69. L-Ubbidjenza Saċerdotali hija Att ta’ Karità!

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 25/08/1993.

1. Il-komunjoni, mixtieqa minn Ġesù fost dawk li jieħdu sehem fis-sagrament tal-Ordni Sagri, trid turi ruħha b’mod għal kollox partikolari fir-relazzjonijiet tal-Presbiteri mal-Isqfijiet tagħhom.

Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar dan minn “komunjoni ġerarkika”, li tiġi mill-għaqda tal-konsagrazzjoni u tal-missjoni. Naqraw: “Il-Presbiteri kollha, flimkien mal-Isqfijiet, jipparteċipaw f’tali grad tal-istess u l-iniku saċerdozju u ministeru ta’ Kristu, li l-istess għaqda tal-konsagrazzjoni u tal-missjoni tesiġi l-komunjoni ġerarkika tal-Presbiteri mal-Ordni tal-Isqfijiet, li tiġi kultant ottimament espressa fil-konċelebrazzjoni liturġika, meta (Isqfijiet u Presbiteri) magħqudin jipprofessaw li jiċċelebraw is-sintassi ewkaristika” (Presbyterorum Ordinis, 7). Bħal ma wieħed jistà jara hawn jerġà jitfaċċa l-misteru tal-Ewkaristija bħala sinjal u sors ta’ għaqda. Mal-Ewkaristija huwa magħqud is-sagrament tal-Ordni Sagri, li jiddetermina l-komunjoni ġerarkika fost dawk kollha li jieħdu sehem fis-saċerdozju ta’ Kristu: “Minħabba l-Ordni Sagri u l-ministeru, – iżid il-Konċilju – is-saċerdoti kollha, kemm dijoċeżani kif ukoll reliġjużi, huma assoċjati fil-korp episkopali” (Lumen Gentium, 28).

2. Din ir-rabta bejn is-saċerdoti ta’ kwalunkwè kwalifika u grad u l-Isqfijiet hija essenzjali fl-eżerċizzju tal-ministeru presbiterjali. Is-Saċerdoti jirċievu mingħand l-Isqof l-awtorità sagramentali u l-awtorizzazzjoni ġerarkika għal tali ministeru. Ukoll ir-Reliġjużi jirċievu tali awtorità u tali awtorizzazzjoni mingħand l-Isqof li jordnahom Saċerdoti u mingħand dak li jmexxi d-dijoċesi fejn huma jiżvolġu l-ministeru. Ukoll meta jappartienu lil Ordni li ma taqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Isqfijiet dijoċeżani minħabba r-reġim tagħhom intern, jirċievu mingħand l-Isqof, skont il-liġijiet kanoniċi, il-mandat u l-kunsens għall-inseriment u l-attivitajiet fl-isfera tad-dijoċesi, dejjem bl-awtorità li biha l-Papa Ruman, bħala kap tal-Knisja, jistà jagħti lill-Ordnijiet reliġjużi jew lill-Istituti l-oħra il-poter li jmexxu skont il-kostituzzjoni tagħhom u li joperaw fuq spettru universali. Min-naħa tagħhom, l-Isqfijiet għandhom fil-Presbiteri numru “ta’ kollaboraturi u kunsillieri meħtieġa fil-ministeru u fil-funzjoni tal-istruzzjoni, tal-qdusija u tat-tmexxija tal-Poplu ta’ Alla”  (PO 7).

3. Għal din ir-rabta bejn Saċerdoti u Isqfijiet fil-komunjoni sagramentali, il-Presbiteri huma “għajnuna u strument” tal-Ordni episkopali, bħal ma tikteb il-Kostituzzjoni Lumen gentium (n. 28). Huma jtawlu f’kull komunità l-azzjoni tal-Isqof, li tiegħu sa ċertu punt jirrendu preżenti l-figura ta Ragħaj fid-diversi postijiet.

Huwa ċar li, bis-saħħa tal-istess identità pastorali u tal-oriġni tiegħu sagramentali, il-ministeru tal-Presbiteri jeżerċità ruħu “taħt l-awtorità tal-Isqof”. Dejjem skont il- Lumen gentium, huwa dejjem taħt din l-awtorità li huma jwasslu “l-kontribut tagħhom għax-xogħol pastorali tad-dijoċesi kollha”, waqt li jqaddsu u jmexxu l-porzjon tal-merħla tal-Mulej afdat lilhom (Ivi).

Huwa minnu li l-Presbiteri jirrapreżentaw lil Kristu u jaġixxu f’ismu, waqt li jipparteċipaw, fil-grad tal-ministeru tagħhom, fl-uffiċċju tiegħu ta’ uniku Medjatur, imma huma jistgħu jaġixxu biss bħala kollaboraturi tal-Isqof, waqt li b’dan il-mod jestendu l-minisateru ta’ Ragħaj dijoċeżan fil-komunitajiet lokali.

4. Dwar dan il-prinċipju tejoloġiku ta’ parteċipazzjoni, fl-isfera tal-komunjoni ġerarkika, jissejsu relazzjonijiet bejn Isqfijiet u Presbiteri mimlijin spiritwalità. Il- Lumen gentium tħabbarhom b’dan il-mod: “Minħabba din il-parteċipazzjoni tagħhom fis-saċerdozju u fix-xogħol apostoliku, is-saċerdoti jagħrfu fl-Isqof lil missierhom u jobduh b’imħabba rispettuża. L-Isqof imbagħad, iqis lis-Saċerdoti koperaturi tiegħu bħala wlied u ħbieb, bħal Kristu li jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu mhux qaddejja, imma ħbieb (cf. Ġw 15, 15)” (Ivi).

L-eżempju ta’ Kristu huwa hawn ukoll ir-regola tal-imġieba, kemm għall-Isqfijiet kif ukoll għall-Presbiteri. Jekk Dak li kellu l-awtorità divina ma riedx iqis lid-dixxipli tiegħu bħala qaddejja imma bħala ħbieb, l-Isqof ma jistax iqis lis-Saċerdoti tiegħu bħala persuni għas-servizz tiegħu. Miegħu, huma jservu lill-Poplu ta’ Alla. U min-naħa tagħhom il-Presbiteri għandhom iwieġbu lill-Isqof bħal ma titlob il-liġi tar-reċiproċità tal-imħabba fil-komunjoni ekkleżjali u saċerdotali: jiġifieri bħala ħbieb u bħala “wlied” spiritwali. L-awtorità tal-Isqof u l-ubbidjenza tal-kollaboraturi tiegħu, il-Presbiteri, għandhom mela jeżerċitaw lilhom infushom fil-kwadru tal-ħbiberija vera u sinċiera.

Dan l-impen jibbaża ruħu mhux biss fuq il-fraternità li teżisti bis-saħħa tal-Magħmudija bejn l-insara kollha u fuq dik li tiġi mis-sagrament tal-Ordni Sagri, imma fuq il-kelma u l-eżempju ta’ Ġesù, li wkoll fit-trijonf tiegħu tal-Qawmien mill-Imwiet, tbaxxa minn dak l-għoli li ma jitkejjilx fuq id-dixxipli tiegħu waqt li sejħilhom “ħuti” u waqt li ddikkjara lil Missieru bħala wkoll “tagħhom” (cf. Ġw 20, 17; Mt 28, 10). Hekk, fuq l-eżempju u t-tagħlim ta’ Ġesù. L-Isqof għandu jitratta bħala aħwa u ħbieb lis-Saċerdoti kollaboraturi tiegħu, mingħajr ma titnaqqas l-awtorità tiegħu ta’ Ragħaj u ta’ superjur ekkleżjastiku. Klima ta’ fraternità u ta’ ħbiberija tiffavorixxi l-fiduċja tal-Presbiteri u r-rieda tagħhom ta’ koperazzjoni u ta’ korrispondenza fil-ħbiberija u fil-karità fraterna u filjali lejn l-Isqof tagħhom.

5. Il-Konċilju jinżel ukoll għal xi partikolari dwar id-dmirijiet tal-Isqof lejn il-Presbiteri, Hawn biżżejjed li nfakkruhom: l-Isqfijiet għandhom ikollhom għal qalbhom, f’dak kollu li jistgħu, il-ġid materjali u speċjalment dak spiritwali tas-Saċerdoti tagħhom; jippromwovu l-qdusija billi jieħdu ħsieb l-formazzjoni kontinwa, waqt li jeżaminaw magħhom il-problema li jirrigwardaw il-bżonnijiet tax-xogħol pastorali u l-ġid tad-dijoċesi (cf. PO 7).

Ugwalment id-dmirijiet tal-Presbiteri lejn l-Isqof tagħhom huma miġbura f’dawn it-termini: “Il-Presbiteri, billi għandhom preżenti l-milja tas-sagrament tal-Ordni Sagri li minnu jgawdu l-Isqfijiet, iqimu fihom l-awtorità ta’ Kristu, Ragħaj suprem. Ikunu mela magħqudin mal-Isqof tagħhom b’karità u ubbidjenza sinċiera” (Ivi).

Karità u ubbidjenza: il-binomju rssenzjali tal-ispirtu li bih għandhom iġibu ruħhom mal-Isqof tagħhom. Dan huwa ubbidjenza animata tal-karità. L-intenzjoni fundamentali tal-Presbiteru, fil-ministeru tiegħu, ma tistax ma tkunx dik iva li jikkopera mal-Isqof tiegħu. Jekk huwa għandu spirtu ta’ fidi, jagħraf ir-rieda ta’ Kristu fid-deċiżjonijiet tal-Isqof.

Dak li jkun jifhem li xi kultant, b’mod partikolari fil-waqtiet ta’ konfront bejn pariri differenti, l-ubbidjrnza tistà tkun iktar diffiċli. Imma l-ubbidjenza kienet id-dispożizzjoni fundamentali ta’ Ġesù fis-sagrifiċċju tiegħu u pproduċiet l-frott tas-salvazzjoni li d-dinja kollha rċeviet. Ukoll il-Presbiteru li jgħix bil-fidi jaf li hu msejjaħ għal ubbidjenza li, waqt li jattwa l-massima ta’ Ġesù dwar id-dedikazzjoni, tagħtih il-qawwa u l-glorja li jaqsam il-fertilità redentiva tas-Sagrifiċċju tas-Salib.

6. Fl-aħhar nett wieħed għandu jżid li, bħal ma hu magħruf ma’ kulħadd, illum iktar minn żminijiet oħra, il-ministeru pastorali jitlob il-koperazzjoni tal-Presbiteri u allura l-għaqda tagħhom mal-Isqfijiet, minħabba l-komplessità u l-vastità tiegħu. Bħal ma jikteb il-Konċilju, “l-għaqda bejn il-Presbiteri u l-Isqfijiet hija meħtieġa b’mod partikolari f’jiemna, minħabba li l-lum, għal motivi diversi, l-impriżi apostoliċi għandhom jilbsu mhux biss forom multepliċi, imma wkoll imorru ‘l hemm mil-limiti ta’ parroċċa u ta’ dijoċesi. Ebda Presbiteru mhu mela f’kondizzjoni li jwettaq għal kollox il-missjoni tiegħu jekk jaġixxi waħdu u għal rasu, mingħajr ma jingħaqad mal-Presbiteri l-oħra, taħt it-tmexxija ta’ dawk li jmexxu l-Knisja” (Ivi).

Minħabba dan ukoll il-“Pariri presbiterjali” fittxew li jirrendu sistematika u organika l-konsultazzjoni tal-Presbiteri min-naħa tal-Isqfijiet (cf. Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971: Ench. Vat., IV, 1224). Min-naħa tagħhom il-Presbiteri jieħdu sehem f’dawn il-Pariri bi spirtu ta’ kollaborazzjoni illuminata u lejali, bl-intenzjoni li jikkoperaw fil-bini tal-“Ġisem uniku”. U wkoll singolarment, fir-rapporti tagħhom personali mal-Isqof tagħhom, jiftakru u jkollhom b’mod speċjali għal qalbhom ħaġa waħda: it-tkabbir ta’ kull wieħed u ta’ kulħadd fil-karità, li hija frott tal-oblazzjoni ta’ dak li jkun fid-dawl tas-Salib.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.

%d bloggers like this: