Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-XXXIV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Il-mejtin sar ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom. Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema.
Apok 20, 1-4.11 – 21, 2

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, rajt nieżel mis-sema anġlu, bil-muftieħ tal-bir bla qiegħ u katina kbira f’idu. U huwa qabad id-Dragun, is-Serp tal-qedem, li hu d-Demonju u x-Xitan, u rabtu għal elf sena, u waddbu fil-bir bla qiegħ, li mbagħad għalqu fuqu u ssiġillah biex ma jqarraqx iżjed bil-ġnus sa ma jintemmu l-elf sena. Wara dawn imbagħad ikun meħtieġ li jinħall għal ftit taż-żmien.

U rajt tronijiet, u fuqhom qagħdu bilqiegħda xi wħud li lilhom ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħaqq. Rajt ukoll l-erwieħ ta’ dawk li kienu qatgħulhom rashom minħabba fix-xhieda ta’ Ġesù u l-Kelma ta’ Alla, u lil dawk li ma kinux inxteħtu jagħtu qima lill-Bhima u lix-xbieha tagħha, u li ma ħadux il-marka fuq ġbinhom u fuq idhom. U dawn bdew jgħixu u jsaltnu ma’ Kristu għal elf sena.

Rajt imbagħad tron kbir abjad u ’l dak li hu bilqiegħda fuqu. L-art u s-sema ħarbu minn quddiemu, bla ma nstab post għalihom. U rajt il-mejtin, kbar u żgħar, quddiem it-tron. U nfetħu l-kotba. Infetaħ ukoll ktieb ieħor, dak tal-ħajja. Imbagħad il-mejtin sar ħaqq minnhom fuq l-għemejjel tagħhom, skont ma kienu mniżżla fil-kotba. Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-Mewt u l-Qiegħ tal-art raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-għemejjel tiegħu.

Imbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar – din l-għadira tan-nar hija t-tieni mewt. Hekk ukoll min ma nstabx imniżżel fil-ktieb tal-ħajja, kien mixħut fil-belliegħa tan-nar.

U rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħl għarusa mżejna għall-għarus tagħha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 83 (84), 3.4.5-6a u 8a

R/. (Apok 21, 3b): Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin

Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;
ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. R/.

Sa l-għasfur isib fejn jgħammar,
u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek;
hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,
Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.

Henjin dawk li jgħammru f’darek;
huma jfaħħruk għal dejjem.
Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,
jimxu u aktar jissaħħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.
Lq 21, 29-33

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu