Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 24/02/1993.
Għeżież ħuti!
F’dan l-ispirtu ta’ komunjoni ekkleżjali, inkomplu nirriflettu issa flimkien dwar il-ministeru petrin, sies tal-unità tal-Knisja.
1. Fil-katekeżi preċedenti tkellimna dwar l-Isqof ta’ Ruma bħala suċċessur ta’ Pietru. Din is-suċċessjoni hija ta’ mportanza fundamentali għat-twettiq tal-missjoni li Ġesù Ktistu ttrażmetta lill-Appostli u lill-Knisja. Il-Konċilju Vatikan II jgħallem li l-Isqof ta’ Ruma, bħala “Vigarju ta’ Kristu”, għandu awtorità “suprema u universali” fuq il-Knisja kollha (LG 22). Din l-awtorità, hekk bħal dik tal-Isqfijiet kollha, għandha karattru ministerjali (ministerium = servizz), bħal ma diġa nnutaw is-Santi Padri tal-Knisja. Huwa fid-dawl ta’ din it-tradizzjoni nisranija li għandhom jinqraw u jiġu spjegati d-definizzjonijiet konċiljari dwar il- missjoni tal-Isqof ta’ Ruma, Waqt li nżommu preżenti li l-lingwaġġ tradizzjonali wżat mill-Konċilji, u b’mod speċjali mill-Konċilju Vatikan I, dwar il-poteri kemm tal-Papa kif ukoll tal-Isqfijiet juża, biex ikun mifhum, it-termini propji tad-dinja ġuridika ċivili, li tinħtieġ, f’dan il-każ, tagħti s-sens ekkleżjali ġust. Ukoll fil-Knisja, ladarba miġemgħa ta’ esseri umani msejħa biex twettaq fl-istorja l-pjan li Alla ippredispona għall-fidwa tad-dinja, il-poter jippreżenta ruħu bħala esiġenza indispensabbli tal-missjoni. Madankollu l-valur analoġiku tal-lingwaġġ użat jippermetti li niffurmaw konċetti talpoter fis-sens offrut mill-massma ta’ Ġesù dwar il-“poter biex naqdu” u tal-konċett evanġeliku tat-tmexxija pastorali. Il-poter mitlub mill-missjoni ta’ Pietru u tas-suċcessuri tiegħu jindentifika ruħu ma’ din it-tmexxija awtorevoli u ggarantita mill-assistenza divina, li Ġesù stess stabilixxa bħala ministeru (servizz) ta’ ragħaj.
2. Għal din ir-raġuni, nistgħu naqraw mill-ġdid id-definizzjoni tal-Konċilju ta’ Firenze (1439), li ddoqq: “Niddefinixxu li s-Santa Sede apostolika – u il-Papa Ruman – għandha l-primat fuq id-dinja kollha, u li l-istess Papa Ruman huwa s-suċċessur tal-Beatu Pietru, Prinċep tal-Appostli u veru Vigarju ta’ Kristu, kap tal-Knisja kollha u missier u mgħallem tal-insara kollha; u li lilu fil-Beatu Pietru kienet mogħtija minn Sidna Ġesù Kristu l-awtorità sħiħa biex jirgħa, jmexxi u jiggverna l-Knisja universali, kif ukoll hemm miġbur fl-atti tal-Konċilji ekunmeniċi u fis-sagri kanoni” (Denz. 1307). Wieħed jaf li, storikament, il-problema tal-primat kienet imqanqla mill-Knisja tal-lvant mifruda minn Ruma. Il-Konċilju ta’ Firenze, waqt li pprova jiffavorixxi l-għaqda mill-ġdid, ippreċiża s-sinifikat tal-primat. Din hija missjoni ta’ servizz lill-Knisja universali, li neċessarjament timplika, propju fid-dawl ta’ dan is-servizz, awtorità kompensattiva: “l-awtorità sħiħa li tirgħa, tmexxi u tiggverna”, mingħajr ma dan jagħti l-privileġġi u d-drittijiet tal-patrijarki orjentali skont l-ordni tad-dinjità tagħhom (cf. Denz. 1308).
Min-naħa tiegħu, il-Konċilju Vatikan I (1870) jikkwota d-definizzjoni tal-Konċilju ta’ Firenze (cf. Denz. 3060) u, wara li jfakkar it-testi evanġeliċi e (Ġw 1, 42; Mt 16, 16 s; Ġw 21, 15 s), jippreċiża ferm iktar is-sinifikat ta’ din l-awtorità. Il-Papa Ruman “M’għandux biss l-uffiċċju tal-ispezzjoni u tad-direzzjoni”, imma “għandu l-awtorità sħiħa u suprema tal-ġurisdizzjoni fuq il-Knisja universali, mhux f’dak li jikkonċerna l-fidi u d-drawwiet, imma wkoll fuq dak li jirrigwarda d-dixxiplina u l-iggvernar tal-Knisja, imferrxa mad-dinja kollha” (Denz 3064). Kien hemm xi tentattivi biex titnaqqas l-awtorità tal-Papa Ruman għal “ufficcju ta’ ispezzjoni u ta’ direzzjoni”. Xi wħud kienu pproponew li l-Papa jkun sempliċement arbitru fil-konflitti bejn il-Knejjes lokali, jew li jagħti biss direzzjoni ġenerali lill-attivitajiet awtonomi tal-Knejjes u tal-insara, b’xi pariri u b’xi eżortazzjonijiet. Imma dan il-limitu ma kienx konformi mal-missjoni mogħtija minn Kristu lil Pietru. Għalhekk il-Konċilju Vatikan I jenfasizza l-milja tal-poter papali, u jiddefenixxi li mhux biżżejjed li tagħraf li l-Papa Ruman “għandu l-parti ewlenija”: wieħed jeħtieġ jammetti iżda li hu “għandu l-milja ta’ din l-awtorità suprema” (Denz. 3064).
3. Għal dan il-għan, huwa tajjeb li minnufih nippreċiżaw li din il-“milja” ta’ awtorità attribwita lill-Papa ma tneħħi xejn mill-“milja” li tappartieni wkoll lill-korp episkipali. Wieħed anzi għandu jistqarr li t-tnejn, il-Papa u l-korp episkopali, għandhom il-“milja kollha” tal-awtorità. Il-Papa jippossiedi din il-milja b’titlu personali, waqt li l-korp episkopali jippossediha b’mod kolleġġjali, billi huwa magħqud taħt l-awtorità tal-Papa. Il-poter tal-Papa mhuwuex ir-riżultat ta’ sempliċi addizzjoni numerika, imma l-prinċipju tal-unità u tal-organiċità tal-korp episkopali. Propju minħabba dan il-Konċilju jenfasizza li l-awtorità tal-Papa “hija ordinarja u immedjata kemm fuq il-Knejjes kollha, kif ukoll fuq il-fidili kollha u singolarment” (Denz. 3064). Hija ordinarja, fis-sens li hija propja tal-Papa Ruman bis-saħħa tad-dmir li jmiss lilu, u mhux lill-delegazzjoni tal-Isqfijiet; hija immedjata, għaliex huwa jistà jeżerċitaha b’mod dirett mingħajr permess jew medjazzjoni tal-Isqfijiet.
Id-definizzjoni tal-Vatikan I, madankollu, ma tattribwixxix lill-Papa poter jew dmir ta’ interventi ta’ kuljum fil-Knejjes lokali; hija trid teskludi biss il-possibiltà li timponilhom xi normi biex tillimita l-eżerċizzju tal-primat. Il-Konċilju dan jiddikjarah espressament: “Din l-awtorità tas-Sommu Pontefiċi hija għal kollox ‘il bogħod mill-impediment tal-eżerċizzju ta’ din l-awtorità ta’ ġurisdizzjoni episkopali ordinarja u immedjata, li biha l-Isqfijiet, li maħtura mill-Ispirtu Santu (cf. At 20, 28) issuċċedew lill-Appostli, bħala rgħajja tassew jirgħu u jiggvernaw il-merħla afdata lilhom…” (Denz. 3061). Jeħtieg anzi li nfakkru dikjarazzjoni tal-Episkopat Germaniż (1875), approvata minn Piju IX, li tgħid: “Bis-saħħa tal-istess istituzzjoni divina, li fuqha jissejjes l-uffiċċju tas-Sommu Pontefiċi, għandu wkoll l-Episkopat: miegħu jintrabtu drittijiet u dmirijiet bis-saħħa ta’ dispożizzjoni li tiġi minn Alla nnifsu, u s-Sommu Pontefiċi la għandu d-dritt u linqas l-awtorità li jbiddilhom”.
Id-digrieti tal-Konċilju Vatikan huma mela mifhuma b’mod assolutament żbaljat, meta dak li jkun jispekula li, bis-saħħa tagħhom, “il-ġurisdizzjoni episkopali ġiet assorbita minn dik papali”; li l-Papa “għalih jieħu l-post ta’ kull Isqof” u li l-Isqfijiet mhuma xejn iktar għajr “strumenti tal-Papa: huma l-uffiċjali tiegħu mingħajr ebda responsabiltà tagħhom” (Denz. 3115).
4. Ejjew issa nisimgħu t-tagħlim wiesà, ekwilibrat u seren tal-Konċilju Vatikan II, li jiddikjara li “Ġesù Kristu, Ragħaj etern […] ried li l-Isqfijiet (bħala suċċessuri tal-Appostli) jkunu fil-Knisja tiegħu rgħajja sal-aħħar tas-sekli. Sabiex imbagħad l-istess Episkopat ikun wieħed u indiviż, ippropona lill-Appostli l-oħra l-Beatu Pietru u fih stabilixxa il-pronċipju u sies perpetwu u viżibbli tal-unità tal-fidi u tal-komunjoni” (LG 18). F’dan is-sens il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar l-Isqof ta’ Ruma bħala r-“Ragħaj tal-Knisja kollha”, li “għandu fuq din awtorità sħiħa, suprema u universali” (LG 22). Dik hija l-“awtorità ta’ primat kemm fuq ir-rgħajja tagħha kif ukoll fuq il-fidili tagħha” (Ivi). “Mela l-Isqfijijiet individwali… huma mistennija li jikkollaboraw bejniethom u mas-suċċessur ta’ Pietru, li lilu b’mod speċjali kien mogħti l-ogħla uffiċċju li jferrex l-isem nisrani” (LG 23).
Skont l-istess Konċilju, il-Knisja hija kattolika wkoll fis-sens li s-segwaċi ta’ Kristu kollha għandhom jikkoperaw mal-missjoni feddejja globali tiegħu permezz tal-apostolat propju ta’ kull wieħed. Imma l-azzjoni pastorali ta’ kollha, u b’mod speċjali dik kolleġġjali tal-Episkopat kollu tikseb l-unità permezz tal-“ministerium Petrinum” tal-Isqof ta’ Ruma. “L-Isqfijiet, – jerġà jtenni l-Konċilju – waqt li jirrispettaw fedelment il-primat u l-prominenza tal-kap tagħhom, jeżerċitaw l-awtorità propja għall-ġid tal-fidili tagħhom, anzi tal-Knisja kollha” (LG 22). U jeħtieġ li nżidu, dejjem mal-Konċilju, li, jekk l-awtorità kolleġġjali fuq il-Knisja kollha tikseb l-espressjoni partikolari tagħha fil-Konċilju ekumeniku, hija “prerogattiva tal-Pontefiċi Ruman li jsejjaħ dawn il-Konċilji, jippresedihom u jikkonfermahom” (Ivi). Kollox mela huwa marbut mal-Papa, Isqof ta’ Ruma, bħala prinċipju ta’ unità u ta’ komunjoni.
5. Hawnhekk huwa f’postu li nerġgħu mill-ġdid ninnutaw li, jekk il-Vatikan II assuma t-tradizzjoni tal-maġisteru ekkleżjastiku dwar it-tema tal-“ministerium Petrinum” tal-Isqof ta’ Ruma, li qabel kien sab espressjoni fil-Konċilju ta’ Firenze (1439) u fil-Vatikan I (1870), meritu tiegħu, fir-ripetizzjoni ta’ dan it-tagħlim,huwa li enfasizza l-korrelazzjoni bejn il-primat u l-kolleġjalità tal-Episkopat fil-Knisja. Grazzi għal din il-kjarifikazzjoni ġdida ġew esklusi l-interpretazzjonijiet żbaljati mogħtija bosta drabi lid-definizzjoni tal-Konċilju Vatikan I, u ntwera s-sinifikat sħiħ tal-ministeru petrin f’armonija mad-duttrina tal-kolleġġjalità tal-Episkopat. Kien ukoll ikkonfermat id-dritt tal-Pontefiċi Ruman li “jikkomunika b’mod liberu fl-isfera tal-funzjoni propja mar-rgħajja u mal-merħla tal-Knisja kollha”, u dan f’rapport mar-riti kollha (cf. Pastor aeternus, cap. II: Denz. 3060, 3062).
Għas-suċċessur ta’ Pietru din mhix pretensjoni tal-poteri li jixbħu lil dawk tad-“dominaturi” terreni, li dwarhom jitkellem Ġesù (cf. Mt20, 25-28), imma li jkun fidil għar-rieda tal-Fundatur tal-Knisja li waqqaf dan it-tip ta’ soċjetà u dan il-mod ta’ tmexxija għas-servizz tal-komunjoni fil-fidi u fil-karità. Biex iwieġeb għar-rieda ta’ Kristu, is-suċċessur ta’ Pietru jrid jassumi u jeżerċita l-awtorità li ngħatatlu fi spirtu ta’ servizz umli u bl-iskop li jassikura l-unità. Ukoll fid-diversi modi storiċi li jeżerċitaha huwa għandu jimita lil Kristu fir-servizz u fl-unità tal-imsejħin biex jagħmlu parti mill-mergħa unika. Huwa qatt ma għandu jissuġġetta ruħu għal xi skopijiet personali dak li rċieva għal Kristu u għall-Knisja tiegħu. Huwa qatt m’għandu jinsa li l-missjoni pastorali universali ma tistà qatt tinvolvi assoċjazzjoni iktar profonda mis-sagrifiċċju tar-Redentur, mill-misteru tas-Salib.
Rigward r-rapport ma’ Ħutu fl-Episkipat, huwa se jiftakar u se japplika l-kliem ta’ San Girgor il-Kbir: “Unuri huwa l-unur tal-Knisja universali. Unuri huwa l-qawwa solida ta’ ħuti. Mela allura jien tassew onerat, meta lil kull wieħed minnhom ma jiġix miċħud l-unur li jixraqlu” (Epist. ad Eulogium Alexandrinum, PL 77,933).