63. Is-Saċerdoti għandhom irawmu fihom devozzjoni lejn Marija.


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 30/06/1993.

 Fil-bijografiji tas-Saċerdoti qaddisin insibu dejjem iddokumentatha il-parti kbira li huma attribwew lil Marija f’ħajjithom saċerdotali.

Mal-“ħajjiet miktuba” tirrifletti l-esperjenza tal-“ħajjiet migħuxa” ta’ tant għeżież u meqjuma Presbiteri li l-Mulej qiegħed bħala ministri tassew tal-grazzja divina f’nofs il-popolazzjonijiet afdati għall-kura pastorali tagħhom, jew bħala predikaturi, kappillani, konfessuri, professuri, kittieba. Id-diretturi u surmastrijiet tal-ispirtu jinsistu fuq l-importanza tad-devozzjoni lill-Madonna fil-ħajja tas-Saċerdot, bħala sosten effikaci fil-mixja ta’ qdusija, konfort kostanti fil-provi personali, enerġija qawwija fl-apostolat.

Ukoll is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 ttrażmetta dawn l-ilħna tat-tradizzjoni nisranija lis-Saċerdoti tallum, meta rrakkomanda: “B’moħħu ffokat fuq il-ħwejjeġ ċelesti u parteċipi fil-komunjoni tal-Qaddisin, il-Presbiteru spiss ħafna jħares lejn Marija, Omm Alla, li laqgħet lill-Verb ta’ Alla b’fidi perfetta, u ta’ kuljum isejħilha biex jikseb il-grazzja li jikkonferma ruħu ma’ Binha” (cf. Ench. Vat. 4, 1202). Ir-raġuni profonda tad-devozzjoni tal-Presbiteru lejn Marija SS.ma issejjes lilha nfisha fuq relazzjoni essenzjali li fil-pjan divin ġiet stabbilita bejn Omm Ġesù u s-saċerdozju tal-ministri tal-Iben. Irridu napprofondixxu dan l-aspett rilevanti tal-ispiritwalità saċerdotali u noħorġu l-konsegwenzi prattiċi.

2. Ir-relazzjoni ta’ Marija mas-saċerdozju tirriżulta qabel xejn mill-fatt tal-maternità ragħha. Waqt li saret – bil-kunsens tagħha għall-messaġġ tal-Anġlu – Omm Kristu, Marija saret Omm is-Sommu Saċerdot. Din hija realtà oġġettiva: waqt li assuma bl-Inkarnazzjoni n-natura umana, l-Iben etern ta’ Alla wettaq il-kondizzjoni meħtieġa biex isir, permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu, is-Saċerdot uniku tal-umanità (cf. Lh 5, 1). Fil-waqt tal-Inkarnazzjoni, nistgħu nammiraw korrispondenza perfetta bejn Marija u Binha. Infatti, l-Ittra lil-Lhud tirrivelalna li “waqt li daħal fid-dinja” Ġesù ħa orjentament saċerdotali lejn is-sagrifiċċju personali tiegħu, waqt li qal lil Alla: “Int la ridt saġrifiċċju u linqas offertà, minflok int ħejjejtli ġisem… Allura għidt: «Hawn jien, jien niġi… biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek»” (Lh 10, 5-7). Il-Vanġelu jirriferilna li, fl-istess waqt, il-Verġni Marija esprimiet l-istess dispożizzjoni billi qalet: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni dak li inti għidt” (Lq 1, 38). Din il-korrispondenza perfetta turina li bejn il-maternità ta’ Marija u s-sacerdozju ta’ Kristu kienet stabbilita relazzjoni ntima. Mill-istess fatt tirriżulta l-eżistenza ta’ rabta speċjali tas-saċerdozju ministerjali ma’ Marija Santissma.

3. Kif nafu, il-Verġni Santissma żvolġiet ir-rwol tagħha ta’ omm mhux biss fil-ġenerazzjoni fiżika ta’ Ġesù, imma wkoll fil-formazzjoni tiegħu morali. Bis-saħħa tal-maternità, kien imiss lilha li teduka lit-tfajjel Ġesù b’mod adegwat għall-missjoni saċerdotali tiegħu, li tagħha hija kienet qabdet is-sinifikat fit-tħabbira tal-Inkarnazzjoni.

Fil-kunsens ta’ Marija wieħed jistà mela jagħraf rabta mal-verità sostanzjali tas-saċerdozju ta’ Kristu u l-aċċettazzjoni ta’ koperazzjoni mat-twettiq tagħha fid-dinja. B’dan tqiegħedet il-bażi oġgettiva tar-rwol li Marija kienet imsejħa biex tiżvolġi wkoll fil-formazzjoni tal-ministri ta’ Kristu, parteċipi fis-saċerdozju tiegħu.  Fl-Eżortazzjoni apostolika postsinodali Pastores dabo vobis kont aċċennajtilkom li: kull aspett tal-formazzjoni saċerdotali jistà jkun riferut lil Marija (n. 82).

4. Barra minn dan nafu li l-Madonna għexet il-milja tal-misteru ta’ Kristu, minnha skopert dejjem iktar fil-fond grazzi għar-riflessjoni personali dwar il-ġrajjiet tat-twelid u tat-tfulija tal-Iben (cf. Lq 2, 19; 2, 51). Hija kienet tisforza li tippenetra, bl-intelliġenza u bil-qalb, fil-pjan divin, sabiex tikkollabora b’mod konxju u effikaċi. Min aħjar minnha jistà llum jillumina l-ministri ta’ Binha, billi jiggwidahom ħalli jippenetraw fl-“għana inkonċepibbli” tal-misteru tiegħu biex jaġixxu f’konformità mal-missjoni saċerdotali tiegħu?

Marija kienet assoċjata b’mod uniku mas-sagrifiċċju saċerdotali ta’ Kristu, billi qasmet ir-rieda tiegħu li jsalva d-dinja permezz tas-Salib. Hija kienet l-ewwel u l-iktar perfetta parteċipi tal-oblazzjoni tiegħu ta’“Sacerdos et hostia”. Bħala tali, hija tistà tikseb u tagħti lil dawk li jipparteċipaw fuq il-pjan ministerjali fis-saċerdozju ta’ Binha l-grazzja tal-impuls biex iwieġbu dejjem iktar għall-esiġenzi tal-oblazzjoni spiritwali li s-saċerdozju jinvolvi: b’mod partikolari, l-grazzja tal-fidi, tat-tama u tal-perseveranza fil-provi, magħrufa bħala stimoli f’parteċipazzjoni iktar ġeneruża fl-offerta feddejja.

5. Fuq il-Kalvarju Ġesù afda lil Marija maternità ġdida, meta qalilha: “Mara, hemm hu ibnek!” (Ġw 19, 26). Ma nistgħux ninjoraw li f’dak il-waqt tali maternità  tiġi pproklamata fir-rigward ta’ “Saċerdot”, id-dixxiplu maħbub. Infatti, skont il-Vanġeli sinottiċi, Ġwanni wkoll kien irċieva mingħand l-Imgħallem, fiċ-Ċena ta’ awl il-lejl, il-poter li jġedded is-sagrifiċċju tas-Salib b’tifkira tiegħu; mal-Appostli l-oħra huwa kien jappartieni lill-grupp tal-ewwel “Saċerdoti”; huwa issa ħdejn Marija kien jissostitwixxi lis-Saċerdot uniku u sovran li kien qed iħalli d-dinja. Bla dubju l-intenzjoni ta’ Ġesù f’dak il-waqt kienet li jistabilixxi l-maternità universali ta’ Marija fil-ħajja tal-grazzja lejn kull wieħed mid-dixxipli ta’ dakinhar u tas-sekli kollha. Imma ma nistgħux ninjoraw li din il-maternità assumiet qawwa konkreta u mmedjata f’konnessjoni ma’ Appostlu-“Saċerdot”. U nistgħu naħsbu li ħarset Ġesù, minbarra lil Ġwanni, kienet qiegħda tara, seklu wara l-ieħor, is-serje twila tas-“Saċerdoti” tiegħu, sa l-aħħar taż-żminijiet. U li b’mod speċjali għalihom, meħudin wieħed wieħed, l-istess bħad-dixxiplu maħbub, wettaq dak l-affidament lill-maternità ta’ Marija.

Lil Ġwanni Ġwsù qallu wkoll: “Hemm hi ommok!” (Ġw 19, 27). Huwa afda lill-Appostlu maħbub il-ħsieb li jqis lil Marija bħala ommu, li jħobbha, li jqimha u li jieħu ħsiebha għas-snin li kien fadlilha tgħix fuq din l-art, imma fid-dawl ta’ dak li kien miktub għaliha fis-Sema, fejn kellha tiġi mtellgħa u gglorifikata. Dak il-kliem huwa l-oriġni tal-kult marjan: huwa sinifikattiv li ġie ndirizzat lil “saċerdot”. Ma nistgħux jewwilla nassumu li s-“Saċerdot” huwa nkarigat li jippromwovi u jiżviluppa dan il-kult? Li huwa hu dak responsabbli ewlieni??

Fil-Vanġelu tiegħu Ġwanni jara li jenfasizza li “minn dak il-waqt id-dixxiplu ħadha f’daru” (Ġw 19, 27). Huwa mela minnufih wieġeb għall-istedina ta’ Kristu u ħa lil Marija miegħu, b’qima proporzjonata għaċ-ċirkostanzi. Irrid ngħid li wkoll taħt dan l-aspett wera lilu nnifsu “Saċerdot tassew”, bla dubju, dixxiplu fidil ta’ Ġesù.

Għal kull Saċerdot, li tieħu lil Marija f’darek ifisser li tħejjilha post f’ħajtek, waqt li tibqà f’unjoni regolari magħha fil-ħsibijiet, fl-imħabba, fiż-żelu għas-saltna ta’ Alla u għall-istess kult tagħha (cf. CCC 2673-2679).

6. X’se nitolbu lil Marija bħala “Omm is-Saċerdoti”? Illum, bħal u forsi iktar minn kull żmien ieħor, is-Saċerdot għandu jitlob lil Marija, b’mod speċjali, il-grazzja li jkun jaf jirċievi id-don ta’ Alla b’imħabba rikonoxxenti, waqt li japprezzah pjenament kif Hi għamlet fil-Magnificat; il-grazzja tal-ġenerożità fid-don personali, biex jimita l-eżempju tagħha ta’ “Omm ġeneruża”, il-grazzja tal-purezza u tal-fedeltà fl-impenn taċ-ċelibat, fuq l-eżempju tagħha ta’ “Verġni fidila”; il-grazzja ta’ imħabba tħeggeġ u ħanina, fid-dawl tax-xhieda ta “Omm il-ħniena”.

Il-Presbiteru għandu dejjem ikollu preżenti li fid-diffikultajiet li jiltaqà jistà jorbot fuq l-għajnuna ta’ Marija. Fiha u lilha jafda lilu nnifsu u l-ministeru pastorali, billi jitlobha li tagħmlu jagħti frott bl-abbundanza. U fl-aħħarnett iħares lejha bħala mudell perfett ta’ ħajtu u tal-ministeru tiegħu, għaliex hija hi Dik li, bħal ma jgħid il-Konċilju, “taħt il-ħarsien tal-Ispirtu Santu ikkonsagrat lilha nnifisha totalment għall-misteru tal-fidwa umana… Hija hi l-Omm tas-Sommu u Etern Saċerdot, is-Sultana tal-Appostli, l-Għajnuna tal-Presbiteri fil-ministeru tagħhom: huma mela għandhom iqimuha u jħobbuha b’devozzjoni u kult filjali” (Presbyterorum Ordinis, 18).

Inħeġġeg lil ħuti fis-saċerdozju biex jieħdu ħsieb dejjem iktar ta’ din “il-vera devozzjoni lejn Marija” u biex jisiltu l-konsegwenzi prattiċi għal ħajjithom u għall-ministeru tagħhom. Inħeġġeġ lill-fidili kollha biex jingħaqdu magħna s-Saċerdoti fl-affidament tagħħom infushom lill-Madonna u fl-invokazzjoni tal-grazzji tagħha għalihom infushom u għall-Knisja kollha.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb