55. Il-Presbiteri Jipparteċipaw fis-Saċerdozju ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 31/03/1993.

IL-MINISTERU TAL-PRESBITERI U D-DJAKNI.

1. Illum se nagħtu bidu għal serje ġdida ta’ katekeżi, iddedikati lill-Presbiterjat u lill- Presbiteri, li, bħal ma huwa magħruf, huma l-kollaboraturi l-iktar stretti tal-Isqfijiet, li tagħhom jipparteċipaw il-konsagrazzjoni u l-missjoni saċerdotali.

Se nitkellem  b’adeżjoni stretta mat-testi tat-Testment il-Ġdid u billi nsegwi l-linja tal-Konċilju Vatikan II, bħal ma hu fl-istil ta’ dawn il-katekeżi. Waqt li nidħol għall-espożizzjoni ta’ dan l-argument b’kuraġġ mimli mħabba għal dawn il-kollaboraturi stretti tal-Ordni Sagri episkopali, li nħoss qrib u nħobb fil-Mulej, bħal ma għidt sa mill-bidunett tal-pontifikat u b’mod partikolari fl-ewwel ittra lill-Presbiteri tad-dinja kollha, miktuba għal Ħamis ix-Xirka tal-1979.

2. Minnufih nosservaw li s-saċerdozju, f’kull grad tiegħu, u allura kemm fl-Isqfijiet kif ukoll fil-Presbiteri, huwa sehem mis-saċerdozju ta’ Kristu, li, skont l-Ittra lil-Lhud, huwa l-uniku “Sommu Saċerdot” tal-Patt il-ġdid uniku u etern, li “offra lilu nnifsu darba għal kulħadd” b’ sagrifiċċju ta’ valur infinit, li jibqà ma jinbidilx u intramontabbli fiċ-ċentru tal-ekonomija tal-fidwa (cf. Lh 7, 24-28). Mhemmx iktar il-bżonn linqas il-possibiltà ta’ Saċerdoti oħra barra jew qrib l-uniku Medjatur Kristu (cf. Lh 9, 15; Rm 5, 15-19; 1 Tm 2, 5), punt ta’ għaqda u rikonċiljazzjoni ta’ unjoni u ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-bnedmin u Alla (cf. 2 Kor 5, 14-20), il-Verb magħmul ġisem, mimli bil-grazzja (cf. Ġw 1, 1-18), hieréus veru u definitiiv, Saċerdot (cf. Lh 5, 6; 10, 21), li fl-art “ħassar id-dnub permezz tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu” (Lh 9, 26) u fis-sema jkompli jinterċedi għall-fidili tiegħu (cf. Lh 7, 25), sakemm jaslu għall-wirt etern minnu akkwistat u mwiegħed. Ħadd iktar, fil-Patt il-Ġdid, mhu hieréus fl-istess sens.

3. Is-sehem fl-uniku Saċerdozju ta’ Kristu, li jiġi eżerċitat fi pluralità ta’ gradi, kien dispost minn Kristu, li ried li fil-Knisja tiegħu funzjonijiet differenti kif jesiġi korp soċjali organizzat kif imiss, u għall-funzjoni direttiva stabilixxa xi ministri tas-saċerdozju tiegħu (cf. Catechismo della Chiesa Cattolica [= CCC], n. 1554). Lil dawn tahom is-sagrament tal-Ordni Sagri biex jikkostitwixxulu uffiċjalment Saċerdoti li joperaw f’ismu u bil-poter tiegħu, waqt li joffru s-sagrifiċċju u jaħfru d-dnubiet. “Għalhekk, josserva l-Konċilju, wara li bagħat lill-Appostli bħal ma Hu stess kien mibgħut mill-Missier, Kristu, permezz tal-istess Appostli, irrenda parteċipi tal-konsagrazzjoni tiegħu u tal-missjoni tiegħu lis-suċċessuri tagħhom, jiġifieri l-Isqfijiet, li l-funzjoni ministerjali tagħhom kienet mgħoddija fi grad subordinat lill-Presbiteri, sabiex dawn, ikkostitwiti fl-Ordni tal-Presbiterjat, kienu koperaturi tal-Ordni episkopali, għat-twettiq rett tal-missjoni apostolika afdata minn Kristu” (Presbyterorum ordinis, 2; cf. CCC 1562). Tali rieda ta’ Kristu tirriżulta mill-Vanġelu, li minnu nafu li Ġesù attribwixxa lil Pietru u lit-Tnax awtorità suprema fil-Knisja tiegħu, imma ried xi kollaboraturi għall-missjoni tagħhom. Huwa sinifikattiv dak li jiktbilna l-evanġelista Luqa, jiġifieri li Ġesù, wara li bagħat lit-Tnax f’missjoni (cf. 9, 1-6), jerġà jibgħat numru ikbar ta’ dixxipli, donnu ried ifisser li l-missjoni tat-Tnax mhix biżżejjed għall-opra tal-evanġeliżżazzjoni. “Il-Mulej inkariga tnejn u sebgħin dixxiplu ieħor u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien beħsiebu jmur” (Lq 10, 1). Bla ebda dubju ta’ xejn dan il-pass huwa biss prefigurattiv tal-ministeru li Kristu kellu jwaqqaf b’mod formali iktar tard. Dan iżda diġa juri l-intenzjoni tal-Imgħallem divin li jqiegħed numru rilevanti ta’ kollaboraturi fix-xogħol tal-“għalqa tad-dwieli”. L-għażla tat-Tnax saret minn Ġesù fost grupp iktar estiż ta’ dixxipli  (cf. Lq 6, 12. 13). Dawn id-“dixxipli” skont is-sinifikat li t-termini għandha fit-testi evanġeliċi, mhumiex dawk biss li jemmnu f’Ġesù, imma dawk li jsegwuh, li jridu jirċievu t-tagħlim tal-Imgħallem u jiddedikaw ruħhom għall-opra tiegħu. U Ġesù jimpenjahom fil-missjoni tiegħu. Skont Luqa, propju f’din iċ-ċirkostanza Ġesù jgħid dan il-kliem: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit” (10, 2). Huwa hekk jindika li, skont ħsiebu, marbut mal-esperjenza tal-ewwel ministeru, in-numru tal-ħaddiema kien żgħir wisq. U dan ma kienx biss għal dak iż-żmien, imma għaż-żmenijiet kollha, ukoll għal żmienna, li fih il-problema saret gravi b’mod partikolari. Hemm bżonn li aħna niffaccjawha billi nħossuna stimolati u fl-istess ħin imsabbra minn dak il-kliem, u – kważi wieħed jgħid – minn dik il-ħarsa ta’ Ġesù fuq l-oqsma fejn jinħtieġu ħaddiema għall-qamh li jrid jinħasad. Ġesù ta l-eżempju bl-inizjattiva tiegħu li wieħed jistà jsejħilha riklam “vokazzjonali”: Bagħat tnejn u sebgħin dixxiplu barra t-Tnax –il Appostlu.

4. Skont il-Vanġelu, Ġesù jagħti lit-72 dixxiplu missjoni tixbaħ lil dik tat-Tnax: is-dixxipli jiġu mibgħuta biex ixandru l-miġja tas-saltna ta’ Alla: huma jiżvolġu din il-predikazzjoni f’isem Kristu, bl-awtorità tiegħu: “Min jismà lilkom jismà lili, min imaqdar lilkom imaqdar lili. U min imaqdar lili imaqdar lil Dak li bagħtni” (Lq 10, 16). Id-dixxipli jirċievu, bħat-Tnax (cf. Mk 6, 7; Lc 9, 1), il-poter li jkeċċu l-ispirti ħżiena, tant li, wara l-ewwel esperjenzi jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ukoll ix-xjaten ibaxxu rashom għalina f’ismek”. Dan il-poter jiġi mwettaq minn Ġesù nnifsu: “Jien rajt lil Satana jaqà mis-sema bħal sajjetta. Hekk hu, jiena tajtkom il-qawwa li timxu fuq is-sriep u fuq kull ħaġa tal-għadu…” (Lq 10, 17-19). Għalihom dan huwa wkoll sehem flimkien mat-Tnax fl-opra redentriċi tal-uniku saċerdot tal-Patt il-Ġdid, Kristu, li ried jagħti wkoll lilhom missjoni u poteri jixbħu lil dawk tat-Tnax. L-istituzzjoni tal-Presbiterjat, għalhekk, ma tweġibx biss għal bżonn prattiku tal-Isqfijiet, li jħossu l-bżonn tal-kollaboraturi, imma ġejja minn intenzjoni ċara ta’ Kristu.

5. Fil-fatt, insibu li diġa fl-ewwel żminijiet insara l-Presbiteri (presbyteroi) kienu preżenti u kellhom funzjoni fil-Knisja tal-Appostli u tal-ewwel Isqfijiet suċċessuri tagħhom (cf. At 11, 30; 14, 23; 15, 2. 4. 6. 22. 23. 41; 16, 4; 20, 17; 21, 18; 1 Tm 4, 14; 5, 17. 19; Tt 1, 5; Ġk 5, 14; 1 Pt 5, 1. 5; 2 Ġw 1; 3 Ġw 1). Mhux dejjem huwa faċli tiddistingwi f’dawn il-kotba neotestamentarji il-“Presbiteri” mill-“Isqfijiet” minħabba d-dmirijiet lilhom mogħtija, imma f’qasir żmien dehru jieħdu forma, diġa fil-Knisja tal-Appostli, iż-żewġ kategoriji ta’ sehem fil-missjoni u fis-saċerdozju ta’ Kristu, li mbagħad isibu posthom u jispeċifikaw ruħhom aħjar fl-opri tal-kittieba subapostoliċi (bħal fl-Ittra lill-Konintin tal-Papa Klement, l-Ittri ta’ San Injazju ta’ Antijokja, ir-Ragħaj ta’ Erma, eċċ.), sakemm fil-lingwaġġ  mifrux fil-Knisja f’Ġerusalem, f’Ruma u fil-komunitajiet l-oħra tal-Lvant u tal-Punent, nispiċċaw biex nirriservaw l-isem ta’ Isqof lill-kap u ragħaj uniku fil-komunità, waqt li dak ta’ Presbiteru huwa speċifikat ministru li jopera  b’dipendenza tal-Isqof.

6. Fuq il-linji tat-tradizzjoni nisranija u bi qbil mar-rieda ta’ Kristu ċċertifikata fit-Testment il-Ġdid, il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar il-Presbiteri bħala ministri li ma jippossedux l-“quċċata tas-sacerdozju” u, fl-eżerċizzju tal-awtorità tagħhom, jiddependu mill-Isqfijiet, imma minn banda oħra, huma marbutin magħhom “fl-unur saċerdotali” (Lumen gentium, 28; cf. CCC 1564). Din ir-rabta ssib għeruqha fis-sagrament tal-Ordni Sagri: “Il-funzjoni tal-Presbiteri, ladarba marbuta b’mod strett mal-Ordni episkopali, (Presbyterorum ordinis, 2; cf. CCC 1563). Ukoll il-Presbiteri jġibu fihom ix-“Xbiha ta’ Kristu, Saċerdot il-Kbir u Etern” (Lumen gentium, 28). Huma mela jipparteċipaw fl-awtorità pastorali ta’ Kristu: u hija din in-nota speċifika tal-ministeru tagħhom, imsejsa fuq is-sagrament tal-Ordni Sagri li tigi lilhom mogħtija. Bħal ma naqraw fid-digriet Presbyterorum ordinis, “is- saċerdozju tal-Presbiteri, ukoll waqt li nassumu s-Sagramenti tal-bidu kristjan, jiġi mogħti minn dak is-sagrament partikolari li għalih il-Presbiteri, bis-saħħa tad-dlik tal-Ispirtu Santu, huma mmarkati minn karattru speċjali li jikkostitwixxihom ma’ Kristu Saċerdot, b’mod li jistgħu jaġixxu f’isem u fil-persuna ta’ Kristu, Kap” (Presbyterorum ordinis, 2; cf. CCC 1563). Tali karattru, mogħti mad-dlik sagramentali tal-Ispirtu Santu, f’dawk li jirċevuh huwa sinjal:  ta’ konsagrazzjoni iktar speċjali, meta tqabbilha mal-Magħmudija u mal-Griżma tal-Isqof; ta’ konfigurazzjoni iktar profonda ma’ Kristu Saċerdot, li tagħmilhom ministri attivi, fil-kult uffiċċjali lil Alla u fil-qdusija tal-aħwa; tal-poteri ministerjali li għandhom iwettqu f’isem Kristu, Kap u Ragħaj tal-Knisja (cf. CCC 1581-1584).

7. Il-Karattru huwa wkoll sinjal u mutur fir-ruħ tal-Presbiteru tal-grazzji speċjali għall-eżerċizzju tal-ministeru, marbutin mal-grazzja santifikanti li l-Ordni Sagri  jinvolvi bħala sagrament, kemm fil-waqt tal-għoti, kif ukoll fl-eżerċizzju u fl-iżvilupp kollu tiegħu fil-ministeru. Dan mela jiġbor u jinvolvi l-Presbiteru f’ekonomija ta’ qdusija, li l-istess ministeru jinvolvi favur kemma min jeżerċitah, kif ukoll ta’ u fl-attivitajiet l-oħra mwettqa mir-rgħajja tagħhom kollha infatti tirċievi l-frott tal-qdusija operata mill-ministeru tal-Presbiteri-Rgħajja: kemm ta’ dawk dijoċeżani, kif ukoll ta’ dawk li,  bi kwalunkwè titolu u fi kwalunkwè forma, bl-Ordni Sagri riċevut, jiżvolġu l-attività tagħhom f’għaqda mal-Isqof Dijoċeżan u mas-suċcessuri ta’ Pietru.

8. L-ontoloġija profonda tal-konsagrazzjoni tal-Ordni Sagri u d-dinamiżmu tal-qdusija li din tinvolvi fil-ministeru jeskludu bla ebda dubju kull interpretazzjoni sekolarizzanti tal-ministeru presbiterjali, bħallikieku l-Presbiteru kien sempliċement iddedikat lill-istawrazzjoni tal-ġustizzja jew għat-tixrid tal-imħabba fid-dinja. Il-Presbiteru huwa ontoloġikament parteċipi tas-Saċerdozju ta’ Kristu, verament ikkonsagrat, “bniedem tas-sagru”, deputat bħal Kristu għall-kult li jitlà lejn il-Missier u għall-missjoni evangelizzatriċi li biha jxerred u jqassam l-affarijiet sagri – il-verità, il-grazzja ta’ Alla – -lill-aħwa. Din hija l-vera identità saċerdotali, din l-esiġenza essenzjali tal-ministeru saċerdotali ukoll fid-dinja tallum.

Miġjub mit-Taljan għall-Mali minn Emanuel Zarb