Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-XXXIV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Kellhom isem Kristu u isem Missieru miktub fuq ġbinhom.
Apok 14, 1-3.4b-5

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, ħarist u rajt il-Ħaruf, wieqaf fuq il-muntanja Sijon, u miegħu mija u erbgħa u erbgħin elf ruħ, li kellhom ismu u isem Missieru miktub fuq ġbinhom. U smajt leħen mis-sema, qisu ħoss ta’ ħafna ilmijiet, donnu tkarwit ta’ ragħad; u l-leħen li smajt kien bħal dak ta’ kitarristi jdoqqu ċ-ċetri tagħhom. Kienu jgħannu għanja ġdida quddiem it-tron u quddiem l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ. U ħadd ma seta’ jitgħallimha dik l-għanja, ħlief il-mija u erbgħa u erbgħin elf, il-mifdija mill-art. Huma li jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur; huma kienu mifdija minn fost il-bnedmin, l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf, u minn fommhom qatt ma ħarġet gidba; bla tebgħa huma.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

R/. (ara 6): Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu ’l wiċċek, Mulej

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. R/.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 24. 42a.44

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru u kunu lesti intom ukoll,
għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa
li fiha jiġi Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ra waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus.
Lq 21, 1-4

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù 1rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju. U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus, u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu