72. Il-Ħsad huwa kbir imma l-Ħaddiema ftit.


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 29/09/1993.

Non vos me elegistis sed ego elegi vos”.

Mhux intom għażiltu lili imma jien għazilt lilkom. B’dan il-kliem irrid nibda l-katekeżi li tinsab f’nofs iċ-ċiklu kbir ta’ katekeżi dwar il-Knisja. F’dan iċ-ċiklu kbir tinsab il-katekeżi dwar il-vokazzjoni saċerdotali. Il-kliem li Ġesù qal lill-Appostli huwa emblematiku u jirreferi mhux biss għat-Tnax, imma jirreferi għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-persuni li Ġesù Kristu sejjaħ tul is-sekli. Jirreferi f’sens personali għal uħud: qed nitkellmu dwar il-vokazzjoni saċerdotali, imma qed naħsbu, fl-istess ħin ukoll dwar il-vokazzjonijiet tal-ħajja kkonsagrata, maskili u femminili. Din hija problema ċentrali għall-Knisja, għall-fidi, għall-futur tal-fidi f’din id-dinja: il-vokazzjonijiet. Il-vokazzjonijiet, kull vokazzjoni hija don ta’ Alla skont il-kliem ta’ Ġesù. Jien għażilt lilkom. Mela din hija għażla. Elezzjoni ta’ Ġesù li tmiss dejjem lill-persuna, imma din il-persuna tgħix f’ċertu kuntest ta’ familja, ta’ soċjetà, ta’ ċiviltà, ta’ Knisja. Mela, il-vokazzjoni hija don, imma hija wkoll tweġiba għal dan id-don. Bħal kull wieħed minna kif l-imsejjaħ, il-magħżul, jagħraf iwieġeb għal din is-sejħa divina jiddependi minn bosta ċirkustanzi, jiddependi minn ċerta maturità interna tal-persuna, jiddependi minn dik li hija msejħa kollaborazzjoni mal-Grazzja ta’ Alla.

Taf tikkollabora, taf tismà, taf issegwi. Nafu sewwa, niftakru, li Ġesù lil dak iż-żagħżugħ fil-Vanġelu qallu: “Imxi warajja”. Taf issegwi, u meta ssegwi allura l-vokazzjoni hija matura, il-vokazzjoni titwettaq, tattwalizza ruħha. U dan huwa dejjem għall-ġid tal-persuna u tal-komunità.

Il-komunità min-naħa tagħha, trid tkun taf twieġeb għal dawn il-vokazzjonijiet li jitnisslu ġo l-isferi tagħha. Jitnisslu fil-familja, u l-familja għandha tkun taf tikkolabora mal-vokazzjoni. Jinisslu fil-parroċċa, u l-parroċċa għandha tkun taf tikkollabora mal-vokazzjoni. Dawn huma l-ambjenti tal-ħajja umana, tal-eżistenza: ambjenti eżistenzjali.

Il-vokazzjoni, it-tweġiba għall-vokazzjoni, tiddependi fi grad l-iktar għoli mix-xhieda tal-komunità kollha, tal-familja, tal-parroċċa. Dawn huma l-persuni li jikkollaboraw għat-tkabbir tal-vokazzjonijiet. Dawn huma s-saċerdoti li, bl-eżempju tagħhom, jattiraw liż-żgħażagħ u jiffaċilitaw t-tweġiba għal din il-kelma ta’ Ġesù: “Imxi warajja”. Dawk li rċivew il-vokazzjoni għandhom ikunu jafu jagħtu eżempju ta’ kif wieħed isegwi.

Fil-parroċċa llum iktar wieħed jara li għat-tkabbir tal-vokazzjonijiet, għall-opra vokazzjonali, jikkontribwixxu b’mod speċjali il-Movimenti u l-Assoċjazzjonijiet. Wieħed mill-Movimenti, jew pjuttost Assoċjazzjonijiet, li huwa tipiku tal-parroċċa, huwa dak tal-abbatini, tal-ministranti.

Dan iservi għall-vokazzjonijiet futuri. Hekk kien fl-imgħoddi. Ħafna saru saċerdoti wara li l-ewwel kienu abbatini, ministranti. Ukoll illum dan iservi, imma wieħed irid jisperimenta t-toroq differenti, id-diversi – nistgħu ngħidu – metidoloġiji: bħall-kollaborazzjoni mas-sejħa divina, mal-għażla divina, bħat-twettiq, il-kontribuzzjoni għat-twettiq, dan il-kliem ta’ Ġesù: il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. U dan huwa veru. Huwa dejjem kbir il-ħsad, dejjem ftit il-ħaddiema, b’mod speċjali f’xi pajjiżi.

Imma jgħid Ġesù: itolbu għal dan lill-Mulej sid il-ħsad. Mela, għalina lkoll, mingħajr eċċezzjoni, jibqà d-dmir tat-talb għall-vokazzjonijiet. Jekk inħossuna mdaħħla fl-opra feddejja ta’ Kristu u tal-Knisja, hemm bżonn li nitolbu għall-vokazzjonijiet. Il-ħsad huwa kbir.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!  

Dan huwa t-test imħejji għall-Udjenza ġenerali li l-Qdusija Tiegħu naqas li jippronunzja waqt li pprefera jindirizza lill-fidili b’espressjonijiet improviżati.  

1. Meta wieħed jitkellem dwar is-saċerdozju, il-lingwaġġ – ispirat tal-Bibbja – jesprimi idea li ma tirrigwardax professjoni jew sengħa paragonabbli għal dawk ikkatalogati fid-dinja tal-ħwejjeġ “profani”. Huwa kważi istintiv, fl-istess lingwaġġ u fil-proċess mentali li jwassal biex jintuża dak it-terminu, ir-riferenza għas-“sagru”: kemm bħala missjoni u uffiċċju li wieħed jassumi, kif ukoll bħala stat ta’ ħajja li wieħed iħaddan. Din hija rabta semantika (dak li jkun jistà jgħid) li fiha tirrifletti ruħha mhux biss it-tradizzjoni terminoloġika nisranija, imma wkoll l-istituzzjoni tas-saċerdozju mogħti minn Ġesù lill-Appostli u, permezz tagħhom, lis-suċċessuri, lill-koperaturi u kontinwaturi tagħhom tul is-sekli.

Biex niddaħħlu f’din l-isfera tas-“sagru” li jiġi mis-saċerdozju, hemm bżonn vokazzjoni, mifhumha mhux fis-sens soċjoloġiku u psikoloġiku ta’ propensjoni, talent, attitudni, eċċ., imma bħala sejħa, don, opra ta’ Alla. Dan huwa fatt ta’ grazzja, li jappartieni lill-misteru tad-donazzjonijiet liberi u gratwiti ta’ Alla lill-bnedmin u tal-azzjoni li Kristu-Kap jiżvolġi fil-Knisja, bħala Ġismu fi żvilupp kontinwu (cf. Kol 2, 19; Ef 4, 11-12-15-16), bl-opra tal-Ispirtu Santu (cf. Ef 2, 22; 1 Pt 2, 5). Skont San Pawl, il-vokazzjonijiet ekkleżjali differenti huma stabbiliti minn Alla (cf. 1 Kor 12, 28) u huma doni ta’ Kristu (cf. Ef 4, 7. 11). B’mod speċjali l-vokazzjoni saċerdotali hija nkluża fost dawn id-doni; speċjalment għall-Presbiteri (u għall-Isqfijiet) jgħodd dak il-kliem ta’ Ġesù lill-Appostli dwar il-friegħi tal “unika dielja”: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru u ġġorru l-frott…” (Ġw 15, 16; cf Ġw 15, 1-2).

2. U madankollu wkoll il-vokazzjoni, minkejja li hija sejħa gratwita ta’ Alla, tesiġi l-koperazzjoni umana, qabel kollox min-naħa tas-suġġett innifsu. La darba jkunu aċċertati s-sinjali tal-vokazzjoni u milqugħa liberament l-istedina biex issegwi lil Kristu, konvalidata mill-Isqof, huwa jrid jikkorrispondi bid-disponibiltà, l-ubbidjenza, l-għoti tiegħu nnifsu, it-tħejjija mitluba kemm għall-akkwist tal-virtujiet, kif ukoll għat-taħriġ u l-formazzjoni għall-ministeru, kif ukoll għall-“curriculum” meħtieġ ta’ studji u ta’ eżerċitazzjoni pastorali. Din hija kwistjoni ta’ responsabiltà personali, li fiha kull “imsejjaħ” għandu jimpenja ruħu, bl-għajnuna tal-organi ekkleżjali, biex jattrezza u jirrendi dejjem iktar addattat. Hawn,iżda, irridu nitkellmu dwar il-koperazzjoni tal-komunità nisranija kollha għall-iskopertà, għad-dixxerniment u għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet saċerdotali. Din hija opra komuni, għaliex komuni huwa l-interess u l-ġid tal-Knisja, u allura d-dmir tal-koperazzjoni. Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Id-dmir li nuru nteress fiż-żieda tal-vokazzjonijiet saċerdotali jmiss lill-komunità nisranija kollha” (Optatam totius, 2; Pastores dabo vobis, 34-41).

Il-Konċilju mbagħad jelenka x-xogħlijiet u d-dmirijiet li, fil-komunità nisranija, jmissu lil xi istituzzjonijiet partikolari. Qabel kollox il- familji, “li, jekk imqnqlin minn spirtu ta’ fidi, ta’ karità u ta’ ħniena, jikkostitwixxu bħala l-ewwel seminarju” (Optatam totius; 2). Fl-ambjent familjari b’saħħtu u devot, ordinarjament, isib ruħu fiż-żminijiet kollha l-aħjar mixtla tal-vokazzjonijiet. Il-koeffiċjent l-iktar validu u fertili għall-fjoritura tagħhom huwa t-talb fil-familja. Irridu niftakru dejjem li bosta riżultati tal-azzjoni ekkleżjali u tal-ministeru pastorali joħorġu minn familji umli, imma ta’ ħajja nisranija sempliċi u sinċiera.

Barra l-familji, il-parroċċi, “li mill-ħajja fjorenti tagħhom jidħlu jagħmlu parti l-istess adoloxxenti” (Ivi). Dawn huma mxietel ikbar, li fihom mhux biss tiġi ntegrata u kompluta l-edukazzjoni familjari, imma spiss jimmanifestaw ruħhom, jiżviluppaw, jiġu mitmugħa l-vokazzjonijiet, kemm tas-saċerdozju kif ukoll tal-ħajja reliġjuża. Ċerti parroċċi huma ċelebri għan-numru u għall-kwalità tal-membri li taw u b’ċertu qies għadhom jagħtu lill-kleru dijoċeżan u lill-istituti reliġjużi. Fl-oriġni ta’ kollox, ġeneralment, hemm xi saċerdoti qaddisin, xi reliġjużi, jew edukaturi oħra, li kienu jgħixu bil-fidi u bl-imħabba tal-Knisja.

Il-Konċilju jagħmel eżoratazzjoni lill-edukaturi u lid-diriġenti tal-assoċjazzjonijiet ġovanili afdati lilhom b’mod li huma jinsabu f’pożizzjoni li jiskopru l-vokazzjoni divina u li jsegwuha b’ġenerożità” (Optatam totius, 2). Jiena wkoll irrid niġbed l-attenzjoni tal-edukaturi nsara dwar il-possibiltà u r-responsabiltà f’dan il-qasam. Jiftakru li vokazzjoni tistà titnissel u tiżviluppa minn kelma tagħhom, minn xhieda tagħhom ta’ ħajja u ta’ talb.

3. Imma x-xorti tal-vokazzjonijiet, u allura tal-kleru u tal-Knisja, tinsab b’mod speċjali f’idejn l-istess Presbiteri: “Is-Saċerdoti kollha – jirrakkomanda l-Konċilju – juru ż-żelu apostoliku tagħhom massimament fil-favuriżmu tal-vokazzjonijiet, u bil-ħajja umli tagħhom, operuża, migħuxa b’ferħ intern, kif ukoll bl-eżempju tal-karità saċerdotali reċiproka tagħhom u tal-kollaborazzjoni fraterna, jiġbdu lejn is-saċerdozju l-moħħ tal-adoloxxenti” (Optatam totius, 2). Din hija esperjenza universali fil-Knisja. Il-vokazzjonijiet jitnisslu mill-vokazzjonijiet: huma bħal patrimonju li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, jew katina sabiħa li fiha bosta ċrieket jdommu lilhom infushom f’xulxin b’mod suċċessiv mid-derivazzjoni tal-fidi, tal-karità, tat-talb, taż-żelu, minn saċerdot għal saċerdot, b’mod speċjali meta dak li jkun jgħix u jixhed id-donazzjoni totali tiegħu nnifsu lil Kristu. Għandha tkun ambizzjoni qaddisa ta’ kull Presbiteru li jnebbet mis-saċerdozju propju talinqas ċurkett ieħor tal-katina li jinħtieġ li ttawwal tul is-sekli is-sekwenza ta’ Kristu u s-servizz lill-erwieħ.

Il-Konċilju ifakkar fl-aħħarnett il-missjoni tal-Isqfijiet, li barra milli jiffavorixxu f’dan il-qasam il-kollegament strett tal-enerġiji u tal-inizjattivi kollha, għandhom iġibu ruħhom “bħal missirijiet fl-għajnuna blataqtà ta’ saġrifiċċji lil dawk li huma jiġġudikaw bħala msejħin minn Alla” (Optatam totius, 2). Nafu l-istorja ta’ tant qaddisin Isqfijiet li lihom huwa dovut li bosta żgħażagħ setgħu jaslu għas-saċerdozju. Huma aġixxew b’mod validu, kważi dejjem fis-skiet, biex jassikuraw lill-poplu nisrani u lill-Knisja Presbiteri mill-aqwa, bosta drabi saħansitra qaddisin.

Hawn infakkar li fid-Direttorju dwar il-ministeru tal-Isqfijiet “Ecclesiae Imago”, tat-22 ta’ frar 1973, jingħad li l-kura tal-vokazzjonijiet huwa “dmir primarju” tagħhom (Ench. Vat., IV, 2264-2265) u jiena stess fil-Pastores dabo vobis tennejt li jmiss lill-Isqfijiet, bl-għajnuna tal-Presbiteri u tal-komunità dijoċeżana kollha, li jippromwovu u jsostnu l-vokazzjonijiet fost it-tfal u fost iż-żgħażagħ, waqt li jgħinu l-iżvilupp (nn. 63-64).

4. Utli, għal tali skop, huwa wkoll is-Seminarju minuri, stabbilit biex joffri ambjent addattat għall-iżvilupp tal-vokazzjoni, li tistà timmanifesta ruħha kmieni ħafna, imma tinħtieġ kondizzjonijiet favorevili b’mod partikolari biex tistabilixxi ruħha u tissaħħaħ fl-għarfien u fir-rieda żagħżugħa.

Ukoll forom oħra ta’akkompanjament vokazzjonali jistgħu jkunu predisposti, bħal ngħidu aħna l-gruppi vokazzjonali għall-adoloxxenti u għaż-żgħażagħ, il-laqgħat sistemateċi, il-perijodi ta’ sperimentazzjoni eċċ.: f’mhux ftit postijiet qegħdin jagħtu riżultati tajbin ħafna.

Hu x’inhu, il-promozzjoni tal-vokazzjonijiet saċerdotali trid tiżviluppa ruħha fir-rispett tal-libertà personali ta’ kull wieħed, minkejja l-impenn li ssostniha spiritwalment u ekkleżjalment. Ir-rispett tal-libertà m’għandux għalhekk ikun imfixkel li jipproponi ruħu bil-modi xierqa – almenu għal dawk li “jistgħu jifhmu” – l-ideal tas-saċerdozju u d-dutrina evanġelika tal-vokazzjoni. Pastorali vokazzjonali awtentika “ma tgħejja qatt teduka lit-tfal, l-adoloxxenti u liż-żgħażagħ għall-gost tal-impenn, għas-sens tas-servizz gratwit, għall-valur tas-sagrifiċċju, għad-donazzjoni inkondizzjonata ta’ dak li jkun” (Pastores dabo vobis, 40).

Ukoll taħt l-aspett tal-formazzjoni umana tal-personalità, hija mportanti l-formazzjoni għal dawn il-prinċipji u valuri tal-ħajja. Illum iqanqlu tamiet l-esperjenzi tal-voluntarjat, li jistgħu jservu wkoll biex jimmaturaw xi vokazzjonijiet, jekk ikunu migħuxa b’mod evanġeliku. Din hija t-triq sabiħa u fruttuża ta’ bosta żgħażagħ.

5. Imma lkoll, fil-Knisja, illum iktar minn qabel, għandna nassumu r-responsabiltà tagħna f’dan il-qasam, bi spirtu ta’ fidi u ta’ tama, waqt li niftakru d-dmir li nħejju kondizzjonijiet addattati għall-ħajja spiritwali ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri. F’reġgjuni differenti wieħed jinnota “kriżi” tal-vokazzjonijiet, b’mod speċjali fejn il-mentalità sekolaristika u l-kumdità tal-ħajja donnhom joperaw bħal speċi ta’ anestesija morali li twarrab il-ħila ta’ rejazzjoni għall-materjaliżmu edonistiku u tirrendi insensibbli għall-attrazzjonijiet tal-interjorità, tat-talb, tas-sagrifiċċju ta’ dak li jkun.

Hemm madankollu f’bosta postijiet xi sinjali ta’ qawmien spiritwali, b’mod speċjali f’ħafna żgħażagħ. Mhemmx kondizzjonijiet soċjo-kulturali diffiċli li jistgħu jimpedixxu lill-grazzja tal-Ispirtu Santu milli tippenetra fil-qlub u milli tqanqal fil-Knisja demm ġdid ta’ ħaddiema tal-ħsad ta’ Kristu. Bla dubju, hemm bżonn li nikkorrispondu mal-ażżjoni tal-grazzja, bħala ndividwi u bħala komunità.

Ġesù kien jistieden lid-dixxipli biex “jitolbu lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu”. L-istedina u l-eżortazzjoni huma wkoll għad-dixxipli tiegħu tallum: l-Isqfijiet, il-Presbiteri, ir-Reliġjużi Irġiel u Nisa, il-fidili, li l-Konċilju jsejjaħ biex jokkupaw ruħhom bil-vokazzjonijiet u biex jitolbu sabiex dawn ikunu numerużi, tajbin u perseveranti. Fl-aħhar minn l-aħħar, ukoll it-tweġiba pożittiva għall-vokazzjoni hija don ta’ grazzja x’nitolbu lill-Mulej. “Kollox huwa grazzja”: ukoll l-iva meraviljuża li biha żagħżugħ jew adult, jew saħansitra tfajjel aspiranti għas-saċerdozju, tesprimi t-tweġiba tiegħu ta’ mħabba għall-imħabba. “Kollox huwa grazzja”: u fil-fond ta’ din iċ-ċertezza, il-Knisja titlob u topera għall-vokazzjonijiet b’qalb mimlija bit-tama.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb