54. L-Ispirtu Santu Jassisti lill-Papa Ruman

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 24/03/1993.

1. L-infallibilità tal-Papa Ruman hija tema ta’ importanza notevoli għall-ħajja tal-Knisja. Donnha għalhekk opportuna ftit iktar riflessjoni dwar it-testi konċiljari, biex nippreċiżaw aħjar is-sens u l-estensjoni ta’ tali prerogattiva.

Qabel kollox il-konċilji jasserixxu li l-infallibiltà attribwita lill-Papa Ruman hija personali, fis-sens li tirriżulta lilu mas-suċċessjoni personali ta’ Pietru fil-Knisja Rumana. Fi kliem ieħor, dan ifisser li l-Papa Ruman mhuwiex is-sempliċi portatur ta’ infallibiltà li tappartieni, fir-realtà, lis-Sede Rumana. Huwa jeżerċità l-maġisteru u, b’mod ġenerali, il-ministeru pastorali bħala “vicarius Petri”: hekk jiġi spiss imsejjaħ fl-ewwel millenju kristjan. Fih, jiġifieri, għandu kważi personifikazzjoni tal-missjoni u tal-awtorità ta’ Pietru, imħaddma f’isem dak li Ġesù nnifsu kien tahomlu. U madankollu huwa ċar li l-infallibiltà mhijiex mogħtija lill-Papa Ruman bħala persuna privata, imma għaliex iwettaq l-uffiċċju ta’ ragħaj u ta’ mgħallem tal-insara kollha. Barra dan huwa ma jeżerċitahiex bħala li għandu l-awtorità fih u minnu nfih, imma “għall-awtorità apostolika suprema tiegħu” u “għall-assistenza divina lilu mwegħda fil-Beatu Pietru”. Fl-aħħarnett, huwa ma jippossidihiex bħallikieku jistà jużaha jew jorbot fuqha f’kull ċirkustanza, imma biss “meta jirkellem mill-katedra”, u biss f’qasam duttrinali limitat għall-veritajiet tal-fidi u tal-morali u għal dawk li hemm konnessi magħhom.

2. Skont it-testi konċiljari. Il-maġisteru nfallibbli jiġi eżerċitat fid-“duttrina li tirrigwarda l-fidi u d-drawwiet”. Dan huwa l-qasam tal-veritajiet rivelati b’mod espliċitu jew impliċitu, li jitolbu aċċettazzjoni ta’ fidi u li tagħhom il-Knisja tgħasses id-depożitu afdat lilha minn Kristu u trażmess mill-Appostli: ma tgħassux b’mod konvinjenti, jekk ma tipproteġġilux il-purezza u l-integrità. Din hija verità li tirrigwarda lil Alla fih innifsu u fl-opra krejattiva u redentiva; il-bniedem u d-dinja fil-kondizzjoni krejaturali tagħhom u fid-destin tagħhom skont il-pjan providenzjali; il-ħajja eterna u l-istess ħajja terrena fl-esiġenzi fundamentali tagħha fir-rigward tal-verità u tal-ġid. Din, mela, hija wkoll il-“veritajiet-għall-ħajja”, u l-applikazzjoni tagħhom fl-imġieba umana. L-Imgħallem divin, fil-mandat tal-evanġelizzazzjoni, amar lill-Appostli: “Morru għallmu l-ġnus kollha… waqt li tgħallmuhom osservaw dak kollu li kkmandajtkom” (Mt 28, 20). Jerġgħu jidħlu fil-qasam tal-veritajiet li l-maġisteru jistà jipproponi b’mod definittiv dawk il-prinċipji ta’ raġuni li, ukoll jekk mhux inklużi fil-veritajiet tal-fidi, huma marbutin magħhom b’mod intimu. Fir-realtajiet effettwali, tal-bieraħ u tallum, huwa l-maġisteru tal-Knisja, u b’mod speċjali tal-Papa Ruman li jsalva dawn il-prinċipji u li jifdihom kontinwament miċ-ċparijiet u mid-distorsjonijiet li jġarrbu taħt il-pressjoni ta’ interessi u ta’ vizzji konsolidati f’mudelli u kurrenti kulturali. F’dan is-sens il-Konċilju Vatikan I kien jgħid li oġġett tal-maġisteru infallibbli hija “d-duttrina li tirrigwarda l-fidi u d-drawwiet li għandhom jinżammu mill-Knisja kollha” (Denz. 3074). U fil-formula l-ġdida tal-professjoni tal-fidi, approvata riċentement (cf. AAS 81 [1989] 105; 1169), hija magħmula d-distinzjoni bejn il-veritajiet rivelati b’mod divin, li għalihom hija meħtieġa l-adeżjoni tal-fidi, u l-veritajiet proposti b’mod definittiv imma mhux bħala rivelati b’mod divin, li allura jitlbu approvazzjoni definittiva, li iżda mhijiex approvazzjoni tal-fidi.

3. Mit-testi konċiljari jiġu nnotati wkoll il-kondizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-maġisteru nfallibbli min-naħa tal-Papa Ruman. Dawn jistġhu jiġu sintetizzati b’dan il-mod: Il-Papa jrid jaġixxi bħala “ragħaj u duttur tal-insara kollha”, waqt li jippronunzja ruħu fuq veritajiet li jmissu “fidi u drawwiet”, b’termini li juru b’mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jiddefenixxi ċerta verità u li titlob l-adeżjoni definittiva għaliha tal-insara kollha. Dan huwa li seħħ – per eżempju – fid-definizzjoni tal-Immakulata Konċezzjoni ta’ Marija, li dwarha Piju IX ddikjara: “Din hija duttrina rivelata minn Alla u għandha tkun, għalhekk emnuta b’qawwa u b’mod kostanti mill-fidili kollha” (Denz. 2803); jew ukoll fid-definizzjoni tat-Tlugħ is-Sema ta’ Marija Santissma, meta Piju XII qal: “Bl-awtorità ta’ Sidna Ġesù Kristu, tal-Beati Appostli Pietru u Pawlu, u bl-awtorità tagħna, niddikjaraw u niddefinixxu bħala domma b’mod divin rivelata… eċċ.” (Denz. 3903). Għal dawn il-kondizzjonijiet wieħed jistà jitkellem dwar il-maġisteru papali straordinarju, li d-definizzjonijiet tiegħu huma rreformabbli “minnhom fihom, mhux bil-kunsens tal-Knisja” (“ex sese, non autem ex consensu Ecclesiae”). Dan ifisser li dawn id-definizzjonijiet biex ikunu validi, m’għandhomx bżonn il-kunsens tal-Isqfijiet: linqas ta’ kunsens preċedenti, linqas ta’ kunsens konsegwenti, “billi jkunu ġew ippronunzjati bl-assistenza tal-Ispirtu Santu, imwiegħed lilu (lill-Papa Ruman) fil-persuna tal-Beatu Pietru, li għalhekk ma jinħtieġu ebda approvazzjoni ta’ oħrajn, linqas ma jammettu ebda appell għal ġudizzju differenti” (Lumen gentium, 25).

4. Il-Papiet jistgħu jeżerċitaw din il-forma ta’ maġisteru. U dan fil-fatt seħħ. Bosta papiet iżda ma eżerċitawhx. Imma jeħtieg li wieħed josserva li fit-testi konċiljari li  qegħdin nuru, jiġi distint il-maġisteru “ordinarju” minn dak “straordinarju”, waqt li tiġi enfasizzata l-importanza tal-ewwel, li hija ta’ karattru permanenti u kontinwattiv; waqt li dak li jesprimi fid-definizzjonijiet nistgħu nsejħulu eċċeżżjonali. Maġemb din l-infallibiltà tad-definizzjonijiet ex cathedra, teżisti l-kariżma tal-assistenza tal-Ispirtu Santu, mogħtija lil Pietru u lis-suċċessuri tiegħu sabiex ma jiżbaljawx f’materja ta’ fidi u ta’ morali u minflok jagħtu illuminazzjoni tajba lill-poplu nisrani. Din il-kariżma mhijiex limitata għal każi eċċezzjonali, imma tħaddan f’qies differenti l-eżerċizzju kollu tal-maġisteru.

5. Mit-testi konċiljari wieħed ukoll jintebaħ kemm hija gravi r-responsabiltà tal-Papa Ruman fl-eżerċizzju tal-maġisteru tiegħu, ta’ dak straordinarju u ta’ dak ordinarju. Huwa għalhekk iħoss il-bżonn, anzi dak li jkun jistà jgħid id-dmir, li jesplora s-“sensus Ecclesiae” qabel ma jiddefenixxi verità tal-fidi, billi jaf sewwa li d-definizzjoni tiegħu “tesponi jew tiddefendi id-duttrina tal-fidi kattolika” (Lumen gentium, 25). Dan sar qabel id-definizzjonijiet tal-Immakolata Konċezzjoni u tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija, b’konsultazzjoni wiesgħa u preċiża tal-Knisja kollha. Fil-bolla Munificentissimus dwar it-Tlugħ fis-Sema (1950), Piju XII, fost l-argumenti favur id-definizzjoni, iġib dik tal-fidi tal-komunità nisranija: “Il-kunsens universali tal-maġisteru ordinarju tal-Knisja jfornixxi argument ċert u solidu biex nippruvaw li t-Tlugħ fis-Sema korporali tal-Beata Verġni Marija […] huwa verità rivelata minn Alla” (AAS 42 [1950] 757). Mill-bqija l-Konċilju Vatikan II, waqt li jitkellem dwar il-verità tat-tagħlim, ifakkar: “Sabiex imbagħad tkun indagata sewwa u espressa b’mod addattat, il-Papa Ruman u l-Isqfijiet, minħabba l-uffiċċju tagħhom u skont l-importanza tal-ħaġa,  jipprovdu l-opra  attenta tagħhom billi jużaw il-mezzi konvenjenti” (Lumen gentium, 25). Din hija ndikazzjoni ta’ għerf li ssib konferma fl-esperjenza fil-proċessi segwiti mill-Papiet u mill-Uffiċċji tas-Santa Sede għas-servizz tagħhom, fit-twettiq tad-dmirijiet tal-maġisteru u tat-tmexxija tas-suċċessuri ta’ Pietru.

6. Nikkonkludu billi nosservaw li l-eżerċizzju tal-maġisteru jikkonkretizza u juri l-kontribut tal-Papa Ruman lill-iżvilupp tad-duttrina tal-Knisja – li jiżvolġi mhux biss irwol ta’ kap tal-kulleġġ tal-Isqfijiet fid-definizzjonijiet tal-fidi u tal-morali minn dan ippronunzjati, jew bħala nutar tal-ħsieb tagħhom, imma wkoll irwol iktar personali kemm fil-maġisteru ordinarju kif ukoll fid-definizzjonijiet – iwettaq dmiru billi japplika b’mod personali u billi jistimula l-istudju ta’ rgħajja, tejoloġi, periti tad-duttrina fl-oqsma differenti, esperti ta’ kura spiritwali, ta’ spiritwalità, ta’ ħajja soċjali, eċċ.

B’dan il-mod jipprovoka arrikkiment kulturali u morali fil-livelli kollha tal-Knisja. Ukoll f’din l-organizzazzjoni tax-xogħol ta’ konsultazzjoni, ta’ studju, huwa jidher bħala s-suċċessur tal-“Blata” li fuqha Kristu bena l-Knisja tiegħu.

Miġjub mit-Taljan għall-Mali minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading