Qari tal-Quddies tal-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija (TO)


Stampa t-test tal-qari …

21 ta’ Novembru
Il-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija
Tifkira Obbligatorja

QARI I
Żak 2, 14-17

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

Għajjat bil-ferħ u nfexx fil-hena, bint Sijon, għaliex arani ġej biex ngħammar f’nofsok din kelma tal-Mulej, u kotra kbira ta’ ġnus jingħaqdu dakinhar mal-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi. U jiena ngħammar f’nofsok; imbagħad inti tagħraf li l-Mulej tal-eżerċti bagħatni għandek.

U l-Mulej jieħu lil Ġuda bħala sehmu mill-wirt fl-art imqaddsa, u jerġa’ jaħtar ’il Ġerusalemm. Żommu s-skiet quddiem il-Mulej, intom il-ħajjin kollha, għax hu stenbaħ mill-għamara mqaddsa tiegħu!

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Lq 1:46-55

R/. Hienja int, Verġni Marija, li ġibt fid-dinja ’l Bin il-Missier etern!

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. R/.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu. R/.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred ’il dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. R/.

Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
bħalma wiegħed ’il missirijietna
b’risq Abraham u nislu għal dejjem. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1: 28

R/. Hallelujah.
Hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mt 12: 46-50

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Kif Ġesù kien qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra ifittxu li jkellmuk.” Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: “Min hi ommi? U min huma ħuti?” Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.