Qari tal-Quddies tat-Tnejn tat-XXXIII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Ġib quddiem għajnejk fiex waqajt u indem.
Apok 1, 1-4; 2, 1-5a

Bidu tal-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Ir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu b’dak li għandu jiġri ma jdumx. Alla bagħat lill-anġlu tiegħu jfissirha lill-qaddej tiegħu Ġwanni, li kien xhud tal-kelma ta’ Alla u tax-xhieda mogħtija minn Ġesù Kristu, u ta’ kulma ra b’għajnejh. Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!

Ġwanni, lis-seba’ knejjes li hemm fl-Asja: grazzja lilkom u sliem mingħand Dak li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, u min-naħa tas-seba’ spirti li qegħdin quddiem it-tron tiegħu. Jien smajt lill-Mulej jgħidli: “Lill-anġlu tal-knisja li hemm f’Efesu iktiblu hekk: “Dan jgħidlek Dak li għandu s-seba’ kwiekeb f’idu l-leminija: Dak li jimxi fost is-seba’ kandelabri tad-deheb: Jiena naf l-opri tiegħek, u l-keded li tieħu, u s-sabar tiegħek, naf li int lill-ħżiena ma tiflaħx għalihom, u li ġa stħarriġt lil dawk li jriduha ta’ appostli bla ma huma, u sibthom qarrieqa. Naf li stabart u ġarrabt ħafna minħabba f’ismi, u għadek ma għejejtx. Imma kontra tiegħek għandi li inti ħallejt dik l-imħabba li kont urejt fil-bidu. Mela issa ġib quddiem għajnejk fiex waqajt, indem, u erġa’ aqbad l-opri tiegħek tal-bidu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 1, 1-2.3.4 u 6

R/. (Apok 2, 7b): Lir-rebbieħ nagħtih jiekol mis-siġra tal-ħajja

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat ta’ l-ilma
li tagħmel il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 8, 12

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
“Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, Mulej!”
Lq 18, 35-43

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Waqt li Ġesù kien riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara. U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret. Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!”. Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”. Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nara, Mulej!” wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek”. U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu