65. Il-Knisja hija marbuta maċ-Ċelibat tas-Saċerdoti


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 17/07/1993.

1. Fil-Vanġeli, meta Ġesù sejjaħ l-ewwel Appostli tiegħu biex jagħmel minnhom “sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4, 19; Mk 1, 17; cf. Lq 5, 10), huma “telqu kollox u marru warajh” (Lq 5, 11; cf. Mt 4, 20. 22; Mk 1, 18. 20).

Jum fost l-oħrajn kien l-istess Pietru li fakkar dan l-aspett tal-vokazzjoni apostolika, billi qal lil-Ġesù: “Ara, aħna tlaqna kollox u ġejna warajk” (Mt 19, 27; Mk 10, 28; cf. Lq 18, 28). Ġesù allura innumera l-qtugħ kollu meħtieġ “minħabba fija – qal – u minħabba l-Vanġelu” (Mk 10, 29). Din ma kinitx biss ċaħda tal-ġid materjali, bħad-“dar” jew l-“għelieqi”, imma wkoll l-firda nill-persuni l-iktar għeżież: “aħwa subien u bniet jew missier jew omm jew ulied”, – hekk jgħidu Mattew u Marku – “mara jew aħwa jew ġenituri jew ulied”, – hekk jgħid Luqa (18, 29).

Hawn nosservaw id-differenza tal-vokazzjonijiet. Mhux mid-dixxipli kollha tiegħu Ġesù kien jesiġi ċ-ċaħda radikali mill-ħajja fil-familja, għalkemm minn kulħadd kien jesiġi l-ewwel post fil-qalb meta qal: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iktar minni; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iktar minni ma jistħoqqlux lili”   (Mt 10, 37). L-esiġenza ta’ ċaħda effettiva hija propja tal-ħajja apostolika jew tal-ħajja ta’ konsagrazzjoni speċjali. Imsejħa minn Ġersù, “Ġakbu ta’ Żabedew u Ġwanni ħuh” telqu mhux biss id-dgħajsa li fiha “kienu jsewwu x-xbieki”, imma wkoll lil missierhom, li dak il-ħin kienu miegħu (Mt 4, 22; cf. Mk 1, 20).

Dawn l-osservazzjonijiet jgħinuna nifhmu l-għaliex tal-leġislazzjoni ekkleżjastika dwar iċ-ċelibat saċerdotali. Il-Knisja, infatti, qieset u għadha tqis li dan jidħol fil-loġika tal-konsagrazzjoni saċerdotali u tal-appartenenza konsegwenti totali lil Kristu fit-termini tal-attwazzjoni konxja tal-mandat tiegħu ta’ ħajja spiritwali u ta’ evanġelizzazzjoni.

2. Infatti, fil-Vanġelu skont Mattew, ftit qabel is-silta dwar is-separazzjoni mill-persuni għeżież, li għadna kemm ikkwotajna, Ġesù jesprimi b’lingwaġġ semitiku qawwi ċaħda oħra mitluba “minħabba s-Saltna tas-smewwiet”, iċ-ċaħda, jiġifieri, għaż-żwieġ. “Hemm, jgħid, xi ewnuki li saru hekk minħabba s-Saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 12). Huma, jiġifieri, impenjati għaċ-ċelibat biex jintefgħu kompletament għas-servizz tal-“Vanġelu tas-Saltna” (cf. Mt 4, 23; 9, 35; 24, 34).

Fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, l-Appostlu Pawlu jiddikjara li ħa b’mod riżolut din il-mixja u juri l-koerenza ta’ din id-deċiżjoni tiegħu waqt li ddikjara: “Min mhux miżżewweġ jippreokkupa ruħu bil-ħwejjeġ tal-Mulej, kif jistà jogħġob lil Mulej. Min hu miżżewweġ, iżda, jippreokkupa ruħu bil-ħwejjeġ tad-dinja, kif jistà jogħġob lil martu, u jsib ruħu maqsum!” (1 Kor 7, 32-34). Bla dubju, mhux sew li “jsib ruħu maqsum” dak li ġie msejjaħ biex jokkupa ruħu, bħala Saċerdot, bil-ħwejjeġ tal-Mulej. Bħal ma jgħid il-Konċilju, l-impenn taċ-ċelibat, ġej minn tradizzjoni li tingħaqad ma’ Kristu, huwa “partikolarment addattat għall-ħajja Saċerdotali. Huwa infatti sinjal u fl-istess ħin stimolu tal-karità pastorali, u għajn ta’ fertilità spiritwali fid-dinja” (Presbyterorum Ordinis, 16).

Huwa minnu li fil-Knejjes tal-Lvant bosta Presbiteri huma miżżewġin b’mod leġittimu skont id-dritt kanoniku li jikkonċernahom. Ukoll f’dawk il-Knejjes, madankollu, l-Isqfijiet jgħixu fiċ-ċelibat, u hekk ukoll numru ta’ Saċerdoti. Id-differenza tad-dixxiplina, marbuta ma’ kondizzjonijiet ta’ żmien u ta’ post assessjati mill-Knisja, tispjega ruħha bil-fatt li r-rażan perfett, bħal ma jgħid il-Konċilju, “mhuwiex mitlub min-natura nfisha tas-saċerdozju” (Ivi). Dan ma jappartinix għall-essenza tas-saċerdozju bħala Ordni Sagri, u allura mhuwiex impost b’mod assolut fil-Knejjes kollha. Ma jeżistux, madankollu, dubji dwar il-konvenjenza tiegħu u anzi l-kongruwenza mal-esiġenzi tal-Ordni Sagri. Jidħol, kif ingħad, fil-loġika tal-konsagrazzjoni.

3. L-ideal konkret ta’ din il-kondizzjoni ta’ ħajja kkonsagrata huwa Ġesù, mudell ta’ kulħadd, imma b’mod speċjali tas-Saċerdoti. Huwa għex mhux miżżewweġ, u minħabba f’hekk setà jiddedika l-qawwiet kollha tiegħu għall-predikazzjoni tas-Saltna ta’ Alla u għas-servizz tal-bnedmin, b’qalb miftuħa għall-umanità kollha, bħala proġenitur ta’ ġenerazzjoni spiritwali ġdida. L-għażla tiegħu kienet tassew “għas-Saltna tas-Smewwiet” (cf. Mt 19, 12).

Bl-eżempju tiegħu, Ġesù indika orjentament, li kien segwit. Skont il-Vanġeli, donnu li t-Tnax, iddestinati biex ikunu l-ewwel parteċipanti tas-saċerdozju tiegħu, kienu rrinunzjaw, biex isegwuh, li jgħixu fil-familja. Il-Vanġeli qatt ma jirkellmu dwar nisa jew ulied fir-rigward tat-Tnax, ukoll jekk iħalluna nsiru nafu li Pietru, qabel ma kien imsejjaħ minn Ġesù kien raġel miżżewweġ (cf. Mt 8, 14; Mc 1, 30; Lc 4, 38).

4. Ġesù qatt ma istitwixxa liġi, imma ppropona ideal taċ-ċelibat, għas-saċerdozju l-ġdid li kien waqqaf. Dan l-ideal saħħaħ ruħu dejjem iżjed fil-Knisja. Wieħed jistà jifhem li fl-ewwel fażi ta’ tifrix u ta’ żvilipp tal-Kristjaneżmu numru kbir ta’ Saċerdoti kien magħmul minn irġiel miżżewġa, magħżula u ordnati fuq il-passi tat-tradizzjoni Ġudajka. Nafu li fl-Ittri lil Timotju (1 Tm 3, 2-33) u lil Titu (Tt 1, 6) jiġi mitlub li, fost il-kwalitajiet tal-irġiel magħżula bħala Presbiteri, kien hemm li riedu jkunu missirijiet ta’ familja tajbin, miżżewġin mara waħda biss (jiġifieri fidili lejn marthom). Din hija fażi ta’ Knisja waqt l-organizzazzjoni u, wieħed jistà jgħid, ta’ sperimentazzjoni ta’ dak li, bħala dixxiplina tal-istati ta’ ħajja, tikkorrispondi aħjar mal-ideal u mal-“pariri” proposti mill-Mulej. Skont l-esperjenza u r-riflessjoni b’mod progressiv stabbiliet ruħha d-dixxiplina taċ-ċelibat sa ma ġgeneralizzat ruħha fil-Knisja tal-Punent bis-saħħa tal-leġislazzjoni kanonika. Ma kinitx biss il-konsegwenza ta’ fatt ġuridiku u dixxiplinari: kienet il-maturità ta’ kuxjenza ekkleżjali dwar opportunità taċ-ċelibat saċerdotali għal-raġunijiet mhux biss storiċi u prattiċi, imma wkoll derivanti mill-kongruwenza skoperta dejjem aħjar bejn iċ-ċelibat u l-esiġenzi tas-saċerdozju.

5. Il-Konċilju Vatikan II jesprimi l-mottivi ta’ tali “konvenjenza intima” taċ-ċelibat mas-saċerdozju: “Bil-verġinità jew iċ-ċelibat osservata għas-Saltna tas-Smewwiet, il-Presbiteri jikkonsagraw ruħhom lil Kristu b’titolu ġdid u eżaltat,  jingħaqdu b’mod iktar faċli miegħu b’imħabba mhux maqsuma, jiddedikaw ruħhom b’mod iktar liberu fih u għalih fis-servizz ta’ Alla u tal-bnedmin, jaqdu b’effikaċja ikbar is-Saltna tiegħu u l-opra tiegħu ta’ riġenerazzjoni divina, u b’tali mod jiddisponu ruħhom aħjar biex jirċievu paternità iktar wiesgħa fi Kristu”. Huma “waqt li hekk isejħu dak iż-żwieġ misterjuż imwaqqaf minn Alla, u li se juri ruħu pjenament fil-ġejjieni, li għalih il-Knisja għandha bħala Għarus uniku lil Kristu… isiru sinjali ħajjin ta’ dik id-dinja futura, preżenti diġa permezz tal-fidi u l-karità, li fiha ulied il-qawmien mill-imwiet ma jingħaqdux fiż-żwieġ” (PO 16; cf. Pastores dabo vobis, 29; 50; CCC 1579).

Dawn huma raġunijiet ta’ elevatezza spiritwali nobbli, li nistgħu niġbruhom fl-elementi essenzjali li ġejjin: l-għaqda l-iktar sħiħa ma’ Kristu, maħbub u moqdi b’qalb mhix maqsuma (cf. 1 Kor 7, 32-33); id-disponibiltà l-iktar wiesgħa għas-servizz tas-Saltna ta’ Kristu u, għat-twettiq tad-dmirijiet propji fil-Knisja; l-għażla l-iktar esklussiva ta’ fertilità spiritwali (cf. 1 Kor 4, 15); il-prattika ta’ ħajja tixbaħ dik definittiva fid-dinja l-oħra, u għalhekk iktar eżemplari fil-ħajja ta’ hawn. Dan jgħodd għaż-żminijiet kollha, ukoll għal dak tagħna, bħala raġuni u kriterju suprem ta’ kull ħaqq u ta’ kull għażla f’armonija mal-istedina li “titlaq kollox”, indirizzata minn Ġesù lid-dixxipli u b’mod speċjali lill-Appostli. Għal dan is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 ikkonferma: “Il-liġi taċ-ċelibat saċerdotali, eżistenti fil-Knisja latina, għandha tkun konservata b’mod integrali” (Ench. Vat., IV, 1219).

6. Huwa minnu li llum l-prattika taċ-ċelibat issib ostakli, kultant ukoll gravi, fil-kondizzjonijiet soġġettivi u oġgettivi li fihom is-saċerdoti jsibu ruħhom. Is-Sinodu tal-Isqfijiet dawn ikkunsidrahom, imma sostna li d-diffikultajiet tallum ukoll huma superabbli, jekk ikun hemm “il-kondizzjonijiet opportuni, u jiġifieri: iż-żieda tal-ħajja interna bil-għajnuna tat-talb, tas-saġrifiċċju personali, tal-karità ferventi lejn Alla u lejn il-peoxxmu, u bis-sussidji l-oħra tal-ħajja spiritwali; l-ekwilibriju uman permezz ta’ inseriment ordnat fil-kompożizzjoni tar-relazzjonijiet soċjali; ir-rapporti fraterni u l-kuntatti mal-Presbiteri l-oħra u mal-Isqof, waqt li jattwaw aħjar, għal tali skop, l-istrutturi pastorali, u wkoll bil-għajnuna tal-komunità tal-fidili” (Ivi, IV, 1216).

Din hija speċi ta’ sfida li l-Knisja tagħmel lill-moralità, lit-tendenzi, lill-mentalitajiet, lill-qawwiet tas-seklu, b’rieda dejjem ġdida ta’ koerenza u ta’fedeltà għall-ideal evanġeliku. Għal dan, minkejja li tammetti li s-Sommu Pontefiċi jistà jivvaluta u jiddisponi dwar dak li għandu jsir f’ċerti każijiet, is-Sinodu reġà ddikjara li fil-Knisja latina “l-ordinazzjoni presbiterjali ta’ rġiel miżżewġin mhix aċċettata linqas f’każijiet partikolari” (Ivi, IV, 1220). Il-Knisja ssostni li l-għarfien ta’ konsagrazzjoni totali, immaturata tul is-sekli, għad għandha raġun li tkompli teżisti u tipperfezzjona ruħha dejjem iżjed.

Il-Knisja taf ukoll, u tfakkru lill-Presbiteri u lill-fidili kollha bil-Konċilju, li “id-don taċ-ċelibat, hekk addattat għas-saċerdozju tal-Liġi l-Ġdida, jiġi mogħti b’qies kbir mill-Missier, bil-patt li dawk kollha li jipparteċipaw mis-saċerdozju ta’ Kristu bis-Sagrament tal-Ordni Sagri, anzi tal-Knisja kollha, jitolbuh b’umiltà u insistenza” (PO 16).

Imma jistà jkun, ukoll qabel, huwa meħtieġ li nitolbu l-grazzja li nifhmu ċ-ċelibat saċerdotali, li bla dubju ta’ xejn jinkludi ċertu misteru: dak tat-talba ta’ kuraġġ u fiduċja fl-attakkament assolut għall-persuna u għall-opra feddejja ta’ Kristu, ma’ radikaliżmu ta’ ċaħdiet li għall-għajnejn umani jistà jidher xokkanti. Ġesù stess, meta ssuġġerih, ħass li mhux kulħadd setà jifhmu (cf. Mt19, 10-12). Imberkin dawk li jirċievu l-grazzja li jifhmuh, u jibqgħu fidili f’din it-triq!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb