53. Is-Suċċessur ta’ Pietru jgħallem b’Mod Infallibbli


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 17/03/1993.

1. Il-maġisteru tal-Papa Ruman, li wrejna fil-katekeżi preċedenti, jidħol fl-isfera u jimmarka l-quċċata tal-missjoni tal-predikazzjoni tal-Vanġelu afdata minn Ġesù lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom.

Naqraw fil-kostituzzjoni Lumen gentium tal-Konċilju Vatikan II: “Fost id-dmirijiet ewlenin tal-Isqfijiet teċċella l-predikazzjoni tal-Vanġelu. Infatti l-Isqfijiet huma l-ħabbara tal-fidi li jwasslu lil Kristu dixxipli ġodda, huma dutturi awtentiċi, jiġifieri mlibbsa bl-awtorità ta’ Kristu, li jippridkaw lill-poplu afdat lilhom il-fidi li jeħtieġ jemmnu u li japplikaw fil-prattika tal-ħajja… Meta jgħallmu f’komunjoni mal-Papa Ruman, għandhom ikunu mismugħa b’qima bħala xhieda tal-verità divina u kattolika; u l-fidili għandhom jaċċettaw il-ħaqq mogħti mill-Isqof f’isem Kristu fi ħwejjeġ ta’ fidi u morali, u jħaddnuhom b’rispett reliġjuż” (n. 25). Id-dmir maġisterjali tal-Isqfijiet huwa, mela, strettament marbut ma’ dak tal-Papa Ruman. Għalhekk b’mod opportun it-test konċiljari jkompli waqt li jiddikjara: “Dan ir-rispett reliġjuż ta’ rieda u ta’ intelliġenza għandhom b’mod partikolari jisilfuh lill-maġisteru awtentiku tal-Papa Ruman, ukoll meta ma jitkellimx “ex cathedra”, hekk li l-maġisteru suprem tiegħu jkun aċċettat b’qima, u b’sinċerità jħaddan s-sentenzi minnu mogħtija, skont il-menti u r-rieda minnu murija, li turi lilha nfisha b’mod speċjali kemm min-natura tad-dokumenti, kif ukoll mir-riintruduzzjoni frekwenti tal-istess duttrina, kif ukoll mill-kontenut tal-espressjoni verbali” (Ivi).

2. Din l-awtorità suprema tal-maġisteru papali, li għaliha b’mod tradizzjonali tiġi riservata l-kwalifika ta’ apostoliku, ukoll fl-eżerċizzju ordinarju tagħha, tiġi mill-fatt istituzzjonali li għalih il-Papa Ruman huwa s-suċċessur ta’ Pietru fil-missjoni tat-tagħlim, li jwettaq lil ħutu, li jiggarantixxi l-konformità tal-predikazzjoni tal-Knisja għad-“depożitu tal-fidi” tal-Appostli u għad-duttrina ta’ Kristu. Imma tiġi wkoll mill-konvinzjoni, maturata fit-tradizzjoni nisranija, li l-Isqof ta’ Ruma huwa l-eredi ta’ Pietru ukoll fil-kariżmi ta’ assistenza speċjali li Ġesù assikuralu meta qallu: “Jien tlabt għalik” (Lq 22, 32). Dan ifisser għajnuna kontinwattiva tal-Ispirtu Santu fl-eżerċizzju kollu tal-missjoni duttrinali, immirata biex tiġi mifhumha l-verità rivelata u l-konsegwenzi tagħha fil-ħajja umana. Għal dan il-Konċilju Vatikan II jiddikjara li t-tagħlim kollu tal-Papa jimmerita li jkun mismugħ u milqugħ, ukoll meta ma jkunx “ex cathedra”, imma jkun proponut fl-eżerċizzju ordinarju tal-maġisteru b’intenzjoni murija ta’ espressjoni, sejħa, konferma tad-duttrina tal-fidi. Din hija konsegwenza tal-fatt istituzzjonali u tal-wirt spiritwali li jagħtu dimensjonijiet sħaħ tas-suċċessjoni ta’ Pietru.

3. Bħal ma hu magħruf, hemm każi li fihom il-maġisteru pontifikali jeżerċita ruħu sollennement dwar punti partikolari tad-duttrina, li jappartienu lid-depożitu tar-rivelazzjoni jew inkella marbutin b’mod strett magħha. Dan huwa l-każ tad-definizzjonijiet “ex cathedra”, bħal dawk tal-Immakulata Konċezzjoni, magħmula minn Piju IX fl-1854, u tat-Tlugħ fis-sema tagħha, magħmula minn Piju XII fl-1950. Bħal ma nafu, dawn id-definizzjonijiet ipprovdew lill-kattoliċi kollha iċ-ċertezza fid-dikjarazzjni ta’ dawn il-veritajiet u l-esklużjoni ta’ kull dubju f’dan ir-rigward. Kważi dejjem ir-raġuni tad-definizzjonijiet “ex cathedra” hija din iċ-ċertifikazzjoni tal-veritajiet li għandna nemmnu minħabba li jappartienu għad-“depożitu tal-fidi” u l-esklużjoni ta’ kull dubju, jew saħansitra l-kundanna tal-iżball dwar l-awtentiċità tagħhom u s-sinifikat tagħhom. Hekk ikollhom il-waqt tal-ikbar konċentrazzjoni, ukoll formali, tal-missjoni mogħtija minn Ġesù lill-Appostli u, fihom, lis-suċċessuri tagħhom.

4. Minħabba l-kobor u l-importanza straordinarja ta’ tali maġisteru għall-fidi, it-tradizzjoni nisranija għarfet lis-suċċessur ta’ Pietru, li jeżerċitaha waħdu jew f’komunjoni mal-Isqfijiet miġburin f’konċilju, kariżma ta’ assistenza tal-Ispirtu Santu li tissejjah “infallibilità”. Dan huwa dak li l-Konċilju Vatikan I jgħid f’dan ir-rigward: “Il-Papa Ruman, meta jitkellem mill-katedra, jiġifieri meta, waqt li jwettaq l-uffiċċju ta’ ragħaj u ta’ mghallem tal-insara kollha, permezz tal-awtorità apostolika suprema jiddefenixxi li duttrina rigward il-fidi u għad-drawwiet għandha tinżamm mill-Knisja kollha, permezz tal-għajnuna divina mwegħeda lilu fil-Beatu Pietru igawdi dik l-infallibiltà li r-Redentur Divin ried jipprovdi lill-Knisja tiegħu fid-definizzjoni ta’ duttrina rigward il-fidi u d-drawwiet: għalhekk tali definizzjonijiet tal-Papa Ruman ikunu rreformabbli minnhom infihom, mhux bil-kunsens tal-Knisja” (Denz. 3074). Din id-duttrina ġiet miġbura fil-qosor, ikkonfermata u spjegata ulterjorment mill-Konċilju Vatikan II, li jiddikjara: “B’din l-infallibiltà il-Papa Ruman, kap tal-kulleġġ tal-Isqfijiet, igawdi bis-saħħa tal-uffiċċju tiegħu meta, bħala ragħaj suprem u duttur tal-fidili kollha, li jwettaq fil-fidi lil ħutu (cf. Lq 22, 32), jistabilixxi b’att definittiv dutrina li tirrigwarda l-fidi u l-morali. Għalhekk id-definizzjnijiet tiegħu b’mod ġust jissejħu irreformabbli minnhom fihom u mhux bil-kunsens tal-Knisja, billi huma jkunu ġew ippronunzjati bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu […] u għalhekk ma jkunu jinħtieġu ebda approvazzjoni ta’ oħrajn, linqas ma jammettu ebda appell għal ġudizzju ieħor. Infatti attwalment il-Papa Ruman jippronunzja sentenza mhux bħala persuna privata, imma bħala mgħallem suprem tal-Knisja universali, singolarment imżejjen bil-kariżma tal-infallibiltà tal-istess Knisja, jesponi jew jiddefendi d-duttrina tal-fidi kattolika” (Lumen gentium, 25).

5. Ta’ min jinnota li l-Konċilju Vatikan II jenfasizza wkoll il-maġisteru tal-Isqfijiet magħqudin mal-Papa Ruman, billi jindika li huma wkoll igawdu mill-għajnuna tal-Ispirtu Santu meta jiddefenixxu flimkien mas-suċċessur ta’ Pietru punt ta’ fidi: “L-Infallibiltà imwegħda lill-Knisja tabita wkoll fil-korp episkopali meta jeżerċita l-maġisteru suprem mas-suċċessur ta’ Pietru […]. Meta mbagħad, kemm il-Papa Ruman kif ukoll il-korp tal-Isqfijiet miegħu, jiddefenixxu sentenza, jesprimuha skont l-istess rivelazzjoni[…] li tiġi ntegralment trażmessa bil-miktub jew bi tradizzjoni tas-suċċessjoni leġittima tal-Isqfijiet… u tiġi fil-Knisja ġelożament ikkonservata u fedelment esposta taħt id-dawl tal-Ispirtu tal-verità” (Lumen gentium, 25). U iktar: “Għalkemm l-Isqfijiet individwali ma jgawdux mill-prerogattiva tal-infallibiltà, meta bdanakollu, ukoll inferrxa mad-dinja, imma preservanti tar-rabta tal-komunjoni bejniethom u mas-suċċessur ta’ Pietru, fit-tagħlim awtentiku tagħhom dwar materji ta’ fidi u ta’ morali jaqblu fuq sentenza li tinżamm bħala definittiva, jesprimu b’mod infallibbli d-duttrina ta’ Kristu. Dan juri ruħu iktar meta, miġburin f’konċilju ekumeniku jkunu għall-Knisja kollha dutturi u mħallfin tal-fidi u tal-morali, u għad-definizzjonijiet tagħhom dak li jkun irid jingħaqad bir-rispett tal-fidi”. “Din l-infallibiltà li biha ir-Redentur Divin ried jipprovdi l-Knisja tiegħu fid-definizzjoni tad-duttrina tal-fidi u tal-morali tifrex ruħha daqs id-depożitu tar-rivelazzjoni divina” (Lumen gentium,25).

6. F’dawn it-testi konċiljari hemm bħal kodifikazzjoni tal-għarfien eżistenti diġa fi żmien l-Appostli miġburin fl-assemblea ta’ Ġerusalem: “Iddeċidejna, l-Ispirtu Santu u aħna…” (At 15, 28). Dak l-għarfien kien jikkonferma l-wegħda ta’ Ġesù li jibgħat l-Ispirtu tal-verità lill-Appostli u lill-Knisja, ġaladarba jmur għand il-Missier wara li kien wettaq is-sagrifiċċju tas-salib: “Huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14, 26). Dik il-wegħda kienet twettqet nhar Għid il-Ħamsin, li biha l-Appostli kienu għadhom iħossuhom mimlijin ħajja.

Il-Knisja wirtet minn għandhom dan l-għarfien u dik il-memorja.

Miġjub mit-Taljan għall-Mali minn Emanuel Zarb