Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-III ġimgħa tal-Avvent (FP)


Stampa t-test tal-qari …

18 ta’ Diċembru

QARI I
Inqajjem lil David rimja ġusta.
Ġer 23, 5-8

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

“Araw, għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej –
meta nqajjem lil David rimja ġusta,
li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal
u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.
Fi żmienu Ġuda jkun salv,
u Iżrael jgħammar fiż-żgur.
U dan hu l-isem li jsejħulu:
Il-Mulej is-Sewwa tagħna.

Għalhekk: Arawhom, ġejjin jiem – oraklu tal-Mulej – meta ma jgħidux iżjed: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li tella’ ’l ulied Iżrael mill-art tal-Eġittu!”, imma: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, li tella’ u ħareġ in-nisel ta’ dar Iżrael mill-art tat-Tramuntana, u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom!” Imbagħad jistgħu jgħammru f’arthom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 71 (72), 2.12-13.18-19

R/. (ara 7): Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u s-sliem

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu,
u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu.
Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar;
il-ħajja tal-fqajrin isalva. R/.

Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,
li waħdu jagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Imbierek għal dejjem ismu msebbaħ;
timtela l-art kollha b’sebħu! Ammen! Ammen! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
O Mexxej tad-dar ta’ Iżrael,
li tajt il-liġi lil Mosè fuq is-Sinaj,
ejja ifdina bil-qawwa ta’ driegħek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ġesù jitwielded minn Marija, għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.
Mt 1, 18-24

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:
“Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El”,
li bi lsienna jfisser “Alla magħna”.

Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu