57. Is-Saċerdoti jqaddsu permezz tas-Sagramenti

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 05/05/1993.

1. Waqt li nitkellmu dwar il-missjoni tal-Presbiteri, diġa rajna kif, fis-Sagramenti u permezz tas-Sagramenti, huwa possibbli li wieħed jgħaddi lill-fidili struzzjoni metodika u effikaċi dwar il-Kelma ta’ Alla u dwar il-misteru tal-fidwa.

Infatti, il-missjoni evanġelizzatriċi tal-Presbiteru hija marbuta b’mod essenzjali mal-misteru ta’ qdusija permezz tas-Sagramenti (cf. CCC 893). Il-ministeru tal-Kelma ma jistax jieqaf fl-effett immedjat biss u propju tal-kelma. L-evanġelizzazzjoni hija l-ewwel minn dawk l-“isforzi apostoliċi” li, skont il-Konċilju, “huma ordnati biex jagħmlu iva li kulħadd, wara li sirna wlied Alla permezz tal-fidi u l-Magħmudija, ninġabru flimkien, infaħħru lil Alla fi ħdan il-Knisja, nieħdu sehem fis-Sagrifiċċju u nieklu ċ-Ċena tal-Mulej” (Sacrosanctum Concilium, 10). U is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 kien sostna li “il-ministeru tal-Kelma, jekk mifhum b’mod rett iwassal għas-Sagramenti u għall-ħajja nisranija, bħal ma tiġi migħuxa b’mod prattiku fil-komunità viżibbli tal-Knisja fid-dinja”  (cf. Ench. Vat. 4, 1179). Kull tentattiv ta’ tnaqqis tal-ministeru saċerdotali fil-predikazzjoni biss jew tat-tagħlim jonqos li japprezza aspett fundamentali ta’ dan il-ministeru. Diġa l-Konċilju ta’ Trentu kien irrifjuta l-proposta li twassal li s-saċerdozju jikkonsisti biss fil-ministeru tal-predikazzjoni tal-Vanġelu (cf. Denz. 1771). La darba xi wħud, ukoll riċentement, faħħru b’mod wisq unilaterali l-ministeru tal-Kelma, is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 enfasizza l-allejanza indissolubbli bejn il-Kelna u s-Sagramenti. “Difatti – dan jgħid – is-Sagramenti jiġu ċċelebrati b’rabta mal-proklamazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u hekk jiżviluppaw il-fidi, waqt li jikkollaborawha permezz tal-grazzja. Is-Sagramenti ma jistgħux, għalhekk, jiġu sottovalutati, għaliex permezz tagħhom, il-Kelma tasal għall-effett tagħha l-iktar sħiħ, jiġifieri għall-komunjoni mal-misteru ta’ Kristu” (cf. Ench. Vat. 4, 1180).

2. Dwar dan il-karattru unitarju tal-missjoni evanġelizzatriċi u tal-ministeru sagramentali s-Sinodu ma ħasibhiex li jgħid li diviżjoni bejn l-evanġelizzazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti “taqsam il-qalb tal-Knisja nfisha sal punt li tqiegħed fil-periklu l-fidi” (cf. Ench. Vat. 4, 1181). Is-Sinodu, madankollu, jagħraf li fl-applikazzjoni konkreta tal-prinċipju tal-unità jistà jkun hemm modi differenti għal kull saċerdot, “minħabba li l-eżerċizzju tal-ministeru saċerdotali  jeħtieġ spiss li jassumi forom differenti, biex ikun jistà jwieġeb aħjar għall-sitwazzjonijiet partikolari jew ġodda, li fihom ikun hemm bżonn ix-xandir tal-Vanġelu” (cf. Ench. Vat. 4, 1182). Applikazzjoni għarfa tal-prinċipju tal-unità għandu jqis sewwa l-kariżmi li kull Presbiteru rċieva. Jekk xi wħud għandhom talenti partikolari għall-predikazzjoni jew it-tagħlim, jeħtieġ li jiġu sfruttati għall-ġid tal-Knisja. Huwa utli li hawn infakkru l-każ ta’ San Pawl, li, minkejja li konvint mill-bżonn tal-Magħmudija u billi wkoll kien, xi drabi, amministra tali sagrament, kien iqis lilu nnifsu xejn inqas bħala mibgħut għall-predikazzjoni tal-Vanġelu, u kien jiddedika l-enerġiji tiegħu qabel kollox għal din il-forma ta’ ministeru (cf. 1 Kor 1, 14. 17). Imma fil-predikazzkoni tiegħu ma kienx jitlef minn quddiem għajnejh l-opra essenzjali tal-kostruzzjoni tal-komunità (cf. 1 Kor 3, 10), li għaliha din għandha sservi. Dan ifisser li wkoll illum, bħal dejjem fl-istorja tal-ministeru pastorali, l-allokazzjoni tax-xogħol tistà twassal biex tqiegħed l-aċċent fuq il-predikazzjoni jew fuq il-kult u s-Sagramenti, skont il-ħila tal-persuni u tal-valutazzjoni tas-sitwazzjonijiet. Imma ma tistax tqiegħed fid-dubju li għall-Presbiteri l-predikazzjoni u t-tagħlim, ukoll fl-ogħla livelli akkademiċi u xjentifiċi, għandhom dejjem jikkonservaw skop ta’ servizz lill-ministeru ta’ qdusija permezz tas-Sagramenti.

3. Hu x’inhu, mhemmx x’wieħed jgħid dwar il-missjoni mportanti ta’ qdusija afdata lill-Presbiteri, li jistgħu jiżvolġuha b’mod speċjali ful-ministeru tal-kult u tas-Sagramenti. Bla dubju din hi opra mwettqa qabel kollox minn Kristu, bħal ma jinnota s-Sinodu tal-1971: “Il-fidwa li topera ruħha permezz tas-Sagramenti ma tiġix minna, imma tinżel mingħand Alla, u dan juri il-primat tal-azzjoni ta’ Kristu, uniku Saċerdot u Medjatur, f’ġismu, li huwa l-Knisja” (cf. Ench. Vat. 4, 1187; cf. ukoll l-Eżortazzjoni apostolika Postsinodali Pastores dabo vobis, 12). Fl-ekonomija feddejja preżenti, madankollu, Kristu jisserva bil-ministeru tal-Presbiteri biex jattwa l-qdusija ta’ dawk li jemmnu (cf. Presbyterorum Ordinis, 5). Waqt li jaġixxi f’isem Kristu, il-Presbiteru jilħaq l-effettivita tal-azzjoni sagramentali permezz tal-Ispirtu Santu, Spirtu ta’ Kristu, bidu u sors tal-qdusija tal-“ħajja l-ġdida”. Il-ħajja l-ġdida li, permezz tas-Sagramenti, il-Presbiteru jqanqal, jitmà, isewwi, ikabbar, hija ħajja ta’ fidi, ta’ tama u ta’ mħabba. Il-fidi hija d-don divin fundamentali: “Minn dan wieħed jiddeduċi b’mod ċar l-importanza kbira tat-tħejjija u tad-dispożizzjoni għall-fidi għal dak li jirċievi s-Sagramenti; minn dan wieħed jifhem ukoll il-bżonn tax-xhieda tal-fidi min-naħa tal-Presbiteru tul ħajtu kollha, imma b’mod speċjali fil-mod kif jivvaluta u kif jiċċelebra l-istess Sagramenti” (cf. Ench. Vat. 4, 1188). Il-fidi kkomunikata minn Kristu permezz tas-Sagramenti takkumpanja immankabilment b’“tama ħajja” (1 Pt 1, 3), li tixħet fir-ruħ tal-fidili dinamiżmu qawwi ta’ ħajja spiritwali, impetu lejn “il-ħwejjeġ t’hemm fuq” (Kol 3, 1-2). Mill-banda l-oħra, il-fidi “tirrendi operanti permezz tal-imħabba” (Gal 5, 6), l-imħabba tal-karità, li tfawwar mill-qalb tas-Salvatur u tiġri fis-Sagramenti biex tifrex lilha nfisha lill-eżistenza nisranija kollha.

4. Il-ministeru sagramentali tal-Presbiteri huwa mela mżejjen b’fertilità divina. Dan fakkru sewwa l-Konċilju. Hekk, bil-Magħmudija, il-Presbiteri “jintroduċu lill-bnedmin mal-Poplu ta’ Alla” (PO 5): u huma mela responsabbli mhux biss għal esekuzzjoni denja tar-rit, imma wkoll bi tħejjija tajba għalih, bil-formazzjoni tal-adulti għall-fidi, u, għat-tfal, bl-edukazzjoni tal-familja biex tikkopera fil-ġrajja. Barra minn dan, “fl-ispirtu ta’ Kristu Ragħaj, huma jgħallmu wkoll biex jissottomettu b’qalb niedma d-dnubiet tagħhom lill-Knisja fis-Sagrament tal-Penitenza, biex hekk ikunu jistgħu jikkonvertu, kuljum iktar, lill-Mulej waqt li jiftakru kliemu: “Agħmlu penitenza sabiex tqarrbu lilkom infuskom lejn is-saltna tas-smewwiet” (Mt 4, 17)” (PO 5). Għalhekk ukoll il-Presbiteri jridu jgħixu b’mod personali fl-atteġġjament ta’ bnedmin li jagħrfu dnubiethom u l-bżonn tal-maħfra tagħhom, f’komunjoni ta’ umiltà u penitenza mal-fidili. Huma jistgħu hekk b’mod iktar effikaċi juru l-kobor tal-ħniena divina u jagħtu konfort ċelesti, flimkien mal-maħfra, lil dawk li jħossuhom imtaqqlin bil-piż tal-ħtijiet. Fis-Sagrament taż-Żwieġ, il-Presbiteru huwa preżenti bħala responsabbli taċ-celebrazzjoni, waqt li jixhed il-fidi u waqt li jilqà l-kunsens min-naħa ta’ Alla, li huwa jirrapreżenta bħala ministru tal-Knisja. B’dan il-mod huwa jieħu sehem b’mod profond u vitali mhux biss għar-rit, imma għad-dimensjoni l-iktar profonda tas-saġrament. U fl-aħħarnett, bil-Griżma tal-Morda, il-Presbiteri “iserrħu lill-morda” (PO 5). Din hija missjoni ipprospettata minn San Ġakbu, li fl-Ittra tiegħu jgħallem: “Min hu marid isejjaħ għandu lill-Presbiteri tal-Knisja, u huma jitolbu fuqu, wara li jkunu dilkuh biż-żejt, f’isem il-Mulej” (Ġk 5, 14). Billi mela nafu li s-Sagrament tad-Dlik huwa ddestinat biex “iserraħ” u biex iwassal purifikazzjoni u qawwa spiritwali, il-Presbiteru se jħoss il-bżonn li jimpenja ruħu u jagħmel iva li l-preżenza tiegħu tittrażmetti lill-marid il-ħniena effikaċi ta’ Kristu u tirrendi xhieda għat-tjubija ta’ Ġesù għall-morda, li għalihom iddedika parti sewwa tal-missjoni evanġelika tiegħu.

5. Dan id-diskors dwar id-dispożizzjonijiet li bihom għandu jġib lilu nnifsu li jersaq għas-sagramenti, waqt li jiccelebrahom b’għarfien u spirtu ta’ fidi, se jkollu t-twettiq tiegħu fil-katekeżi li se niddedikaw, jekk Alla jogħġbu, lis-Sagramenti. Fil-katekeżi li jmiss se nittrattaw aspett ieħor tal-missjoni tal-Presbiteru fil-ministeru sagramentali: il-kult ta’ Alla, li jiżvolġi ruħu b’mod speċjali fl-Ewkaristija.

Ngħiduha minn issa li dan huwa l-element l-iktar importanti tal-funzjoni ekkleżjali tiegħu, ir-raġuni ewlenija tal-ordinazzjoni tiegħu, l-iskop li jagħti sens u ferħ lil ħajtu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: