93. In-Nisa jixhdu xhieda effettiva lill-Fidi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 06/07/1994.

1. Meta wieħed jitkellem dwar id-dinjità u l-missjoni tal-mara skont id-dutrina u l-ispirtu tal-Knisja, jeħtieġ li jkollu għajnejn għall-Vanġelu, li fid-dawl tiegħu n-nisrani jara, jeżamina, jiġġudika kollox.

Fil-katekeżi preċedenti ipproġettajna d-dawl tar-Rivelazzjoni fuq l-identità u d-destin tal-mara, waqt li ppreżentajna bħala senjakolu lill-Verġni Marija, skont l-indikazzjonijiet tal-Vanġelu. Imma f’dak l-istess sors divin insibu sinjali oħra tar-rieda ta’ Kristu fir-rigward tal-mara. Huwa jitkellem dwarha b’rispett u tjieba, waqt li juri fl-atteġġjament tiegħu r-rieda li jilqà l-mara u li jitlob l-impenn tagħha fl-istawrazzjoni tas-Saltna ta’ Alla fid-dinja.

2. Nistgħu niftakru qabel kollox il-każijiet numerużi ta’ fejqan ta’ nisa (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 13). U dawk l-oħrajn li fihom Ġesù jirrivela qalbu ta’ Salvatur, mimli ħniena fil-laqgħat ma’ dawk li jbatu, kemm irġiel kif ukoll nisa. “La tibkix!” jgħid lill-armla ta’ Nain (Lq 7, 13). U mbagħad jagħtiha lura lil binha mqajjem mill-mewt. Dan l-episodju jħalli li nilmħu liema kellu jkun is-sentiment intimu ta’ Ġesù lejn ommu, Marija, fil-prospettiva drammatika tas-sehem fil-Passjoni u l-Mewt tiegħu. Ukoll lil bint mejta ta’ Ġajru jkellem bil-ħlewwa: “Tfajla, jien ngħidlek, qum!” U, irxuxtatha, jordna “biex jagħtuha tiekol” (Mk 5, 41.43). Mill-ġdid, juri s-simpatija tiegħu lejn il-mara mgħawġa, li huwa jfejjaq: u f’dan il-każ, bir-referenza għal Satana, jġiegħel jaħseb lil dak li jkun ukoll dwar is-salvazzjoni spiritwali li jġib lil dik il-mara (cf. Lq 13, 10-17).

3. F’paġni oħra tal-Vanġelu insibu espressa l-ammirazzjoni ta’ Ġesù għall-fidi ta’ xi nisa. Per eżempju, fil-kaz ta’ dik li kienet tbati bl-emorojde: “Il-fidi tiegħek salvatek” (Mc 5, 34), jgħidilha. Dan huwa eloġju li għandu ferm iktar valur minħabba li l-mara kienet oġġett tas-segregazzjoni mposta mil-liġi l-antika. Ġesù jeħles lill-mara wkoll minn din l-oppressjoni soċjali. Min-naħa tagħha, il-Kananina tirċievi mingħand Ġesù l-għarfien: “Mara, tassew kbira hija l-fidi tiegħek” (Mt 15, 28). Dan huwa eloġju li għandu sinifikat għal kollox partikolari, jekk dak li jkun jaħseb li kien indirizzat lil barranija għad-dinja ta’ Iżrael. Nistgħu ukoll infakkru l-ammirazzjoni ta’ Ġesù għall-armla li toffri l-offerta tagħha lit-teżor tat-tempju (cf. Lq 21, 1-4); u l-apprezzament tiegħu għas-servizz li jirċievi mingħand Marija ta’ Betanja (cf. Mt 26, 6-13; Mk 14, 3-9; Ġw 12, 1-8), li l-ġest tagħha – huwa jħabbar – se jitwassal għall-għarfien tad-dinja kollha.

4. Fil-parabboli tiegħu wkoll Ġesù ma joqgħodx lura biex iwassal similitudnijiet u eżempji meħudin mid-dinja femminili, b’differenza mill-midrash tar-rabbini, fejn jidhru biss figuri maskili. Ġesù jirreferi kemm għal nisa kif ukoll għal irġiel.  Li kellna nqabblu, nistgħu naslu li ngħidu li l-vantaġġ huwa fuq in-naħa tal-mara. Dan ifisser,  ta’ linqas, li Ġesù jevita saħansitra l-apparenza ta’ attribuzzjoni ta’ inferjorità lill-mara.

U iktar:  Ġesù jiftaħ l-aċċess tas-Saltna tiegħu lin-nisa bħal ma għall-irġiel. Waqt li jiftħu għan-nisa, huwa jrid jiftħu għat-tfal. Meta jgħid: “Ħalluhom lit-tfal jiġu għandi” (Mk 10, 14), huwa jirrejaġixxi għas-sorveljanza tad-dixxipli li riedu jżommu lin-nisa milli jippreżentaw lil uliedhom lill-Imgħallem. Wieħed ikollu jgħid li huwa jagħti raġun lin-nisa u lill-imħabba tagħhom lejn uliedhom!

Fil-ministeru tiegħu, Ġesù huwa akkumpanjat min-numru ta’ nisa, li jsegwuh u jagħtu servizz lilu u lill-komunità tad-dixxipli (cf. Lq 8, 1-3). Dan huwa fatt ġdid, imqabbel mat-tradizzjoni ġudajka. Ġesù li ġibed lil dawk in-nisa biex isegwuh, ukoll b’dan il-mod juri s-superament tal-preġudizzji mxerrda fl-ambjent tiegħu, bħal ma fil-parti l-kbira tad-dinja antika, dwar l-inferjorità tal-mara. Fit-taqbida tiegħu kontra l-inġustizzji u l-prepotenzi terġà tidħol ukoll din l-esklużjoni tiegħu tad-diskriminazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel fil-Knisja tiegħu (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 13).

5. Ma nistgħux ma nżidux li mill-Vanġelu tirriżulta t-tjubija ta’ Ġesù wkoll lejn xi nisa midimbin, li jitlobhom l-indiema, imma mingħajr ma jeħodha kontra tagħhom minħabba l-iżbalji tagħhom, speċjalment jekk dawn kienu jinvolvu korrisponsabiltà tar-raġel. Diversi episodji huma sinifikattivi ħafna: il-mara li tmur fid-dar ta’ Xmun il-fariżew  (cf. Lq 7, 36-50) mhux biss hija maħfura minn dnubietha, imma hija wkoll imfaħħra għal imħabbitha: is-Sammaritana tiġi mibdula f’messaġġiera tal-fidi l-ġdida (cf. Ġw 4, 7-37); il-mara adultera tirċievi, flimkien mal-maħfra, l-eżortazzjoni sempliċi biex ma tidnibx iktar (cf. Ġw 8, 3-11); (Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 14). Bla ebda dubju mhemmx kunsens f’Ġesù quddiem il-ħażen, id-dnub, magħmul minn kull min hu magħmul: imma kemm fehim tad-dgħufija umana u xi tjubija lejn min diġa jsofri għall-miżerja spiritwali tiegħu, u ftit jew wisq b’mod kuxjenti jfittex fih is-Salvatur!

6. Il-Vanġelu fl-aħħarnett jixhed li Ġesù jsejjaħ espressament lin-nisa biex jikkoperaw fl-opra feddejja tiegħu. Mhux biss jippermettilhom isegwuh biex jagħtu servizz lilu u lill-komunità tad-dixxipli, imma jitlobhom forom oħra ta’ impenn personali. Hekk, jitlob lil Marta l-impenn fil-fidi (cf. Ġw 11, 26-27): u hija, waqt li twieġeb għall-istedina tal-Imgħallem, tagħmel il-professjoni tagħha ta’ fidi qabel il-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru. Wara l-Qawmien mill-Imwiet, jafda lin-nisa twajba li kienu marru ħdejn il-qabar u lil Marija ta’ Magdala, l-inkarigu li jwasslu l-messaġġ tiegħu lill-Appostli (cf. Mt 28, 8-10; Ġw 20,17-18): “In-nisa b’dan il-mod kienu l-messaġġiera tal-Qawmien mill-Imwiet ta’ Kristu lill-istess Appostli” (Cathechismus Catholicae Ecclesiae, 641). Dawn huma sinjali elokwernti biżżejjed tar-rieda tiegħu li jimpenja lin-nisa fis-servizz ras-Saltna.

7. Din l-imġieba ta’ Ġesù għandha l-ispjega tagħha tejoloġika fl-intenzjoni li jgħaqqad l-umanità. Hu, kif jgħid San Pawl, ried jirrikonċilja l-bnedmin kollha permezz tas-sagrifiċċju tiegħu, “f’ġisem wieħed” u jagħmel minn kulħadd “bniedem wieħed ġdid biss” (Ef 2, 15.16), tant li issa “mhemx iktar Lhudi linqas Grieg, mhemmx iktar skjav linqas liberu, mhemmx iktar ragel linqas mara, għaliex intom ilkoll wieħed fi Kristu Ġesù” (Gal 3, 28). U hawn hi l-konklużjoni tal-katekeżi tagħna: jrkk Ġesù Kristu reġà għaqqad mill-ġdid ir-raġel u l-mara fl-ugwaljanza tal-kondizzjoni ta’ wlied Alla, Huwa jimpenja lit-tnejn fil-missjoni tiegħu, mingħajr ma jħassar affattu d-diversità, imma billi jelimina kull inugwaljanza inġusta, u jirrikkonċilja lil kulħadd fl-għaqda tal-Knisja.

8. L-istorja tal-ewwel komunitajiet insara tixhed il-kontribut kbir li n-nisa wasslu għall-evanġelizzazzjoni: nibdew minn “Febe, oħtna – bħal ma jikkwalifikaha San Pawl – djakonessa tal-Knisja ta’ Cencre:  . . . hija wkoll – huwa jgħid – ipproteġiet ħafna, u wkoll lili stess” (Rm 16, 1-2). Nieħu gost hawn nagħmel omaġġ lit-tifkira tagħha u ta’ tant kollaboratriċi oħra tal-Appostli f’Cencre, f’Ruma u fil-komunitajiet insara kollha. Magħhom niftakru u neżaltaw ukoll lin-nisa l-oħra kollha – reliġjużi u lajċi – li tul is-sekli xehdu għall-Vanġelu u ttrażmettew il-fidi, waqt li eżerċitaw influss kbir fuq il-fjoritura ta’ klima nisranija fil-familja u fis-soċjetà.

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Emanuel Zarb