Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu.
Apok 3, 1-6.14-22

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jien Ġwanni, smajt lill-Mulej jgħidli: “Lill-anġlu tal-knisja li hemm f’Sardi iktiblu hekk: “Dan jgħidlek Dak li għandu s-seba’ spirti ta’ Alla u s-seba’ kwiekeb: Jiena naf l-opri tiegħek, inti għandek fama li inti ħaj, iżda int mejjet. Stenbaħ u tħeġġeġ f’dak li għad għandek imma li wasal biex jinqeridlek, għax l-opri tiegħek ma sibthomx perfetti f’għajnejn Alla tiegħi. Isa, ftakar f’dak li rċevejt u smajt, ħarsu sewwa, u indem. Għax jekk ma tistenbaħx, niġik bħal ħalliel, bla ma tkun taf is-siegħa li fiha niġik. Madankollu f’Sardi għandek ftit uħud li ma tebbgħux ilbieshom; huma għad jimxu miegħi lebsin l-abjad, għax jistħoqqilhom. Hekk ukoll ir-rebbieħ, għad ixidd fuqu lbies abjad; u jiena mhux talli ma nħassarlux ismu minn ktieb il-ħajja, imma nistqarrlu ismu quddiem Missieri u quddiem l-anġli tiegħu. Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes”.

U lill-anġlu tal-knisja li hemm f’Laodiċija iktiblu hekk: “Dan jgħidlek l-Ammen, ix-Xhud fidil u veru, minnu l-bidu tal-Ħolqien ta’ Alla: Jiena naf l-opri tiegħek, u naf li la inti kiesaħ u lanqas sħun. Mhux li kont jew kiesaħ jew sħun! U hekk, ladarba inti biered, u la sħun u lanqas kiesaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi. Int tgħid: Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn, bla ma taf li l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri. Jiena nagħtik parir biex tiġi tixtri mingħandi deheb imsoffi bin-nar, ħalli tistagħna; u lbies abjad, ħalli jkollok x’tilbes u tgħatti l-għajb tal-għera tiegħek; u wkoll ungwent, ħalli tidlek għajnejk u tkun tista’ tara. Lil dawk li nħobb, jiena nwiddibhom u rrażżanhom. Mela tħeġġeġ u indem.

Ara: jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi. Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu. Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 14 (15), 2-3ab.3ċd-4ab.5

R/. (Apok 3, 21): Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi
fuq it-tron tiegħi

Min jgħix bla ħtija
u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. R/.

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej; R/.

Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Ġw 4, 10b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu
biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.
Lq 19, 1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”.

Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu