Qari tal-Quddies tat-Tlieta tal-XXXIV ġimgħa matul is-Sena. Sant’Andrija Dûng Lac, Presbiteru, u sħabu, Martri (TO)


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Midd il-minġel tiegħek u aħsad, għax waslet is-siegħa biex taħsad, għax il-ħsad tal-art misjur sewwa.
Apok 14, 14-19

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist, u rajt sħaba bajda, u fuq is-sħaba kien hemm bilqiegħda wieħed donnu Iben ta’ bniedem, b’kuruna tad-deheb fuq rasu u minġel misnun f’idu. U mit-tempju ħareġ anġlu ieħor jgħajjat b’leħen qawwi lil dak li kien bilqiegħda fuq is-sħaba: “Midd il-minġel tiegħek u aħsad, għax waslet is-siegħa biex taħsad, għax il-ħsad tal-art misjur sewwa”. U dak li kien bilqiegħda fuq is-sħaba xejjer il-minġel tiegħu, u l-art sarilha l-ħsad.

U mbagħad mit-tempju li hemm fis-sema ħareġ anġlu ieħor, li kellu hu wkoll minġel misnun. U anġlu ieħor, li kellu s-setgħa fuq in-nar, ħareġ minn ħdejn l-altar u għajjat b’leħen qawwi lil dak li kellu l-minġel misnun u qallu: “Midd int il-minġel il-misnun, u iġbor l-għenieqed tad-dielja tal-art, għax l-għeneb tagħha sar”. U l-anġlu xejjer il-minġel tiegħu lejn l-art, qata’ l-għenieqed tad-dielja tal-art, u xeħethom fil-magħsra l-kbira tal-korla ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 95 (96), 10.11-12.13

R/. (13b): Il-Mulej ġej biex jagħmel ħaqq mill-art

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”
Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;
hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.

Quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Apok 2, 10ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ibqa’ fidil sal-mewt, jgħid il-Mulej
u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma tibqax ġebla fuq oħra.
Lq 21, 5-11

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”.

U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: “Jien hu”, u: “Iż-żmien wasal”. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu