Qari tal-Quddies tal-Qaddisin Kollha (S)


Stampa t-test tal-qari …

1 ta’ Novembru
Il-Qaddisin Kollha
Solennità

QARI I
Apok 7:2-4,9-14

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, rajt Anġlu ieħor tiela’ bis-siġill ta’ Alla l-ħaj min-naħa tal-Lvant, u b’leħen għoli għajjat lill-erba’ Anġli li lilhom kienet ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħsara lill-art u lill-baħar, u qalilhom: “Tagħmlulhomx ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar, qabel ma nkunu stampajna s-siġill fuq il-ġbin tal-qaddejja ta’ Alla tagħna”. Imbagħad smajt x’kien il-għadd tal-issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf issiġillat minn kull tribù ta’ wlied Israel.

Wara dan, ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom. U għollew leħinhom u bdew jgħidu: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf”.

L-Anġli kollha kienu qegħdin madwar it-tron u madwar ix-Xjuħ u l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, u waqgħu wiċċhom fl-art quddiem it-tron jagħtu qima lil Alla u jgħidu: “Ammen. It-tifħir u l-glorja, il-għerf, ir-radd ta’ ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna, għal dejjem ta’ dejjem! Ammen”.

Imbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: “Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minn fejn ġejjin?”. “Inti taf, sinjur,” għidtlu jien. Imbagħad qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

R/. (ara 6): Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċek, Mulej.

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar wettaqha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma tax ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

QARI II
1 Ġw 3:1-3

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież: Araw b’liema mħabba ħabbna l-Missier: nistgħu nissejħu wlied Alla, u tassew aħna. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.

Għeżież, issa nafu li aħna wlied Alla, imma x’sa nkunu ’l quddiem mhux muri lilna.

Madankollu nafu li, meta hu jidher, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, isir safi bħalma safi huwa Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 11: 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mt 5:1-12a

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Ġesù kif ra l-folol, tela’ fuq il-muntanja, u wara li qagħad bilqiegħda, resqu lejh id-dixxipli tiegħu.

U hu fetaħ fommu u qabad ikellimhom u jgħid: “Henjin il-fqar fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom l-art bħala wirt. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħa. Henjin dawk li jħennu, għax huma jisbu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jgħidu kull deni fuqkom bil-gideb minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu