Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tal-I ġimgħa tal-Avvent


Stampa t-test tal-qari …

L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
L-Erbgħa

QARI I
Sidi l-Mulej jagħmel għall-popli kollha mejda b’ikel fin u jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ.
Iż 25, 6-10a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

Dakinhar, jagħmel il-Mulej tal-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja,
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
Hu jċarrat minn fuq din il-muntanja
l-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
Jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.
0Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

R/. (6ċd): Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ara, il-Mulej ġej biex isalva lill-poplu:
henjin dawk li huma lesti biex jilqgħuh.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġesù fejjaq ħafna morda u qasam il-ħobż.
Mt 15, 29-37

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù mar ħdejn il-baħar tal-Galilija; tala’ fuq l-għolja u qagħad bilqiegħda hemm. U bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta’ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, persuni b’diżabbiltà, imbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom, hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-persuni b’diżabbiltà qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael.

Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq”. Qalulu d-dixxipli: “F’deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira?”. Ġesù staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir”. Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu