Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-XXXIV ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Huma jgħannu l-kantiku ta’ Mosè u l-kantiku tal-Ħaruf.
Apok 15, 1-4

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, rajt fis-sema sinjal ieħor, kbir u tal-għaġeb: seba’ anġli li kellhom seba’ kastigi, dawk tal-aħħar, li bihom kellha tintemm il-korla ta’ Alla. U rajt bħal baħar tal-ħġieġ imħallat bin-nar, u weqfin fuq il-baħar tal-ħġieġ rajt lil dawk li kienu ħarġu rebbieħa fuq il-Bhima u fuq xbihetha u n-numru ta’ isimha. B’ċetri ta’ Alla f’idejhom, huma jgħannu l-kantiku ta’ Mosè l-qaddej ta’ Alla u l-kantiku tal-Ħaruf, u jgħidu:
“Kbar u tal-għaġeb l-għemejjel tiegħek,
Mulej, Alla li tista’ kollox;
ġusti u veri t-triqat tiegħek,
Sultan tal-ġnus!
Min, Mulej, ma jibżax minnek u ma jsebbaħx lil ismek?
Għax int waħdek qaddis;
il-ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek,
għax il-ġudizzji tiegħek intwerew”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 97 (98), 1.2-3ab.7-8.9

R/. (Apok 15, 3b): Kbar u tal-għaġeb l-għemejjel tiegħek,

Mulej, Alla li tista’ kollox
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.

Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih,
id-dinja u kulma jgħammar fiha.
Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,
u l-muntanji flimkien jgħajtu bil-ferħ. R/.

Quddiem il-Mulej, għax ġej
biex jagħmel ħaqq mill-art;
hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Apok 2, 10ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej,
u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.
Lq 21, 12-19

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. 18Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: