60. Is-Saċerdozju jeħtieġ Qdusija Personali


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 26/05/1993.

1. It-tradizzjoni kollha nisranija, li toħroġ mill-Iskrittura Mqaddsa, titkellem dwar is-Saċerdot bħala “l-bniedem ta’ Alla”, bniedem ikkonsagrat lil Alla.

Homo Dei: hija definizzjoni valida għal kull nisrani, imma li San Pawl jindirizzaha b’mod partikolari lill-Isqof Timotju, dixxiplu tiegħu, waqt li jirrakkomandalu l-użu tal-Iskrittura Mqaddsa  (cf. 2 Tm 3, 16). Din tixraq lill-Presbiteru daqskemm lill-Isqof, minħabba l-konsagrazzjoni speċjali tiegħu lil Alla. Biex ngħidu s-sewwa, diġa fil-Magħmudija jkollu konsagrazzjoni ewlenija u fundamentali tal-persuna, b’ħelsien mill-ħażen u dħul fi stat ta’ appartenenza ontoloġika u psikoloġika lil Alla (Summa theologiae, II-II, q. 81, a 8). L-Ordinazzjoni saċerdotali twettaq u tapprofondixxi dan l-istat ta’ konsagrazzjoni, bħal ma fakkar is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971, billi rrifera għas-saċerdozju ta’ Kristu pparteċipat lill-Presbiteru permezz tad-dlik tal-Ispirtu Santu  (Enchiridion Vaticanum, IV, 1200-1201.

Is-Sinodu hawn reġà qabad id-duttrina tal-Konċilju Varikan II li, wara li kien fakkar lill-Presbiteri d-dmir li jimmiraw għall-perfezzjoni bis-saħħa tal-“konsagrazzjoni battiżimali, kien żied: “Is-saċerdoti huma obbligati b’mod speċjali li jimmiraw għal din il-perfezzjoni, minħabba li huma – li rċivew konsagrazzjoni ġdida lil Alla permezz tal-Ordinazzjoni – jiġu mgħollija għal-kondizzjoni ta’ strumenti ħajjin ta’ Kristu Saċerdot Etern, biex ikomplu fiż-żmien l-opra tal-għaġeb tiegħu li  rkuprat b’effikaċja divina l-ġeneru uman kollu kemm hu” (Presbyterorum ordinis, 12). Din kienet ukoll ir-rakkomandazzjoni ta’ Piju XI fl-Enċiklika Ad catholici sacerdotii, tal-20 ta’ Diċembru 1935 (AAS 28 [1936] 10).

Skont il-fidi tal-Knisja, mal-Ordinazzjoni Saċerdotali ma tiġix mela mogħtija biss missjoni ġdida fil-Knisja, ministeru, imma “konsagrazzjoni” ġdida tal-persuna, marbuta mal-karattru ttimbrat tas-sagrament tal-Ordni Sagri, bħala sinjal spiritwali u ma jitħassarx ta’ appartenenza speċjali lil Kristu fli jkun u, konsegwentement, fl-aġir. Fil-Presbiteru l-esiġenza tal-perfezzjoni hija mela proporzjonata mal-parteċipazzjoni tas-saċerdozju ta’ Kristu bħala awtur tal-Fidwa: il-ministru ma jistax jevadi milli jirriproduċi fih is-sentimenti, it-tendenzi ntimi u l-intenzjonijiet, l-ispirtu ta’ sagrifiċċju lill-Missier u ta’ servizz lill-aħwa li propju huwa tal-“Aġent ewlieni”.

2. Tirriżulta fil-Presbiteru speċi ta’ sinjorija tal-grazzja, li lilu ttih li jgawdi mill-unjoni ma’ Kristu u fl-istess ħin li jkun iddedikat għas-servizz pastorali tal-aħwa. Bħal ma jgħid il-Konċilju, ladarba s-Saċerdot, “fil-mod li huwa tiegħu propju, jaġixxi f’isem u fil-persuna ta’ Kristu nnifsu,  jibbenefika wkoll minn grazzja speċjali, li bis-saħħa tagħha, waqt li jkun għas-servizz tan-nies afdati lilu u tal-poplu kollu ta’ Alla, huwa jkun jistà jersaq b’mod iktar effikaċi lejn il-perfezzjoni ta’ Dak li tiegħu huwa r-rappreżentant, u d-dgħufija tan-natura umana tiġi rimedjata bil-qdusija ta’ Dak li għalina sar “pontefiċi qaddis, innoċenti, bla tebgħa, mifrud mill-midimbin” bħal ma tgħid l-Ittra lil-Lhud (Eb 7, 26)” (Presbyterorum ordinis; 12; Pastores dabo vobis, 20). F’tali kondizzjoni l-Presbiteru huwa miżmum ma’ imitazzjoni ta’ Kristu Saċerdot speċjali, li hija frott tal-grazzja speċjali tal-Ordni Sagri: grazzja ta’ unjoni ma’ Kristi Saċerdot u Ostja u, bis-saħha ta’ din l-unjoni, grazzja ta’ servizz tajjeb lill-aħwa.

Għal dan il-għan huwa utli li niftakru l-eżempju ta’ San Pawl. Huwa kien jgħix ta’ appostlu konsagrat għal kollox, hu li kien ġie “mirbuħ minn Kristu Ġesù”, u kien ħalla kollox jintilef biex jgħix marbut miegħu. (cf. Fil 3, 7-12). Kien iħossu hekk mimli bil-ħajja ta’ Kristu li setà jgħid b’sinċerità: “Miniex jien li ngħix, imma huwa Kristu li jgħix fija” (Gal 2, 20). U bdanakollu wara li kien għamel referenza għal favuri straordinarji li kien irċieva bħala “bniedem ta’ Kristu” (2 Kor 12, 2), huwa kien żied li jbati minn xewka f’ġismu, ta’ prova li minnha ma kienx kiseb il-ħelsien. Minkejja domanda tripla ndirizzata lill-Mulej, kien semgħu jwieġbu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi: il-qawwa tiegħi nfatti turi l-milja tagħha fid-dgħufija” (2 Kor 12, 9).

Fid-dawl ta’ dan l-eżempju, il-Presbiteru jista jifhem aħjar li għandu jisforza lilu nnifsu biex jgħix b’mod sħiħ il-konsagrazzjoni propja waqt li jibqà magħqud ma’ Kristu u billi jħalli lilu nnifsu jkun ippenetrat mill-Ispirtu tiegħu, minkejja l-esperjenza tal-limiti umani propji tiegħu. Dawn mhumiex se jimpeduh milli jwettaq il-ministeru tiegħu, għaliex jibbenefika minn “grazzja li hija għalih biżżejjed”. Huwa mela f’din il-grazzja li l-Presbiteru għandu jqiegħed il-fiduċja tiegħu, lejha li għandu jirrikorri, billi jaf li hekk jistà jimmira għall-perfezzjoni bit-tama li jipprogredixxi dejjem iktar fil-qdusija.

3. Il-parteċipazzjoni fis-saċerdozju ta’ Kristu ma tistax ma tqanqalx fil-Presbiteru wkoll spirtu sagrifikali, speċi ta’ “pondus Crucis”, ta’ piż tas-Salib, li juri ruħu b’mod speċjali fil-mortifikazzjoni. Bħal ma jgħid il-Konċilju, “Kristu, li l-Missier qaddes u kkonsagra, billi bagħtu fid-dinja (cf. Ġw 10, 36), offra lilu nnifsu favur tagħna biex jifdina minn kull azzjoni ħażina… (Tt 2, 14). Bl-istess mod il-Presbiteri, ikkonsagrati bid-dlik tal-Ispirtu Santu u mibgħutin minn Kristu, jimmortifikaw fihom infushom l-opri tal-ġisem u jiddedikaw ruħhom għal kollox għas-servizz tal-bnedmin, u b’tali mod jistgħu jpprogredixxu fil-qdusija li biha ġew iddotati fi Kristu, sakemm jaslu għall-bniedem perfett” (Presbyterorum ordinis, 12).

Dan huwa l-aspett axxetiku tal-mixja tal-perfezzjoni, li fil-Presbiteru ma jistax ikun mingħajr caħdiet u mingħajr taqtigħat kontra kull xorta ta’ xewqat u xenqat li jġegħluh ifittex il-ġid ta’ din id-dinja, waqt li jikkompromettu l-progress intern tiegħu. Din hija t-“taqtigħa spiritwali” li ttrattaw l-imgħallma tal-axxesi, li timponi ruħha fuq kull segwaċi ta’ Kristu, imma b’mod speċjali fuq kull ministru tal-opra tas-Salib, imsejjaħ biex jirrifletti fih innifsu x-xbiha ta’ Dak li huwa “Sacerdos et hostia”.

4. Haġa ovvja li dejjem huma meħtieġa ftuħ u korrispondenza mal-grazzja li tiġi hija wkoll minn Dak li jqanqal “ir-rieda u l-opra” (Fil 2, 13), imma li jesiġi wkoll l-użu tal-mezzi ta’ mortifikazzjoni u ta’ dixxiplina tagħna nfusna, li mingħajrhom nibqgħu qisna art impenetrabbli. It-tradizzjoni axxetika dejjem indikat – u sa ċertu punt ippreskrivit – lill-Presbiteri bħala mezzi ta’ qdusija, b’mod speċjali ċ-ċelebrazzjoni konvenjenti tal-Quddiesa, ir-reċtar puntwali tal-Uffiċcju divin (li “m’għandux isir b’għaġġla” kif kien jirrakkomanda San Alfons M. de Liguori), il-vista lis-SS.Sagrament, il-prattika ta’ kuljum tar-Rużarju Mqaddes, tal-meditazzjoni, u dik perjodika tal-Penitenza sagramentali. Dawn il-mezzi għadhom ukoll issa validi u indispensabbli. Importanza speċjali għandha tingħata lis-sagrament tal-Penitenza (il-Qrar), li l-prattika tiegħu taġevola fil-Presbiteru l-formazzjoni ta’ xbiha realistika tiegħu stess, bl-għarfien konsegwenti li hu wkoll huwa bniedem fraġli u msejken, midneb fost il-midimbin, li jinħtieġ il-maħfra. Hekk huwa jilħaq il-“verità dwaru nnifsu” u jeduka ruħu biex jirrikorri b’mod fidiċjuż lejn il-ħniena divina (Reconciliatio et paenitentia, 13; Pastores dabo vobis, 26).

Barra minn dan għandna dejjem niftakru li, kif jgħid il-Konċilju, “il-Presbiteri jilħqu l-qdusija bil-mod propju tagħhom, jekk fl-ispirtu ta’ Kristu jeżerċitaw il-funzjonijiet propji b’impenn sinċier u instankabbli” (Presbyterorum ordinis, 13). Hekk, ix-xandir tal-Kelma jinkoraġġihom biex iwettqu fihom infushom dak li jgħallmu lill-oħrajn. Iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tqawwihom fil-fidi u fl-unjoni ma’ Kristu. It-totalità kollha tal-ministeru pastorali tiżviluppa fihom il-karità: “Waqt li jżommu u jirgħu l-Poplu ta’ Alla, il-Presbiteri jkunu stimolati mill-karità tar-Ragħaj it-Tajjeb biex jagħtu ħajjithom għall-merħla, lesti wkoll għas-sagrifiċċju suprem” (Presbyterorum ordinis, 13). L-ideal tagħhom ikun li jilħqu fi Kristu l-għaqda tal-ħajja, waqt li joperaw sintesi bejn talb u ministeru, bejn kontemplazzjoni u azzjoni, grazzi għat-tiftix kostanti tar-rieda tal-Missier u għad-don tiegħu nnifsu għall-merħla (Presbyterorum ordinis, 14).

5. Min-naħa l-oħra, huwa sors ta’ kuraġġ u ta’ ferħ għall-Presbiteru li jkun jaf li l-impenn personali ta’ qdusija jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-ministeru tiegħu. Infatti, “jekk inhu minnu, kif ifakkar il-Koncilju, li l-grazzja t’Alla tistà twettaq l-opra tal-fidwa ukoll permezz ta’ ministri li ma jixirqilhomx, dan iżda Alla, b’mod ordinarju, jippreferi juri l-kobor tiegħu permezz ta’ dawk li, waqt li jsiru iktar mallejabbli għat-tħeġġiġ u għad-direzzjoni tal-Ispirtu Santu, jistgħu jgħidu mal-Appostlu, grazzi għall-għaqda tagħhom intima ma’ Kristu u qdusija tal-ħajja: “Issa miniex iktar jien li ngħix, imma huwa Kristu li jgħix fija” (Gal 2, 20)” (Presbyterorum ordinis, 12).

Meta l-Presbiteru jagħraf li huwa msejjaħ biex iservi bħala strument ta’ Kristu, huwa jħoss il-bżonn li jgħix f’unjoni intima ma’ Kristu biex ikun strument validu  tal-“Aġent ewlieni”. Għalhekk ifittex li jirriproduċi fih innifsu l-“ħajja kkonsagrata” (sentimenti u virtujiet) tal-uniku u etern Saċerdot, li jaqsam miegħu mhux biss il-poter tiegħu, imma wkoll l-istat tiegħu ta’ oblazzjoni għat-twettiq tal-pjan divin. “Sacerdos et hostia”.

6. Se nikkonkludi bir-rakkomandazzjoni tal-Konċilju: “Dan is-Sinodu sagrosant, għall-ilħuq tal-iskopijiet pastorali tiegħu ta’ tiġdid intern tal-Knisja, tat-tixrid tal-Vanġelu fid-dinja kollha, iħeġġeġ b’mod ħaj lis-saċerdoti kollha biex jużaw il-meżżi effikaċi li l-Knisja rrakkomandat, sabiex jimmiraw għal dik il-qdusija dejjem ikbar li tippermettilhom li jsiru strumenti kuljum iktar validi għas-servizz tal poplu kollu ta’ Alla” (Presbyterorum ordinis, 12). Dan huwa l-kontribut l-iktar kbir li nistgħu inwasslu għall-bini tal-Knisja bħala bidu tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja.

Miġjub mit-Taljan għal-Malti minn Emanuel Zarb