Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 27/01/1993.
1. L-intenzjoni ta’ Ġesù li jagħmel minn Pietru l-“blata” tas-sies tal-Knisja tiegħu (cf. Mt 16, 18) għandha valur li jmur ‘il hemm mill-ħajja terrena tal-Appostlu.
Ġesù, infatti, ikkonċepixxa u ried lill-Knisja tiegħu preżenti fin-nazzjonijiet kollha u operanti fid-dinja sal-aħħar żmien tal-istorja (cf. Mt 24, 14; 28, 19; Mc 16, 15; Lc 24, 47; At 1, 8). Għalhekk, bħal ma ried Hu għall-Appostli l-oħra suċċessuri li jkomplu l-opra tal-evanġelizzazzjoni fid-diversi partijiet tad-dinja, hekk ukoll ippreveda u ried suċċessuri ta’ Pietru, inkarigati mill-istess missjoni pastorali u armati bl-istess poteri, biex jibdew mill-missjoni u mill-poter li jkunu Blata, jew aħjar prinċipju viżibbli ta’ unità fil-fidi, fil-karità, fil-ministeru ta’ evanġeliżżazzjoni, qdusija u gwida afdata lill-Knisja. Huwa dan li jiddefenixxi l-Konċilju Vatikan I: “Dak li Kristu Mulej, prinċep tar-rgħajja u ragħaj il-kbir tan-nagħaġ, għas-salvazzjoni eterna u għall-ġid perenni tal-Knisja istitwixxa fil-Beatu Appostlu Pietru, għandu dejjem jippersisti, għar-rieda tal-istess Kristu, fil-Knisja, li, imsejsa fuq il-blata, tibqà inkrollabli sal-aħħar tas-sekli” (Cost. Pastor aeternus, 2: Denz. 3056). L-istess Konċilju ddefenixxa bħala verità tal-fidi li “huwa bi twaqqif ta’ Kristu Mulej, jew aħjar bi dritt divin, li l-Beatu Pietru jkollu suċċessuri perpetwi fil-primat fuq il-Knisja kollha” (Denz. 3058). Dan huwa element essenzjali tal-istruttura organika u ġerarkika tal-Knisja, li mhuwiex fil-poter tal-bniedem li jbiddel. Sakemm tibqà wieqfa l-Knisja, se jkun hemm, bis-saħħa tar-rieda ta’ Kristu, suċċessuri ta’ Pietru.
2. Il-Konċilju Vatikan II laqà u tenna dan it-tagħlim tal-Vatikan I, waqt li ta emfasi ikbar lir-rabta bejn il-primat tas-suċċessuri ta’ Pietru u l-kolleġġjalità tas-suċċessuri tal-Appostli, mingħajr ma dan idgħajjef id-definizzjoni tal-primat, ġustifikat mit-tradizzjoni nisranija l-iktar antika, li fiha jispikkaw fuq kulħadd San Injazju ta’ Antijokja u Sant’ Irinew ta’ Lione. Waqt li jserraħ fuq tali tradizzjoni, il-Konċilju Vatikan I, iddefenixxa wkoll li “il-Papa Ruman huwa suċċessur tal-Beatu Pietru fl-istess primat” (Denz. 3058, cit.). Din id-definizzjoni torbot il-primat ta’ Pietru u tas-suċċessuri tiegħu mas-sede Rumana, li ma tistà tkun sostitwita minn l-ebda sede oħra, ukoll jekk jistà jissuċċiedi li, minħabba l-kondizzjonijiet taż-żminijiet jew minħabba raġunijiet partikolari tagħhom, l-Isqfijiet ta’ Ruma jistabilixxu b’mod proviżorju l-għamara tagħhom f’postijiet diversi tal-Belt eterna. Bla dubju, il-kondizzjonijiet politiċi ta’ belt jistgħu jinbidlu b’mod wiesà u profond fis-sekli: imma tibqà – bħal ma baqà fil-każ ta’ Ruma – spazju determinat li għalih tkun dejjem rikonduċibbli istituzzjoni bħal dik ta’ sede episkopali; fil-każ ta’ Ruma, is-sede ta’ Pietru. Biex ngħidu s-sew, Ġesù ma speċifikax l-irwol ta’ Ruma fis-suċċessjoni ta’ Pietru. Bla dubju Huwa ried li Pietru jkollu suċċessuri, imma ma tirriżultax fit-Testment il-Ġdid rieda speċifika tiegħu dwar l-għażla ta’ Ruma bħala sede primizjali. Ipprefera jafda dan għall-ġrajjiet storiċi, li fihom juri ruħu l-pjan divin dwar il-Knisja, id-determinazzjoni tal-kondizzjonijiet konkreti tas-suċċessjoni għal Pietru. Il-ġrajja storika deċiżiva hija li s-sajjied ta’ Betsajda ġie Ruma u ġarrab il-martitju f’din il-belt. Dan huwa fatt mimli valur tejoloġiku, għaliex juri l-misteru tal-pjan divin li jiddisponi l-kors tal-ġrajjiet umani fis-servizz tal-oriġni u tal-iżvilupp tal-Knisja.
3. Il-miġja u l-martirju ta’ Pietru f’Ruma jagħmlu parti mit-tradizzjoni l-iktar antika, espressa f’dokumenti storiċi fundamentali u fl-evidenzi arkejoloġiċi dwar id-devozzjoni lejn Pietru fis-sit ta’ qabru, li f’qasir żmien sar post ta’ kult. Fost id-dokumenti miktuba irridu qabel kollox infakkru l-Ittra lill-Korintin tal-Papa Klement (ca 89-97), fejn il-Knisja ta’ Ruma hija meqjusa bħala il-Knisja tal-Beati Pietru u Pawlu, li tagħhom il-Papa jfakkar il-martirju, matul il-persekuzzjoni ta’ Neruni (5, 1-7). F’dan ir-rigward, huwa nteressanti li nenfasizzaw r-riferenza tat-tradizzjoni għaż-żewġ Appostli assoċjati fil-martirju tagħhom għal din il-Knisja. L-Isqof ta’ Ruma huwa s-suċċessur ta’ Pietru; huwa jistà wkoll jgħid li huwa l-werriet ta’ Pawlu, l-ikbar esponent tal-impetu missjunarju tal-Knisja primittiva u tal-għana tal-kariżmi tiegħu. L-Isqfijiet ta’ Ruma ġeneralment tkellmu, għallmu, ferrxu l-verità ta’ Kristu, wettqu r-riti pontifikali, bierku l-fidili, f’isem Pietru u Pawlu, il-“Prinċpijiet tal-Appostli”, “olivae binae pietatis unicae” bħal ma jkanta l-innu tal-festa tagħhom, fid-29 ta’ Ġunju. Is-Santi Padri, il-liturġija u l-ikonografija jippreżentaw spiss din il-kombinazzjoni fil-martirju u fil-glorja. Madankollu, jibqà li l-pontifiċi Rumani eżerċitaw l-awtorità tagħhom f’Ruma u, skont il-kondizzjonijiet u l-possibiltajiet taż-żminijiet, fi spazji iktar wiesgħa u saħansitra universali, bis-saħħa tas-suċċessjoni ta’ Pietru. Kif seħħet din is-suċċessjoni fl-ewwel ċirku ta’ għaqda bejn Pietru u s-serje tal-Isqfijiet ta’ Ruma ma ġie xejn mgħoddi lilna permezz ta’ dokumenti miktuba. Wieħed, iżda, jistà jikkonkludi billi jqis dak li jiddikjara l-Papa Klement fl-ikkwotata Ittra rigward in-nomina tal-ewwel Isqfijiet u tas-suċċessuri tagħhom. Wara li kien fakkar li l-Appostli “waqt li ppridkaw fil-kampanji u fl-ibliet, kienu sabu fl-Ispirtu Santu l-ewwel frott u ħatruhom Isqfijiet u djakni tal-kredenti futuri” (42, 4), San Klement jippreċiża li, sabiex ikunu evitati kontroversji futuri fir-rigward tad-dinjità episkopali, l-Appostli “kienu jaħtru lil dawk li għidna u wara kienu jagħtuhom l-ordni li, wara li dawk ikunu mietu, irġiel oħra pprovati kellhom jissuċċeduhom fil-ministeru tagħhom” (44, 2). Il-modi storiċi u kanonici li permezz tagħhom tiġi trażmessa din l-eredità jistgħu jinbidlu u mbidlu tul is-sekli: imma hija bla qtugħ il-katina ta’ ħoloq li jingħaqdu ma’ dak il-passaġġ ta’ Pietru lill-ewwel suċċessur tiegħu fis-Sede Rumana.
4. Din it-triq, li ta’ min isejħilha ġenetika tal-indaġni storika dwar is-suċcessjoni petrina fil-Knisja ta’ Ruma, tiġi msaħħa minn żewġ konsiderazzjonijiet oħra: waħda negattiva, li, waqt li titlaq mill-bżonn ta’ suċċessjoni għal Pietru minħabba l-istess istituzzjoni ta’ Kristu (u allura iure divino, kif jingħad fil-lingwaġġ tejoloġiku-kanoniku), misjub li mhemm ebda sinjali ta’ suċċessjoni simili fl-ebda Knisja oħra; magħha tiżdied konsiderazzjoni li nistgħu nikkwalifikawha bħala pożittiva: din tikkonsisti fli ninnutaw il-konverġenza tas-sinjali li tul is-sekli kollha jindikaw is-sede ta’ Ruma bħala dik tas-suċċessur ta’ Pietru.
5. Dwar ir-rabta bejn il-primat pontifiċju u s-sede Rumana hija sinifikattiva x-xhieda ta’ Injazju ta’ Antijokja, li teżalta l-eċcellenza tal-Knisja ta’ Ruma. Dan ix-xhud awtorevoli tal-iżvilupp organożattiv u ġerarkiku tal-Knisja, migħux fl-ewwel parti tat-II seklu, fl-Ittra tiegħu lir-Rumani idur lejn il-Knisja “li tippresiedi fil-post tar-reġġjun tar-Rumani, denja ta’ Alla, denja ta’ unur, meritatament beata, denja ta’ suċċess feliċi, denjament kasta, li tippresiedi għall-karità” (Ignazio di Antiochia, Ad Romanos, proemio). Karità (agape) tirreferi, skont il-lingwaġġ ta’ San Injazju, għall-komunità ekkleżjali. Tippresiedi għall-karità tesprimi l-primat f’dik il-komunjoni tal-karità li hija l-Knisja, u tinkludi b’mod meħtieġ is-servizz tal-awtorità, il-ministerium Petrinum. Infatti Injazju jagħraf lill-Knisja ta’ Ruma awtorità ta’ tagħlim: “Int ma tgħir għal ħadd, int ħarriġt lill-oħrajn. Jien imbagħad irrid li jkunu sodi wkoll dawk li huma mħarrġa li, waqt li tgħallmu, tagħtu u tordnaw” (Ivi,3,1). L-oriġni ta’ din il-pożizzjoni privileġġjata tiġi ndikata b’dak il-kliem rigward il-valur tal-awtorità tal-Isqof ta’ Antijokja, għalkemm hekk meqjuma minħabba l-antikità u l-parentela mal-Appostli: “mhux bħal Pietru u Pawlu jien nordnalkom” (Ivi, 4, 3). Anzi, Injazju jafda l-Knisja tas-Sirja lill-Knisja ta’ Ruma: “Ftakru fit-talb tagħkom tal-Knisja tas-Sirja, li minfloki għandha lil Alla bħala ragħaj. Ġesù Kristu biss se jmexxiha bħala Isqof, u l-karità tagħkom” (Ivi,9, 1).
6. Sant’Irinew ta’ Lione, min-naħa tiegħu, billi ried jistabilixxi s-suċċessjoni apostolika tal-Knejjes, jirreferi għall-Knisja ta’ Ruma bħala eżempju u kriterju per eċcellenza ta’ tali suċċessjoni. Huwa jikteb: “Billi jkun twil wisq f’din l-opra li tinnumera s-suċċessjonijiet tal-Knejjes kollha, ejjew nieħdu l-Knisja grandjuża u antikissma mwaqqfa u stabbilita ġo Ruma miż-żewġ appostli glorjużi Pietru u Pawlu. Waqt li nuru t-tradizzjoni riċevuta mill-Appostli u l-fidi mħabbra lill-bnedmin li tasal sa għandna permezz tas-suċċessjoni tal-Isqfijiet, nikkonfondu lil dawk kollha li b’xi mod, jew minħabba infatwazzjoni jew imħabba vanaglorja jew minħabba għamad u bi żball ta’ ħsieb, jingħaqdu ‘il hemm minn dak li huwa ġust. Infatti, ma’ din il-Knisja, minħabba l-oriġini l-iktar eċċellenti tagħha, hemm bżonn li neċessarjament taqbel kull Knisja, jiġifieri l-fidili li jiġu minn kull parti – hi, li fiha għall-bnedmin kollha dejjem kienet ikkonservata t-tradizzjoni li ġejja mill-Appostli” (Contra haereses, 3,2). Lill-Knisja ta’ Ruma tiġi magħrufa “oriġni iktar eċcellenti”, li hi dik ta’ Pietru u Pawlu, l-esponenti massimi tal-awtorità u tal-kariżma tal-Appostli: il-Claviger Ecclesiae u d-“Doctor Gentium”. Il-Knejjes l-oħra ma jistgħux ma jgħixux u ma joperawx bi qbil magħha: il-qbil jimplika l-unità tal-fidi, tat-tagħlim u tad-dixxiplina, preċiżament dak li huwa miġbur fit-tradizzjoni apostolika. Is-sede ta’ Ruma hija mela l-kriterju u l-qies tal-awtentiċità apostolika tad-diversi Knejjes, il-garanzija u l-prinċipju tal-komunjoni tagħhom fil-“karità” universali, is-sies (kefas) tal-organiżmu viżibbli tal-Knisja msejsa u mmexxija mill-Kristu Rxoxt bħala “Ragħaj etern” tal-mergħa kollha ta’ dawk li jemmnu.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.