Fl-10 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil Santa Margerita, Reġina tal-Iskozja li mietet fis-sena 1093.
Margerita kienet prinċipessa Ingliża li kienet imrobbija fil-qorti ta’ San Stiefnu, re tal-Ungerija.
Wara li rritornat l-Ingliterra hija baqgħet biss għal żmien qasir fil-qorti tar-re Edwardu l-Konfessur, għaliex meta n-Normanni rebħu l-Ingilterra (1066) hi kellha terġa’ tmur fl-eżilju.
Sabet kenn fil-qorti ta’ Malcolm Canmore, re tal-Iskozja, li aktar tard iżżewwiġha. Din il-mara istruwita u twajba bilfors li ħalliet impressjoni qawwija fuq ir-re, li kien mexxej kapaċi, u fuq il-poplu ta’ dan il-pajjiż imbiegħed li, f’dak iż-żmien, kien għadu xi ftit primittiv.
Għandna miktub dwarha minn wieħed kontemporanju: “Hi qanqlet lir-re għall-opri ta’ ġustizzja, ħniena, karità u virtujiet oħra li fihom kollha, bil-grazzja ta’ Alla, hi wasslitu biex iwettaq ix-xewqat tagħha. Għaliex hu, billi ra li Kristu kien jgħammar fil-qalb tar-reġina, kien dejjem lest biex jimxi fuq il-parir tagħha.”
Margerita kienet mudell ta’ mara miżżewġa u omm eċċellenti. Kellha tmien ulied; tlieta minnhom okkupaw, wieħed wara l-ieħor, it-tron tal-Iskozja.
Kienet tonfoq il-ġid tagħha fuq opri ta’ karità, il-ħin liberu tagħha fit-talb u l-kura tal-morda u tal-iltiema. Il-prudenza u l-viżjoni tagħha bħala mara li tara fil-bogħod, ġiebu l-introduzzjoni ta’ kultura avvanzata barranija u ta’ drawwiet Rumani fis-saltna tagħha, mingħajr iżda ma ġiebu magħhom nuqqas ta’ qbil jew skuntentizza.
Santa Margerita Reġina mietet fl-10 ta’ Ġunju, 1093, erbat ijiem biss wara żewġha. It-tnejn kienu midfunin fil-knisja tal-abbazija ta’ Dunfermline (fil-Majjistral ta’ Edinburgh) li huma kienu waqqfu. Kienet ikkanonizzata fl-1250 u fl-1673 Klement X ddikjaraha patruna tal-Iskozja.