Qari tal-Quddies ta-Erbgħa tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Qaddis il-Mulej, Alla li jista’ kollox, li kien, u li hu, u li ġej!
Apok 4, 1-11

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Wara dan ħarist, u ara rajt bieb miftuħ fis-sema; u l-leħen ta’ qabel, li kont ġa smajtu jkellimni qisu tromba, qalli: “Itla’ hawn, ħa nurik x’għandu jiġri wara dan”. Minnufih ħassejtni merfugħ fl-Ispirtu, u rajt tron imwaqqaf fis-sema, u wieħed bilqiegħda fuq it-tron. U
d-dehra ta’ dak li kien bilqiegħda kienet qisha dehra ta’ ħaġra tal-ġaspru u tal-kornalina, u madwar it-tron qawsalla donnha żmerald. Madwar it-tron, erbgħa u għoxrin siġġu, u fuqhom, bilqiegħda, erbgħa u għoxrin Xiħ, lebsin l-abjad, b’kuruna tad-deheb fuq rashom. Mit-tron rajt ħerġin beraq u ħsejjes u ragħad, u seba’ torċi mixgħula quddiemu, li huma s-seba’ spirti ta’ Alla. Quddiem it-tron rajt ukoll bħal baħar tal-ħġieġ, qisu kristall, u f’nofs it-tron u madwaru erba’ Ħlejjaq Ħajjin, kollhom għajnejn minn quddiem u minn wara.

L-ewwel Ħliqa Ħajja kienet donnha ljun, it-tieni Ħliqa Ħajja qisha għoġol, it-tielet Ħliqa Ħajja b’wiċċ ta’ bniedem, u r-raba’ Ħliqa donnha ajkla ttir. U l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, kull waħda minnhom b’sitt ġwienaħ, rajthom kollhom għajnejn, kemm madwarhom u kemm minn ġewwa, lejl u nhar ma jieqfu qatt itennu: “Qaddis, Qaddis, Qaddis il-Mulej, Alla li jista’ kollox, li kien, u li hu, u li ġej!”

U kull darba li l-Ħlejjaq Ħajjin jagħtu glorja u ġieħ u radd il-ħajr lil dak li qiegħed fuq it-tron, u li hu għal dejjem ta’ dejjem, l-erbgħa u għoxrin Xiħ jinxteħtu quddiem dak li qiegħed fuq it-tron, jagħtu qima lilu li jgħix għal dejjem ta’ dejjem, iqiegħdu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron, u jgħidu: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqa’ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 150, 1-2.3-4.5-6

R/. (Apok 4, 8b): Qaddis, Qaddis, Qaddis il-Mulej, Alla li jista’ kollox

Faħħru ’l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu,
faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!
Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu,
faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf! R/.

Faħħruh bid-daqq tat-tromba,
faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!
Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin,
faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar! R/.

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali,
faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali!
Kulma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 15, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien għażiltkom, jgħid il-Mulej,
biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank?
Lq 19, 11-28

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura. Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: “Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi”. Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu: “Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna”. Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. Resaq l-ewwel wieħed u qallu: “Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet”. Qallu: “Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet”. Ġie t-tieni wieħed u qallu: “Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet”. Lil dan ukoll qallu: “U int ħu taħt idejk ħamest ibliet”.

U ġie ieħor u qallu: “Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx”. Qallu: “Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?”. Imbagħad qal lil ta’ madwaru: “Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet”. Qalulu: “Imma, sinjur, għandu għaxar miniet!”. “Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi”

Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu