64. Is-Saċerdot huwa msejjaħ biex ikun bniedem tal-Karità


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 07/07/1993.

1. Fil-katekeżi preċedenti ddedikati lill-Presbiteri, diġa aċċennajna diversi drabi għall-importanza li l-karità lejn l-aħwa għandha f’ħajjithom. Issa rridu nittrattaw b’mod iktar espress billi nitilqu milll-għerq stess ta’ tali karità fil-ħajja tas-Saċerdot.

Tali għerq jinsab fl-identita tiegħu ta’ “bniedem ta’ Alla”. L-ewwel Ittra ta’ Ġwanni tgħallimna li “Alla huwa mħabba” (4, 8). Ladarba “bniedem ta’ Alla”, il-Presbiteru, mela, ma jistax ikun jekk mhux il-bniedem tal-karità. Ma jkunx hemm fih imħabba vera ta’ Alla – u linqas ħniena tassew, żelu apostoliku tassew – mingħajr l-imħabba tal-proxxmu.

Ġesù stess wera r-rabta bejn l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu, għalhekk li “tħobb lill-Mulej Alla b’qalbek kollha” ma tistax tiġi mifruda minn li “tħobb lill-proxxmu” (cf. Mt 22, 36-40). Konsegwentement, għalhekk,, l-awtur tal-Ittra kkwotata jargumenta: “Dan huwa l-kmandament li għandna mingħandu: min iħobb lil Alla, iħobb ukoll lil ħuh” (1 Ġw 4, 21).

2. Waqt li tkellem dwaru, Ġesù ddeskriva din l-imħabba bħala dik ta’ “Ragħaj tajjeb, li ma jfittixx l-interessi tiegħu, il-profitt tiegħu, bħall-merċenarju. Ir-Ragħaj it-Tajjeb, josserva, iħobb talment lin-nagħaġ tiegħu li jasal li għalihom jagħti ħajtu (cf. Ġw 10, 11. 15). Hija mela mħabba li tasal sal-eroiżmu.

Nafu b’liema rejaliżmu dan kollu sab l-attwazzjoni fil-ħajja u fil-mewt ta’ Ġesù. Dawk li jirċievu mingħand Kristu, bis-saħħa tal-Ordinazzjoni saċerdotali, il-missjoni ta’ rgħajja huma msejħa biex jerġgħu jipproponu f’ħajjithom u biex jixhdu fl-azzjonijiet tagħhom l-imħabba erojka tar-ragħaj it-tajjeb.

3. Fil-ħajja ta’ Ġesù jidhru tajjeb in-noti essenzjali tal-“karità pastorali” li Hu għandu għal ħutu “bnedmin”, u li jitlob lil ħutu “rgħajja” li jimitaw. Din tiegħu hija, qabel kollox, imħabba umli: “Jiena manswet u umli tal-qalb” (Mt 11, 29). B’mod sinifikattiv lill-Appostli tiegħu jirrakkomandalhom biex jiċħdu l-ambizzjonijiet personali tagħhom u kull spirtu ta’ dominju biex jimitaw l-eżempju ta’ “Bin il-bniedem”, li “ma ġiex biex ukun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-fidwa tal-kotra” (Mk 10, 45; Mt 20, 28); (cf.Pastores dabo vobis, 21-22).

Minn hawn joħroġ li l-missjoni ta’ ragħaj ma tistax tkun eżerċitata b’atteġġjament ta’ superjorità jew b’awtoritariżmu (cf. 1 Pt 5, 3), li jirrita lill-fidili u forsi jbegħedhom mill-mergħa. Fuq il-passi ta’ Kristu Ragħaj it-tajjeb, għandhom jiffurmaw spirtu ta’ servizz umli (cf. CCC 876).

Barra minn dan Ġesù jagħtina l-eżempju ta’ mħabba mimlija ħniena, jew aħjar ta’ parteċipazzjoni sinċiera u fattiva għat-tbatijiet u d-diffikultajiet tal-aħwa. Huwa jħoss ħniena għall-folol bla ragħaj (cf. Mt 9, 36), għalhekk jieħu ħsieb li jiggwidahom bil-kliem tiegħu tal-ħajja u jieħu ħsieb li “jgħallimhom bosta ħwejjeġ” (Mc 6, 34). Bis-saħħa ta’ din l-istess ħniena, ifejjaq bosta morda (Mt 14, 14), waqt li joffri s-sinjal ta’ intenzjoni ta’ fejqan spiritwali; jimmultiplika l-ħobż għall-imġewħin (Mt 15, 32; Mk 8, 2), simbolu elokwenti tal-Ewkaristija; jitqanqal quddiem il-miżerji umani (Mt 20, 34; Mk 1, 41), u jrid iġibilhom rimedju; jipparteċipsa fin-niket ta’ dawk li jibku t-telfa ta’ qarib għażiż (Lq 7, 13; Ġw 11, 33-35); ukoll għall-midimbin iħoss ħniena (cf. Lq 15, 1-2), f’għaqda mal-Missier, li hu mimli ħniena għall-iben il-ħali (cf. Lq 15, 20) u jippreferi l-ħniena għas-sagrifiċċju ritwali (cf. Mt 9, 10-13); u ma jonqsux każijiet li fihom iċanfar lill-avversarji tiegħu li ma jifhmux il-ħniena tiegħu (Mt 12, 7).

4. Għal dan il-għan huwa sinifikattiv li l-Ittra lil-Lhud, fid-dawl tal-ħajja u tal-mewt ta’ Ġesù, tqiegħed mill-ġdid fis-solidarjetà u fil-ħniena silta essenzjali tas-saċerdozju awtentiku. Din, infatti, terġà tiddikjara, li l-Qassis il-Kbir, “meħud minn fost il-bnedmin, jiġi maħtur għall-ġid tal-bnedmin (u huwa) lest li jħoss ħniena għal dawk li jinsabu fl-injoranza u fl-iżball” (Lhb 5, 1-2). Għal dan ukoll l-etern Bin Alla “kellu jirrendi lilu nnifsu f’kollox bħall-aħwa, biex isir is-sommu Saċerdot ħanin u fidil fil-ħwejjeġ li jmissu lil Alla, bl-iskop li jpatti għad-dnubiet tal-poplu” (Lh 2, 17). Għalhekk hija konsolazzjoni kbira għalina ta’ nsara li nafu li “m’għandniex sommu saċerdot li ma jafx jikkumpatixxi l-mard tagħna, billi huwa stess kien ippruvat f’kull ħaġa, bħalna, eskluż id-dnub” (Lh 4, 15).

I-Presbiteru mela jsib fi Kristu l-mudell ta’ mħabba vera għall-batuti, il-foqra, l-imnikkta, u speċjalment il-midimbin, minħabba li Ġesù huwa qrib tal-bnedmin b’ħajja tixbaħ lil tagħna; ġarrab provi u tribulazzjonijiet bħal tagħna; huwa mela mimli ħniena għalina u huwa kapaċi jħoss ħniena ġusta għal dawk li jinsabu fl-injoranza u fl-iżball” (Lh 5, 2). U fl-aħħarnett huwa jgħin b’mod effikaċi lill-imġarrbin, “propju minħabba li hu kien imġarrab u billi kien sofra personalment huwa fi stat li jgħin lil dawk li jġarrbu l-prova” (Lh 2, 18).

5. Dejjem f’dan id-dawl ta’ mħabba divina, il-Konċilju Vatikan II jippreżenta l-konsagrazzjoni saċerdotali bħala għajn ta’ karità pastorali: “Il-Presbiteri tat-Testment il-Ġdid, bis-saħħa tas-sejħa tagħhom u tal-ordinazzjoni tagħhom, huma sa ċertu punt sekwestrati fi ħdan il-Poplu ta’ Alla: imma mhux biex jibqgħu mifruda minn dan l-istess Poplu jew minn kwalunkwè bniedem, imma biex jikkonsagraw lilhom infushom kompletament għall-opra li għaliha għażilhom il-Mulej. Minn naħa, huma ma jistgħux ikunu ministri ta’ Alla, jekk ma jkunux xhieda u distributuri ta’ ħajja differenti minn dik terrena; imma min-naħa l-oħra, ma jistgħux linqas iservu lill-bnedmin, jekk jinqatgħu mill-ħajja tagħhom u mill-ambjent tagħhom” (Presbyterorum Ordinis, 3). Dawn huma żewġ esoġenzi li jsejsu ż-żewġ aspetti tal-imġieba saċerdotali: il-Presbiteri, “għall-ministeru stess tagħhom, huma miżmuma b’mottiv speċjali biex ma’ jikkonformawx irwieħhom mas-seklu preżenti; imma fl-istess ħin huma mistennija jgħixu f’dan is-seklu f’nofs il-bnedmin, biex jagħrfu sewwa – bħal rgħajja tajba – lin-nagħaġ tagħhom, u biex joħolqu li jreġġgħu lura wkoll lil dawk li mhumiex minn ta’ din il-mergħa, sabiex ukoll huma jisimgħu l-leħen ta’ Kristu, u jkun hemm mergħa waħda u ragħaj wieħed” (PO 3). F’dan is-sens tispjega ruħha l-attività ntensa ta’ Pawlu fil-ġabra ta’ għajnuniet għall-komunitajiet l-iktar foqra (cf. 1 Kor 16, 1-4), u r-rakkomandazzjoni li l-awtur tal-Ittra lil-Lhud jagħmel li jipprattikaw l-komunikazzjoni tal-ġid (koinonia) mas-sosten reċiproku, bħala veri segwaċi ta’ Kristu (cf. Lh 13, 16).

6. Skont il-Konċilju, il-Presbiteru li jrid jikkonferma ruħu mar-Ragħaj it-Tajjeb u jirriproduċi fih innifsu l-karità lejn l-aħwa għandu jimpenja ruħu fuq xi punti ta’ mportanza kbira illum, bħal u ferm iktar minn żminijiet oħra: jagħraf in-nagħaġ tiegħu (PO 3), b’mod speċjali bil-kuntatti, il-visti, ir-rapporti ta’ ħbiberija, il-laqgħat ipprogrammati jew okkażjonali eċċetra, dejjem bl-iskop u bl-ispirtu ta’ ragħaj tajjeb; jirriserva laqgħa tixbaħ lil dik ta’ Ġesù għan-nies li kienu jirrikorru lejh, waqt li jżomm ruħu lest u kapaċi li jismà, xewqan li jifhem, miftuħ u sinċier fir-rieda tajba, waqt li jimpenja ruħu fl-opri u fl-inizjattivi ta’ għajnuna lill-foqra u l-isfortunati; jikkultiva u jipprattika dawk il-“virtujiet li ġustament huma apprezzati ħafna fis-soċjetà umana… (bħat-)tjubija, is-sinċerità, il-qawwa tar-ruħ u l-konsistenza, il-kura kontinwa għall-ġustizzja u l-ġentilezza eċcetra”, (PO 3), u wkoll il-paċenzja, il-faċilità li jaħfer bi prontezza u ġenerożità,  is-soċjabilità, is-soċjevolezza, il-ħila li jkun disponibbli u servizjevoli  bla ma jippoża ta’ benefattur. U jkun kollu kemm hu portafoll ta’ virtujiet umani u pastorali li l-fwieħa tal-karità ta’ Kristu tistà u għandha ġgib fil-kondotta tal-Presbiteru (cf. Pastores dabo vobis, 23).

7. Immexxi mill-karità il-Presbiteru jistà jsegwi, fl-iżvolġiment tal-ministeru tiegħu, l-eżempju ta’ Kristu, li l-ikel tiegħu kien it-twettiq tar-rieda tal-Missier. Fl-adeżjoni amoruża ma’ din ir-rieda l-Presbiteru jsib il-bidu u l-għajn ta’ għaqda ta’ ħajtu. Dan jiddikjarah il-Konċilju: Il-Presbiteri għandhom “jingħaqdu ma’ Kristu fl-iskoperta tar-rieda tal-Missier… Hekk waqt li jirrapreżentaw lir-Ragħaj it-Tajjeb, fl-eżerċizzju stess tal-attività pastorali jsibu r-rabta tal-perfezzjoni saċerdotali li twettaq l-unità f’ħajjithom u fl-attività tagħhom” (PO 14). L-għajn li minnha jieħdu tal- karità tibqà dejjem l-Ewkaristija, li tikkostitwixxi “iċ-ċentru u l-għerq tal-ħajja kollha tal-Presbiteru”, li ruħu għandha għalhekk tistudja kif “tirrifletti dak li jitwettaq fuq l-altar” (PO 14).

Il-grazzja u l-karità tal-altar hekk tespandi għall-ambone, għall-konfessjonarju, għall-arkivju parrokkjali, għall-iskola, għall-oratorju, għad-djar u għat-toroq, għall-isptarijiet, għall-mezzi tat-trasport u għal dawk tal-komunikazzjoni soċjali, kulfejn il-Presbiteru għandu l-possibiltà li jwettaq dmiru ta’ ragħaj: hu x’inhu hija l-Quddiesa tiegħu li tespandi ruħha, hija l-għaqda spiritwali tiegħu ma’ Kristu Saċerdot u Ostja li twasslu biex ikun – bħal ma qal San Injazju ta’ Antijokja – “qamħ ta’ Alla biex ikun misjub ħobż dinji ta’ Kristu” (cf.Epist. ad Romanos, IV, 1), għall-ġid tal-aħwa.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb