelista Luqa, jilħaqlu u attent għas-sens tal-kliem u tal-affarijiet, ma jaħsibhiex darbtejn biex jirreferi dak il-paradoss messjaniku.
2. Il-Kuntest li fih jinsab dak il-kliem indirizzat minn Ġesù lil Pietru, fl-Aħħar Ċena, huwa wkoll sinifikattiv ħafna. Hu għadu kemm qal lill-Appostli: “Intom dawk li pperseveraw miegħi fil-provi tiegħi; u jien inħejji għalikom Saltna, bħal ma Missieri ħejja għaliha” (Lq 22, 28-29). Il-verb Grieg diatithemai (= ħejja, iddispona) għandu sens qawwi, bħal ta’ jiddisponi b’mod effettiv, u jgħid ir-realtà tas-Saltna messjanika stabbilita mill-Missier ċelesti u pparteċipata lill-Appostli. Il-kliem ta’ Ġesù jirreferi bla ebda dubju għad-dimensjoni eskatoloġika tas-Saltna, meta l-Appostli se jkunu msejħa biex “jiġġudikaw it-tnax-il tribù ta’ Iżrael” (Lq22, 30). Dan iżda għandu valur ukoll għall-fażi attwali, għaż-żmien tal-Knisja fuq l-art. U dan huwa ż-żmien tal-prova. Lil Xmun Pietru Ġesù jassikurah għalhekk it-talba, sabiex f’din il-prova ma jirbaħx il-prinċep ta’ din id-dinja: “Satana fittex li jgħaffġek bħall-qamħ” (Lc 22, 31). It-talba ta’ Kristu hija ndispensabbli b’mod partikolari għal Pietru, minħabba l-prova li hemm tistennieh, u minħabba d-dmir li Ġesù jafdalu. Għal dan id-dmir jirreferu l-kliem: “wettaq lil ħutek” (Lq 22, 32).
3. Il-prospettiva li fiha jiġi meqjus dmir Pietru – bħall-missjoni kollha tal-Knisja – hija mela storika u fl-istess ħin eskatoloġika. Dan huwa dmir fil-Knisja u għall-Knisja fl-istorja, fejn hemm provi x’jingħelbu, bdil li jigi ffaċċjat, sitwazzjonijiet kulturali, soċjali, reliġjużi li fihom trid taħdem: imma kollox fid-dawl tas-Saltna tas-smewwiet, diġa mħejjija u disposta mill-Missier bħala terminu finali tal-mixja kollha storika u tal-esperjenzi kollha personali u soċjali. Is-“Saltna” tmur ‘il hemm mill-Knisja fil-pellegrinaġġ tagħha terren, tmur ‘il hemm mid-dmirijiet u l-poteri. Tmur ‘il hemm minn Pietru u l-Kulleġġ apostoliku, u għalhekk ‘il hemm mis-suċċessuri tagħhom fl-episkopat. U bdanakollu hija diġa fil-Knisja, diġa topera u tiżviluppa lilha nfisha fil-fażi storika u fis-sitwazzjoni terrena tal-eżistenza tagħha, mela bażikament diġa fiha hemm ferm iktar minn sitwazzjoni u struttura soċjetarja. Hemm il-preżenza tal-Ispirtu Santu, essenza tal-Liġi l-Ġdida skont Santu Wistin (cf. De spiritu et littera, 21) u San Tumas D’Aquino (cf. Summa theologiae, I-II, q. 106, a. 1). Imma din il-preżenza ma teskludix, anzi tesiġi, f’livell ministerjali, il-viżibbli, l-istituzzjonali, il-ġerarkiku. It-Testment il-Ġdid kollu, mgħasses u ppritkat mill-Knisja, huwa fid-dawl tal-grazzja, tas-saltna tas-smewwiet. F’din il-prospettiva jsib postu l-ministeru Petrin. Ġesù jħabbar dan id-dmir ta’ servizz lil Xmun Pietru wara l-professjoni ta’ fidi magħmula minnu bħala kelliemi tat-Tnax: fidi fi Kristu, Bin Alla l-ħaj (cf. Mt 16, 16), u fil-kliem li jħabbar l-Ewkaristija (cf. Ġw 6, 68). Fit-triq ta’ Ċesarea ta’ Filippu Ġesù approva b’mod pubbliku l-professjoni ta’ fidi ta’ Xmun, isejjaħlu blata fundamentali tal-Knisja u jwegħdu li jtih l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet, bil-poter li jorbot u jħoll. F’dak il-kuntest wieħed jifhem l-aspett tal-missjoni u tal-poter, li jikkonċerna l-fidi, dan jitqiegħed fid-dawl b’mod partikolari mill-evanġelista, ukoll jekk hemm mifhuma aspetti oħra li se naraw fil-katekeżi li jmiss.
4. Huwa nteressanti li dak li jkun jinnota li l-evanġelista, minkejja li jitkellem dwar il-fraġilità umana ta’ Pietru, li ma qagħadx attent mid-diffikultajiet u huwa ttentat bħall-Appostli l-oħra, bdanakollu jenfasizza li huwa jibbenefika ruħu minn talba speċjali għall-perseveranza tiegħu fil-fidi: “Tlabt għalik”. Pietru ma ġiex meħlus miċ-ċaħda, imma, wara li kien ġarrab l-esperjenza tad-dgħufija propja, huwa ġie kkonfermat fil-fidi, bis-saħħa tat-talba ta’ Ġesù, bil-għan li jkun jistà jwettaq il-missjoni li jqawwi lil ħutu. Din il-missjoni ma tistax tiġi spjegata skont konsiderazzjonijiet purament umani. L-Appostlu Pietru li jiddistingwi ruħu bħala l-uniku wieħed li jiċħad – tliet darbiet! – lill-Imgħallem tiegħu, huwa dejjem il-magħżul ta’ Ġesù, l-inkarigat biex isaħħaħ lil sħabu. Il-pretensjonijiet umani ta’ fedeltà ddikkjarati minn Pietru jiġu delużi, imma l-grazzja tittrijonfa. L-esperjenza tal-waqgħa sservi lil Pietru biex jitgħallem li ma jistax jibbaża l-fiduċja tiegħu fuq ħilietu u fuq kwalunkwè fattur uman ieħor, imma unikament fi Kristu. Isservi wkoll lilna biex iġġegħelna naraw fid-dawl tal-grazzja l-elezzjoni, il-missjoni u l-istess poter ta’ Pietru. Dak li Ġesù jwiegħdu u jafdalu jiġi mis-Sema, u jappartieni – irid jappartieni – għas-Saltna tas-smewwiet.
5. Is-servizz ta’ Pietru għas-Saltna, skont l-Evanġelista, jikkonsisti prinċipalment f’li jwettaq lil ħutu, fli jgħinhom biex iżommu l-fidi u jiżvilippawha. Huwa nteressanti li ninnutaw li din hija missjoni li għandha titwettaq fil-Prova. Ġesù kien jaf sewwa d-diffikultajiet tal-fażi storika tal-Knisja, msejħa biex tkompli l-mixja tas-salib minnu mwettqa. Ir-rwol ta’ Pietru, bħala kap tal-Appostli, kellu jkun li jwettaq lil-“ħutu” u l-Knisja kollha fil-fidi. U billi l-fidi ma żżommhiex mingħajr taqtigħa, Pietru kellu jgħin lill-fidili fit-tqatigħa biex jirbħu dak kollu li jneħħi jew inaqqas l-fidi tagħhom. Din hija l-esperjenza tal-ewwel komunitajiet insara, li tirrifletti ruħha fit-test ta’ Luqa, li kien jaf sewwa l-ispjega li dik il-kondizzjoni storika ta’ persekuzzjoni, ta’ tentazzjoni, ta’ taqtigħa ssib fil-kliem ta’ Kristu lill-Appostli u prinċipalment lil Pietru.
6. F’dak il-kliem hemm il-komponenti fundamentali tal-Missjoni petrina(cf. At 1, 15). L-ewwelnett dik li jwettaq lil ħutu, bl-espożizzjoni tal-fidi, l-eżortazzjoni għall-fidi, il-provedimenti kollha meħtieġa għall-iżvilupp tal-fidi. Din l-azzjoni hija ndirizzata lil dawk li Ġesù, waqt li jkellem lil Pietru, isejjaħ “ħutu”: fil-kuntest l-espressjoni tapplika ruħha qabel xejn għall-Appostli l-oħra, imma ma teskludix sens iktar vast, estiż għall-membri kollha tal-komunità nisranija. Din tissuġġerixxi wkoll l-iskop li għalih għandu jimmira Pietru fil-missjoni tiegħu ta’ twettieq u sostenitur tal-fidi: il-komunjoni fraterna bis-saħħa tal-fidi. Iktar: Pietru – u bħalu kull suċċessur u kap tal-Knisja – għandu l-missjoni li jħeġġeġ lill-fidili biex iqegħedu l-fiduċja kollha tagħhom fi Kristu u fil-qawwa tal-grazzja, li Pietru personalment sperimenta. Dan huwa dak li jikteb Innoċenzu III fl-Ittra Apostolicae Sedis Primatus (12 ta’ Novembru 1199) waqt li jikkwota t-test ta’ Luqa 22, 32 waqt li jikkumenta b’dan il-mod: “Il-Mulej jimplika b’mod manifestanti li s-suċċessuri ta’ Pietru m’għandhom jitbegħdu qatt, fl-ebda waqt, mill-fidi kattolika, imma pjuttost isejħu lill-oħrajn u jsaħħu wkoll lil dawk dubjużi” (Denz.-S. 775). Dak il-Papa medjevali ħass imwettqa mill-esperjenza ta’ millenju d-dikjarazzjoni ta’ Ġesù lil Xmun Pietru.
7. Il-missjoni afdata minn Ġesù lil Pietru tirrigwarda l-Knisja fl-estensjoni tas-sdekli u tal-ġenerazzjonijiet umani. Dak il-mandat: “Wettaq lil ħutek”, ifisser: għallem il-fidi fiż-żminijiet kollha, fiċ-ċirkustanzi differenti u fost id-diffikultajiet u l-kontradizzjonijiet multepliċi li l-predikazzjoni tal-fidi se tiltaqà magħhom fl-istorja; u waqt li tgħallem, ħeġġeġ kuraġġ fil-fidili; inti stess sperimentajt li l-qawwa tal-grazzja tiegħi hija ikbar mid-dgħufija umana; ħeġġeġ mela l-messaġġ tal-fidi, ipproklama d-duttrina tajba, għaqqad mill-ġdid lill-“aħwa”, waqt li tqiegħed il-fiduċja tiegħek fit-talb li wegħdtek; bis-saħħa tal-grazzja tiegħi, fittex li tiftaħ għall-ilqugħ tal-fidi lil dawk li ma jemmnux, u li ssabbar lil dawk li jinsabu fid-dubju; din hija l-missjoni tiegħek, din hija r-raġuni tal-mandat li qiegħed nafdalek.
Dak il-kliem tal-evanġelista Luqa (Lq 22, 31-33) huwa sinifikattiv sewwa għal dawk kollha li jiżvolġu fil-Knisja il-“munus Petrinum”, li jsejħilhom kontinwament għal dik ix-xorta ta’ paradoss oriġinali li Kristu stess qiegħed fihom, biċ-ċertezza li fil-ministeru tagħhom, bħal f’dak ta’ Pietru, topera l-grazzja speċjali li ssostni d-dgħufija tal-bniedem u tippermettilu li “jwettaq lil ħutu”: “Jien tlabt, – hija l-kelma ta’ Ġesù lil Pietru, li tirbombja fis-suċċessuri dejjem umli u fqajra tiegħu – tlabt li ma tonqosx il-fidi tiegħek; u int, ladarba msawwar mill-ġdid, wettaq lil ħutek” (Lq 22, 32).
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb