Qari tal-Quddies ta’ Kristu Sultan (S)


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin jew l-Aħħar Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien Kollu
Solennità

QARI I
Jien nirgħa l-merħla tiegħi bil-ġustizzja.
Eżek 34, 11-12.15-17

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu fi żmien is-sħab u s-swied tal-ajru.

Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u jiena nserraħhom. Oraklu ta’ Sidi l-Mulej. Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida. Inħares is-smina u l-qawwija, u nirgħahom bil-ġustizzja.

Imma għalik, merħla tiegħi, hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ara, jiena nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa, bejn imtaten u bdabad.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 22 (23), 1-2a.2b-3.5-6

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni. R/.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

QARI II
Jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.
1 Kor 15, 20-26.28

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skond kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh. L-aħħar għadu li jinqered tkun il-Mewt.

U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Dak li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 11, 9.10

Hallelujah. R/. Hallelujah
Mbierek min ġej f’isem il-Mulej!
Mbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna!
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu u jifred il-ġnus minn xulxin.
Mt 25, 31-46

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu