71. Is-Saċerdot irid jaqdi l-merħla ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 22/09/1993.

1. Il-“komunità saċerdotali”, li dwarha tkellimna ħafna drabi fil-katekeżi preċedenti, mhix iżolata mill-“komunità ekkleżjali”, imma tappartieni għall-eżistenza intima tagħha, għandha l-qalb, f’interkomunikazzjoni kostanti mal-membri l-oħra kollha tal-Ġisem ta’ Kristu. 

Ta’ din il-komunjoni vitali l-Presbiteri huma għas-servizz fi kwalità ta’ rgħajja, bis-saħħa tal-Ordni sagramentali u tal-mandat li l-Knisja tagħhom ittihom.

Fil-Konċilju Vatikan II, il-Knisja fittxet li terġà tqajjem fil-Presbiteri dak l-għarfien ta’ appartenenza u ta’ partiċipazzjoni, sabiex kull wieħed minnhom iżomm preżenti li, minkejja li huwa Ragħaj, ikomplu jkun nisrani li għandu jadatta ruħu għall-esiġenzi kollha tal-Magħmudija tiegħu u jgħix bħala ħu l-imgħammdin l-oħra kollha, fis-servizz “tal-istess u uniku Ġisem ta’ Kristu, li l-bini tiegħu huwa dmir ta’ kulħadd” (Presbyterorum Ordinis, 9). Huwa sinifikattiv li, a bażi tal-ekklesjoloġija tal-Ġisem ta’ Kristu, il-Konċilju jenfasizza l-karattru fratern tar-relazzjonijiet tas-Saċerdot mal-fidili l-oħra, kif diġa kien stabilixxa l-karattru fratern tar-relazzjonijiet tal-Isqof mal-Presbiteri. Fil-komunità nisranija r-relazzjonijiet huma essenzjalment fraterni, kif talab Ġesù fil-“mandat tiegħu mfakkar b’tant insistenza mill-Appostlu San Ġwann fil-Vanġelu u fl-Ittri (cf. Ġw 13, 14; 15, 12. 17; 1 Ġw 4, 11. 21). Ġesù stess jgħid lid-dixxipli tiegħu: “Intom ilkoll aħwa” (Mt 23, 8).

2. Skont it-tagħlim ta’ Ġesù, li tippresiedi komunità ma jfissirx tiddominaha, imma taqdiha. Huwa stess tana l-eżempju tar-Ragħaj li jirgħa u jaqdi l-merħla tiegħu, u xandar li huwa ġie biex jaqdi mhux biex ikun moqdi (cf. Mk 10, 45; Mt20, 28). Fid-dawl ta’ Ġesù, Ragħaj it-tajjeb u uniku Mgħallem u Mulej (cf. Mt 23, 8), il-Presbiteru jifhem li ma jistax ifittex l-unur propju linqas l-interess propju, imma biss dak li ried Ġesù Kristu, waqt li jwiegħed ruħu għas-servizz tas-Saltna tiegħu fid-dinja. Huwa mela jaf – u l-Konċilju dan ifakkarulu – li għandu jġib ruħu bħala qaddej ta’ kulħadd,  b’donazzjoni sinċiera u ġeneruża tiegħu nnifsu, waqt li jaċċetta s-sagrifiċċji kollha mitluba mis-servizz u waqt li jiftakar dejjem li Ġesù Kristu, uniku Mulej u Mgħallem, li ġie biex jaqdi, dan wettqu sa ma ta “ħajtu għall-fidwa tal-multitudni” (Mt 20, 28).

3. Il-problema tar-rapporti tal-Presbiteri mal-fidili l-oħra fil-komunità nisranija tieħu xgħira partikolari fir-rigward tal-hekk imsejjaħ lajkat, li, bħala tali, kiseb importanza speċjali fl-epoka tagħna, minħabba l-għarfien il-ġdid tar-rwol essenzjali svolġut mill-fidili lajċi fil-Knisja.

Huwa magħruf kif l-istess ċirkustanzi storiċi iffavorew it-twelid mill-ġdid kulturali u organizzattiv tal-lajkat, b’mod speċjali fis-seklu Tmintax, u kif fil-Knisja żviluppat ruħha bejn iż-żewġ gwerer mondjali tejoloġija tal-lajkat li wasslet għal-Digriet tal-Konċilju speċjali, Apostolicam actuositatem  u, b’mod iktar fundamentali, għall-viżjoni komunitarja tal-Knisja li għandha fil-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, u għall-post li fiha jiġi magħruf għal-lajkat.

Inkwantu għar-rapporti tal-Presbiteri mal-Lajċi, il-Konċilju jikkunsidrahom fid-dawl tal-komunità ħajja, attiva u organika, li s-Saċerdot huwa msejjaħ biex jifforma u biex jiggwida. Għal dan l-iskop il-Konċilju jirrakkomanda lill-Presbiteri li jagħrfu u jippromwovu b’mod sinċier id-dinjità tal-lajċi: dinjità ta’ persuni umani, elevati mill-Magħmudija għall-filjolanza divina u mogħnija bid-doni propji tal-grazzja. Għal kull waħda minnhom, id-don divin jistabilixxi rwol propju fil-missjoni ekkleżjali ta’ salvazzjoni wkoll fl-isferi – bħal dawk tal-familja, tas-soċjetà ċivili, tal-professjoni, tal-kultura, eċċ. – li fihom il-Presbiteri ordinarjament ma jistgħux jiżvolġu l-irwoli speċifiċi tal-lajċi (cf. PO 9). L-għarfien ta’ din l-ispeċifità għandha tkun akkwistata dejjem iktar kemm mil-lajċi kif ukoll mill-Presbiteri, a bażi ta’ sens iktar perfett tal-appartenenza u tal-parteċipazzjoni ekkleżjali.

4. Dejjem skont il-Konċilju, il-Presbiteri għandhom jirrispettaw il-libertà ġusta tal-lajċi, ladarba wlied Alla animati mill-Ispirtu Santu. F’din il-klima ta’ rispett tad-dinjità u tal-libertà, wieħed jifhem l-eżortazzjoni tal-Konċilju lill-Presbiteri: “Kunu lesti biex tisimgħu il-parir tal-lajċi”, waqt li żżommu f’moħħkom l-aspirazzjonijiet tagħhom u l-kompetenza fl-attività umana, biex tagħrfu s-sinjali taż-żminijiet”. U iktar, il-Presbiteri jfittxu li jiddixxernaw, bl-għajnuna ta’ Alla, il-kariżmi tal-lajċi,”kemm dawk umli kif ukoll dawk għolja”, u jridu “jammettuhom bil-ferħ u jqanqluhom b’diliġenza” (Ivi).

Huwa nteressanti u importanti li l-Konċilju josserva u jħeġġeġ: “Dwar id-doni ta’ Alla li jinsabu b’mod abbundanti fost il-fidili, jimmeritaw attenzjoni speċjali dawk li jimbuttaw għal ħajja spiritwali iktar elevata” (Ivi). Grazzi lil Alla, nafu li huma bosta – ukoll fil-Knisja tallum, u spiss ukoll barra mill-organizzazzjonijiet viżibbli tagħha – il-fidili li jiddedikaw ruħhom għat-talb, għall-meditazzjoni, għall-penitenza (almenu għal dik tax-xogħol fatikuż ta’ kuljum, imwettaq b’diliġenza u sabar, u għal dik tal-konvivenza diffiċli), bi u bla impenji ta’ apostolat militanti diretti. Huma spiss iħossu l-bżonn ta’ Saċerdot kunsillier jew saħansitra direttur spiritwali, li jilqagħhom, jismagħhom u jżommhom diretti lejn ħbiberija nisranija, b’umiltà u b’karità.

Wieħed jasal li jgħid li l-kriżi morali u soċjali ta’ żmienna, bil-problemi li jiftħu kemm fl-individwi kif ukoll fil-familji, jagħmlu jinħass iktar qawwi dan il-bżonn ta’ għajnuna saċerdotali fil-ħajja spiritwali. Għarfien ġdid u dedikazzjoni ġdida għall-ministeru tal-konfessjonarju u tad-direzzjoni spiritwali huma rakkomandati b’mod profond lill-Presbiterii ukoll minħabba t-talbiet ġodda tal-lajċi mixtieqa li jsegwu l-ħajja tal-perfezzjoni nisranija ttraċċjata mill-Vanġelu.

5. Il-Konċilju jirrakkomanda lill-Presbiteri li jagħrfu jippromwovu, iħeġġu l-koperazzjoni tal-lajċi għall-apostolat u għall-istess ministeru pastorali fl-isfera tal-komunità nisranija, waqt li ma jaħsbuhiex li “jafdaw lil-lajċi bi nkarigi għas-servizz tal-Knisja” u “billi jħallulhom il-libertà tal-azzjoni u l-marġni konvenjenti tal-awtonomija” (Ivi). Aħna fil-loġika tar-rispett tad-dinjità u tal-libertà ta’ wlied Alla, imma wkoll tas-servizz evanġeliku: “servizz lill-Knisja”, jgħid il-Konċilju. Huwa sewwa li ntennu li dan kollu jissopponi sentiment ħaj tal-appartenenza għall-komunità u tal-parteċipazzjoni attiva għall-ħajja tagħha. U, iktar fil-fond, il-fidi u l-fiduċja fil-grazzja li topera fil-komunità u fil-membri tagħha.

Bħala ġebla tax-xewka tal-prassi pastorali f’dan il-qasam, jistà jservi dak li jgħid il-Konċilju, jiġifieri li l-Presbiteri “jsibu ruħhom f’nofs il-lajċi biex imexxu lil kulħadd għall-unità tal-karità” (Ivi). Kollox idur madwar din il-verità ċentrali u, b’mod partikolari, l-ftuħ u l-ilqugħ għal kulħadd, l-isforz kostanti biex tkun mgħassa u ristabilità l-armonija, biex tiffavorixxi r-rikonċiljazzjoni, biex tippromwovi l-fehim mutwu, biex toħloq klima ta’ paċi. Iva, il-Presbiteri għandhom ikunu, dejjem u kullimkien, irġiel ta’ paċi.

6. Il-Konċilju jafda lill-Presbiteri din il-missjoni ta’ paċi komunitarja fil-karità u fil-verità. “Lilhom imiss jarmonizzaw l-mentalitajiet differenti b’mod li ħadd, fil-komunità tal-fidili, ma jkun jistà jħossu barrani. Huma jieħdu ħsieb il-ġid komuni, f’isem l-Isqof, u jkunu fl-istess ħin entużjasti qalbiena tal-verità, li fiha jfittxu li jżommu lill-fidili, waqt li jevitaw li jkunu mħawda “minn kwalunkwè riħ ta’ dutrina” bħal ma jwissi San Pawl (Ef 4, 14). B’mod speċjali għandhom jieħdu ħsieb ta’ dawk li abbandunaw il-frekwenza tas-sagramenti jew forsi saħansitra l-fidi u bħala rgħajja tajbin iħossu li ma kellhomx jittraskuraw ir-riċerka tagħhom” (Ivi).

L-interess tagħhom huwa mela għal kulħadd, ġewwa u barra l-mergħa, skont l-esiġenzi tad-dimensjoni missjonarja li, illum, ma jistax ma jkollhiex il-pastorali. Dwar dan l-orizzont pastorali kull Presbiteru iserraħ il-problema tal-kuntatti ma’ dawk li jemmnu, ma dawk mhumiex reliġjużi, ma dawk li saħansitra jiddikjaraw lilhom infushom atei. Lejn kulħadd iħoss ruħu mbuttat mill-karità pastorali; lil kulħadd ifittex li jiftaħ il-bibien tal-komunità. Il-Konċilju għal dan il-punt ifakkar lill-Presbiteri l-attenzjoni wkoll lejn “l-aħwa li ma jgawdux il-komunjoni ekkleżjastika sħiħa magħna”. Dan huwa l-orizzont ekumeniku. U fl-aħħarnett jikkonkludi bl-istedina biex “jikkunsidraw bħala rakkomandati speċjali (għall-urġenza pastorali tagħhom) lil dawk li ma jafux lil Kristu Salvatur ta’ kulħadd” (Ivi). Li tgħarraf lil Kristu, li tiftħilhom il-bibien tal-moħħ u tal-qalb, li tikkopera fil-miġja dejjem ġdida fid-dinja: hawn hi r-raġuni essenzjali tal-ministeru pastorali.

7. Din hija kunsinna diffiċli li tiġi mingħand Kristu lill-Presbiteri permezz tal-Knisja. Huwa mifhum sew li l-Konċilju jitlob lill-fidili kollha l-kollaborazzjoni li huma kapaċi jagħtu, bħal għajnuna fix-xogħol u fid-diffikultajiet, u qabel dan bħala fehim u mħabba. Il-fidili huma t-terminu l-ieħor tar-rapport tal-karità li għandu jorbot lill-Presbiteri mal-komunità kollha. Il-Knisja, li tirrakkomanda lis-Saċerdoti tagħha attenzjoni u ħsieb tal-fidili issejjaħ minn-naħa tagħhom lill-fidili għal solidarjetà lejn ir-Rgħajja: “Il-fidili min-naħa tagħhom, ikollhom għarfien tad-dejn  li għandhom fil-konfront tal-Presbiteri, u jitrattawhom għalhekk b’imħabba filjali, bħala rgħajja u missirijiet tagħhom; u waqt li jaqsmu l-preokkupazzjonijiet tagħhom, jisfurzaw, safejn hu possibbli, li jkunu ta’ għajnuna għall-Presbiteri tagħhom bit-talb u bl-aġir” (Ivi).

Dan itenni l-Papa, waqt li jdur lejn il-fidili lajċi kollha b’talba urġenti f’isem Ġesù, Mulej u Mgħallem uniku tagħna: għinu lir-Rgħajja tagħkom bit-talb u bl-aġir, ħobbuhom u sostnuhom fl-eżerċizzju ta’ kuljum tal-ministeru tagħhom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb