Qari tal-Quddies tas-Seba’ jum fl-Ottava tal-Milied

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

31 ta’ Diċembru
Is-Seba’ Jum fost l-Ottava tal-Milied

QARI I
Għandkom id-dilka mill-Qaddis u dan tafuh ilkoll.
1 Ġw 2, 18-21

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Uliedi, waslet l-aħħar siegħa. Smajtu li għandu jiġi l-antikrist. Issa, araw, ħafna antikristi ġa dehru minn issa. U minn dan nagħrfu li waslet l-aħħar siegħa. Dawn ħarġu minn fostna imma ma kinux minn tagħna; li kieku kienu minn tagħna kienu jibqgħu magħna. Għalhekk kien jeħtieġ li jkun magħruf li mhux kulħadd kien magħna. Intom, iżda, għandkom id-dilka mill-Qaddis u dan tafuh ilkoll. Ma ktibtilkomx bħallikieku ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u tafu wkoll li ebda qerq ma jitnissel mill-verità.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 95 (96), 1-2.11-12.13

R/. (11a): Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu!
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. R/.

Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kulma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kulma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk. R/.

Quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1, 14a.12a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Verb sar bniedem u għammar fostna.
Lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-Verb sar bniedem.
Ġw 1, 1-18

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Fil-bidu kien il-Verb,
u l-Verb kien ma’ Alla,
u l-Verb kien Alla.
Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
Kollox bih sar,
u xejn ma sar mingħajru;
kulma sar kellu l-ħajja fih,
u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.
Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl,
biex bih kulħadd jemmen.
Ġwanni ma kienx id-dawl,
imma ġie biex jixhed għad-dawl,
dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem,
huwa u ġej fid-dinja.
Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih,
imma d-dinja ma għarfitux.
Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.
Imma lil dawk li laqgħuh
tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla,
dawk li jemmnu f’ismu,
li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem,
u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

U l-Verb sar bniedem u għammar fostna,
u aħna rajna l-glorja tiegħu,
il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni,
mimli bil-grazzja u l-verità.
Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal:
“Dan hu li għalih għedtilkom:
Jiġi warajja, imma hu aqwa minni,
għax kien minn qabli”.
Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna,
grazzja fuq grazzja.
Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè
imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.
Lil Alla għadu ħadd ma rah;
imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla,
li hu fi ħdan il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading