59. Is-Saċerdot huwa Ragħaj għall-Komunità


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 19/05/1993.

1. Fil-katekeżi preċedenti spjegajna d-dmir tal-Presbiteri bħala koperaturi tal-Isqfijiet fl-isfera tal-maġisteru (tgħallem) u tal-ministeru sagramentali (tqaddes).

Illum se nitkellmu dwar il-koperazzjoni tagħhom fit-tmexxija pastorali tal-komunità. Hija għall-Presbiteri, bħal ma hi għall-Isqfijiet, parteċipazzjoni fit-tielet aspett tal-munus triplu ta’ Kristu (profetiku, saċerdotali, irjali): rifless tas-sommu saċerdozju ta’ Kristu, uniku Medjatur bejn il-bnedmin u Alla, uniku Mgħallem, uniku ragħaj. Fil-prospettiva ekkleżjali id-dmir pastorali jikkonsisti prinċipalment fis-servizz tal-unità, jiġifieri fl-assikurazzjoni tal-għaqda tal-ġisem ta’ Kristu, li huwa l-Knisja (Pastores dabo vobis, 16).

2. F’din il-prospettiva, il-Konċilju jgħid li, “waqt li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Kristu, Kap u Ragħaj, għall-parti tal-awtorità li tmiss lilhom, il-presbiteri, f’isem l-Isqof, jiġbru flimkien il-familja ta’ Alla bħala fraternità animata fl-għaqda, u jwassluha għand il-Missier permezz ta’ Kristu fl-Ispirtu Santu” (Presbyterorum ordinis, 6). Dan huwa l-iskop essenzjali tal-azzjoni tagħhom bħala rgħajja u tal-awtorità li tiġi mogħtija lilhom biex jeżerċitawha fil-livell ta’ responsabiltà tagħhom: imexxu għall-iżvilupp sħiħ tagħha ta’ ħajja spiritwali u ekkleżjali l-komunità afdata lilhom. Din l-awtorità, il-presbiteru-ragħaj għandu jeżerċitaha waqt li jikkonferma ruħu mal-mudell ta’ Kristu-ragħaj it-tajjeb, li ma riedx jimponiha permezz tal-isfurzar estern, imma billi jifforma l-komunità permezz tal-azzjoni nterna tal-Ispirtu. Huwa fittex li jikkomunika l-imħabba mħeġġa tiegħu fil-grupp tad-dixxipli u f’dawk kollha li jilqgħu l-messaġġ tiegħu, biex jagħti ħajja lill-“komunità t’imħabba”, li fil-waqt opportun ikkostitwixxa wkoll b’mod viżibbli bħala Knisja. Bħala koperaturi tal-Isqfijiet, suċċessuri tal-Appostli, il-presbiteri wkoll iwettqu l-missjoni tagħhom fil-komunità viżibbli billi janimawha bil-karità, sabiex tgħix bl-Ispirtu ta’ Kristu.

3. Din hija esiġenza inerenti għall-missjoni pastorali, li għaliha l-animazzjoni mhix imqanqla minn xewqat u opinjonijiet personali tal-presbiteru, imma mid-dutrina tal-Vanġelu, bħal ma jgħid il-Konċilju: “Fit-trattament tal-bnedmin, (il-presbiteri) m’għandhomx jirregolaw ruħhom skont il-gosti tagħhom, imma skont l-esiġenzi tad-dutrina u tal-ħajja nisranija” (Presbyterorum ordinis, 6).

Il-presbiteru għandu r-responsabiltà tal-funzjonament organiku tal-komunità, dmir li għat-twettiq tiegħu hija pparteċipata lilu mill-Isqof l-awtorità meħtieġa. Imiss lilu li jassikura l-iżvolġiment armonjuż tad-diversi servizzi li huma ndispensabbli għall-ġid ta’ kulħadd: li jsib il-kollaborazzjonijiet adegwati għal-liturġija, il-katekeżi, is-sosten spiritwali tal-miżżewġin; li jiffavorixxi l-iżvilupp tad-diversi assoċjazzjonijiet jew “movimenti” spiritwali u apostoliċi fl-armonija u fil-kollaborazzjoni; li jorganizza għajnuna karitatevoli għal dawk fil-bżonn, għall-morda, għall-emigranti. Fl-istess ħin, huwa jrid jassikura u jippromwovi l-għaqda tal-komunità mal-Isqof u mal-Papa.

4. Id-dimensjoni komunitarja tal-kura pastorali, però, ma tistax tittraskura il-bżonnijiet tal-fidili individwali. Bħal ma naqraw fil-Konċilju. “imiss lis-saċerdoti fil-kwalità tagħhom ta’ edukaturi fil-fidi, li jieħdu ħsieb, personalment jew permezz ta’ oħrajn, li kull wieħed mill-fidili ikun immexxi, fl-Ispirtu Santu, biex jiżviluppa il-vokazzjoni speċifika propja skont il-Vanġelu, biex jipprattika karità sinċiera u operanti, biex jeżerċita dik il-libertà li biha Kristu ħelisna”(Ivi). Il-Konċilju jenfasizza l-bżonn li kull fidil ikun mgħejjun biex jiskopri l-vokazzjoni speċifika tiegħu, bħala dmir propju u karatteristiku tar-ragħaj li jrid jirrispetta u jippromwovi l-personalità ta’ kull wieħed. Wieħed jistà jgħid li Ġesù stess, Ragħaj tajjeb li “jsejjaħ lin-nagħaġ tiegħu waħda waħda” b’leħen minnhom magħruf sewwa (cf. Ġw 10, 3-4), stabbilixxa bl-eżempju tiegħu l-ewwel kanone tal-pastorali ndividwali: l-għarfien u r-realazzjoni ta’ ħbiberija mal-persuni. Imiss lill-Presbiteru li jgħin lil kull wieħed biex juża sewwa d-don, u wkoll li jeżerċita b’mod rett il-libertà li tiġi mill-fidwa ta’ Kristu, bħal ma jirrakkomanda San Pawl (cf. Gal 4, 3; 5, 1. 13).

Kollox għandu jkun orjentat għall-prattika ta “karità sinċiera u operanti”. Dan ifisser li “l-insara għandhom ikunu edukati biex jgħixu mhux b’mod egoist, imma skont l-esiġenzi tal-liġi l-ġdida tal-karità, li trid li kull wieħed jamministra favur il-proxxmu il-qies tal-grazzja li rċieva, u li b’tali mod kulħadd iwettaq b’mod nisrani d-dmirijiet tiegħu fil-komunità umana” (Presbyterorum ordinis, 6). Għalhekk terġà tidħol fil-missjoni tal-Presbiteru li jiftakar d-dmirijiet tal-karità, juri l-applikazzjoni tal-karità għall-ħajja soċjali; jiffavorixxi klima ta’ għaqda, fir-rigward tad-differenzi; jistimola inizjattivi u opri ta’ karità, li għalihom jinfetħu għall-fidili kollha possibiltajiet kbar, b’mod speċjali bl-impetu l-ġdid meħud mill-volontarjat, ipprattikat b’mod magħruf bħala użu tajjeb tal-ħin liberu u, f’bosta każi, bħala għażla ta’ ħajja.

5. Ukoll personalment il-Presbiteru huwa msejjaħ biex jimpenja ruħu fl-opri tal-karità, kultant ukoll f’forom straordinarji, bħal ma seħħ fl-istorja u jseħħ ukoll illum. Hawn nixtieq nenfasizza b’mod speċjali dik il-karità aempliċi, regolari, kważi modesta imma kostanti u ġeneruża, li li tidher mhux f’opri  konspikwi – li għalihom mhux kulħadd għandu t-talenti u l-vokazzjoni – imma fl-eżerċizzju tat-tjubija ta’ kuljum li jgħin, isostni, jsabbar, fil-qies li huwa possibbli għal kull wieħed. Huwa ċar li l-attenzjoni ewlenija, u wieħed jistà jgħid il-preferenza, għandha tkun għall-“foqra u dawk l-iktar dgħajfa, li l-evanġelizzazzjoni tagħhom hija murija bħala sinjal tal-opra messjanika” (Ivi); għall-“morda u għall-moribondi”, li l-presbiteru għandu jkollu l-qalb ukoll “li jżurhom u jsabbarhom fil-Mulej” (Presbyterorum ordinis, 6), għaż-“żgħażagħ li għandhom ikunu segwiti b’kura partikolari”; u hekk ukoll għall-“miżżewġin u l-ġenituri” (Ivi). Liż-żgħażagħ, b’mod speċjali, li huma t-tama tal-Komunità, il-Presbiteru għandu jiddedika ħinu, l-enerġiji tiegħu, il-ħiliet tiegħu, biex jiffavorixxi l-edukazzjoni nisranija u l-maturazzjoni fl-impenn ta’ koerenza mal-Vanġelu.

Il-Konċilju jirrakkomanda ukoll lill-presbiteru “il-Katekumeni u n-novizzi, li għandom jiġu edukati b’mod gradwat fl-għarfien u fil-prattika tal-ħajja nisranija” (Ivi).

6. Fl-aħħarnett jeħtieġ li niġbdu l-attenzjoni għall-bżonn li nissuperaw kull linja ta’ viżjoni ristretta żżejjed tal-komunità lokali, kull atteġġjament partikolaristiku, u kif jgħiduha, parrokkjali, biex minflok nitimgħu l-ispirtu komunitarju li jaf jiftaħ lilu nnifsu fuq l-orizzonti tal-Knisja universali. Ukoll meta l-Presbiteru għandu jiddedika ħinu u l-urġenzi tiegħu għall-komunità lokali li ġiet afdata lilu, bħal ma hu l-każ speċjalment tal-kappillani u tal-kollaboraturi diretti tagħhom, id-dispożizzjoni tiegħu għandha żżomm ruħha miftuħa għall-“ħaddiema” ‘il hemm mill-fruntieni kollha, kemm bħala dimensjoni universali tal-ispirtu, kif ukoll bħala parteċipazzjoni personali għad-dmirijiet missjunarji tal-Knisja, u wkoll bħala żelu fil-promozzjoni tal-kollaborazzjoni tal-komunità tiegħu bl-għajnuniet spiritwali u materjali meħtieġa (Redemptoris missio, 67; Pastores dabo vobis, 32).

“Bis-saħħa tas-sagrament tal-Ordni Sagri – jiddikjara l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – is-Saċerdoti jipparteċipaw fid-dimensjoni afdata minn Kristu lill-Appostli. “Id-don spiritwali li… rċivew fl-ordinazzjoni ma jħejjihomx għal missjoni limitata u ristretta,  imma għal missjoni ta’ fidwa vastissma u universali, sa truf l-art” (Presbyterorum ordinis, 10), “lesti fi qlubhom biex jippridkaw kullimkien il-Vanġelu” (Optatam totius, 20)” (Catechismo della Chiesa Cattolica, 1565).

7. Hu x’inhu, kollox jirreferi għall-Ewkaristija, li fiha hemm il-prinċipju vitali tal-animazzjoni pastorali. Bħal ma jgħid il-Konċilju, “mhux possibbli li tifforma ruħha komunità nisranija jekk ma jkollhiex bħala għeruq u bħala pedament iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija Sagra, li minnha għandha tieħu kwalunkwè edukazzjoni li timmira biex tifforma l-ispirtu ta’ komunità (Presbyterorum ordinis, 6). L-Ewkaristija hija s-sors tal-unità u l-espressjoni l-iktar perfetta tal-għaqda tal-membri kollha tal-komunità nisranija. Huwa dmir tal-Presbiteri li jipprovdu li tkun hekk b’mod effettiv. Sfortunatament jiġri li ċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi ma jkunux, kultant, espressjonijiet ta’ unità. Kull wieħed jattendi b’mod iżolat, waqt li jinjora lill-oħrajn.  B’karità kbira pastorali, il-Presbiteri se jfakkru lil kulħadd it-tagħlim ta’ San Pawl: “Ladarba hemm ħobż wieħed, aħna, minkejja li aħna bosta, aħna ġisem wieħed: ilkoll infatti nieħdu sehem fl-uniku ħobż”, li “huwa komunjoni mal-ġisem ta’ Kristu” (1 Kor 10, 16-17). L-għarfien ta’ din l-għaqda fil-ġisem ta’ Kristu tistimola ħajja ta’ karità u ta’solidarjetà effettiva. L-Ewkaristija hija mela il-bidu vitali tal-Knisja bħal komunità tal-membri ta’ Kristu: li minnu tieħu l-ispirazzjoni, il-qawwa u d-dimensjoni l-animazzjoni pastorali.

Miġjub mit-Taljan għal-Malti minn Emanuel Zarb